EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012M/PRO/02

TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA VERŻJONI KONSOLIDATA)
PROTOKOLLI
Protokoll (nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 206–209 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/teu_2012/pro_2/oj

26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


PROTOKOLL (Nru 2)

DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJI TA' SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI JIXTIEQU li jaraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib taċ-ċittadini ta' l-Unjoni,

DETERMINATI li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u kif ukoll li jistabbilixxu sistema għall-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni ta' dawk il-prinċipji,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Kull istituzzjoni għandha tassigura r-rispett kontinwu tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Qabel ma tipproponi att leġislattiv, il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, fejn ikun xieraq, iqisu d-dimensjoni reġjonali u lokali ta' l-azzjoni maħsuba. F'każijiet ta' urġenza eċċezzjonali, l-Kummissjoni m'għandhiex tagħmel dawn il-konsultazzjonijiet. Din għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha fil-proposta tagħha.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll, “abbozz ta' att leġislattiv”, għandha tfisser il-proposti mill-Kummissjoni, l-inizjattivi ta' grupp ta' Stati Membri, l-inizjattivi tal-Parlament Ewropew, it-talbiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew jew it-talbiet mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, għall-adozzjoni ta' att leġislattiv.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozzi tagħha ta' atti leġislattivi kif ukoll l-abbozzi emendati tagħha lill-Parlamenti nazzjonali fl-istess ħin li tibgħathom lil-leġislatur ta' l-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew għandu jibgħat l-abbozzi tiegħu ta' atti leġislattivi kif ukoll l-abbozzi emendati tiegħu lill-Parlamenti nazzjonali.

Il-Kunsill għandu jibgħat l-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu minn grupp ta' Stati Membri, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, kif ukoll abbozzi emendati, lill-Parlamenti nazzjonali.

Ir-riżoluzzjonijiet leġislattivi tal-Parlament Ewropew u l-pożizzjonijiet tal-Kunsill għandhom, meta jiġu adottati, jintbagħtu mill-Kunsill lill-Parlamenti nazzjonali.

Artikolu 5

L-abbozzi ta' atti leġislattivi għandhom jiġu ġustifikati fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Kull abbozz ta' att leġislattiv għandu jinkludi fih dikjarazzjoni bl-elementi dettaljati li tippermetti l-valutazzjoni tar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi elementi li jippermettu l-valutazzjoni ta' l-impatt finanzjarju ta' l-abbozz u, fil-każ ta' direttiva, ta' l-implikazzjonijiet tagħha għar-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, inkluż, fejn ikun meħtieġ, il-leġislazzjoni reġjonali. Ir-raġunijiet li jwasslu għall-konklużjoni li objettiv ta' l-Unjoni jista' tintlaħaq aħjar fil-livell ta' l-Unjoni għandhom jiġu sostanzjati b'indikaturi kwalitattivi u, fejn ikun possibbli, kwantitattivi. L-abbozzi ta' atti leġislattivi għandhom iqisu l-ħtieġa li kwalunkwe piż, kemm finanzjarju kif ukoll amministrattiv, li jaqa' fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, fuq l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, fuq l-operaturi ekonomiċi u fuq iċ-ċittadini, ikun minimizzat kemm jista' jkun u jkun proporzjonat ma' l-objettiv li jrid jintlaħaq.

Artikolu 6

Kull parlament nazzjonali jew kull kamra ta' parlament nazzjonali jistgħu, fi żmien tmien ġimgħat mid-data minn meta jirċievu abbozz ta' att leġislattiv fil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni, jibgħatu lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni opinjoni motivata bir-raġunijiet li għalihom iqisu li l-abbozz in kwistjoni ma jimxix mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Kull parlament nazzjonali u kull kamra ta' parlament nazzjonali jistgħu jikkonsultaw, fejn ikun xieraq, mal-Parlamenti reġjonali li jkollhom setgħat leġislattivi.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej minn grupp ta' Stati Membri, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni lill-gvernijiet ta' dawk l-Istati Membri.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni lill-istituzzjoni jew il-korp konċernat.

Artikolu 7

1.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll, fejn huwa xieraq, il-grupp ta' Stati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ġej minnhom, għandhom iqisu l-opinjonijiet motivati tal-Parlamenti nazzjonali jew ta' kamra ta' parlament nazzjonali.

Kull parlament nazzjonali għandu jkollu żewġ voti, imqassma fuq il-bażi tas-sistema parlamentari nazzjonali. Fil-każ ta' sistema Parlamentari bikamerali, kull waħda miż-żewgt ikmamar għandha jkollha vot wieħed.

2.   Meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ta' abbozz ta' att leġislattiv jirrappreżentaw għall-anqas terz tal-voti kollha allokati lill-Parlamenti nazzjonali skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-abbozz għandu jiġi rivedut. Dan il-proporzjoni għandu jkun ta' kwart fil-każ ta' abbozz ta' att leġislattiv preżentat skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 76 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Wara din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni jew, skond il-każ, il-grupp ta' Stati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej minnhom, jistgħu jiddeċiedu li jżommu, jemendaw jew jirtiraw l-abbozz. Għandhom jingħataw raġunijiet għal din id-deċiżjoni.

3.   Barra minn hekk, fil-qafas tal-proċedura leġislattiva ordinarja, meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ta' proposta ta' att leġislattiv jirrappreżentaw għall-anqas maġġoranza sempliċi tal-voti kollha allokati lill-Parlamenti nazzjonali skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, il-proposta għandha tiġi riveduta. Wara din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li żżomm, li temenda jew li tirtira l-proposta.

Jekk tagħżel li żżommha, il-Kummissjoni jkollha tiġġustifika għaliex tqis li l-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, permezz ta' opinjoni motivata. Din l-opinjoni motivata kif ukoll l-opinjonijiet motivati mill-Parlamenti nazzjonali, iridu jintbagħtu lil-leġislatur ta' l-Unjoni għall-konsiderazzjoni fil-proċedura:

a)

qabel jiġi konkluż l-ewwel qari, il-leġislatur (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) għandu jeżamina l-kompatibbiltà tal-proposta leġislattiva mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, b'kont partikolari meħud tar-raġunijiet espressi u kondiviżi mill-maġġoranza tal-Parlamenti nazzjonali kif ukoll ta' l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni;

b)

Jekk, permezz ta' maġġoranza ta' 55 % tal-membri tal-Kunsill jew ta' maġġoranza tal-voti espressi fil-Parlament Ewropew, il-leġislatur huwa ta' l-opinjoni li l-proposta ma' tkunx kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta leġislattiva m'għandhiex tiġi kkunsidrata aktar.

Artikolu 8

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi fuq ksur tal-prinċipji tas-sussidjarjetà minn att leġislattiv, li jitressqu skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, mill-Istati Membri jew li jiġu notifikati minnhom skond l-ordinament ġuridiku tagħhom f'isem parlament nazzjonali jew kamra minnu.

Skond ir-regoli previsti fl-imsemmi Artikolu, il-Kumitat tar-Reġjuni jista' wkoll jagħmel rikors bħal dan kontra l-atti leġislattivi li għalihom t-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jipprevedi l-konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni għall-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport kull sena lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Parlamenti nazzjonali dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ir-rapport annwali għandu jiġi mgħoddi wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.


Top