Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012E121

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea
    IT-TIELET PARTI - POLITIKA UAZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI
    TITOLU VIII - POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA
    Kapitolu 1 - Politika ekonomika
    Artikolu 121
    (ex Artikolu 99 TKE)

    ĠU C 326, 26.10.2012, p. 97–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2012/art_121/oj

    26.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 326/1


    TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

    IT-TIELET PARTI

    POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI

    TITOLU VIII

    POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA

    KAPITOLU 1

    POLITIKA EKONOMIKA

    Artikolu 121

    (ex Artikolu 99 TKE)

    1.   L-Istati Membri għandhom iqisu il-linji tal-politika ekonomika tagħhom bħala materja ta' interess komuni u għandhom jikkordinawhom fi ħdan il-Kunsill, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 120.

    2.   Il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jifformola abbozz għal-linji direttivi ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni, u għandu jirrapporta r-riżultati lill-Kunsill Ewropew.

    Il-Kunsill Ewropew għandu, jiddiskuti x'konklużjoni għandu jasal għaliha dwar il-linji direttivi ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tar-rapport tal-Kunsill.

    Fuq il-bażi ta’ din il-konklużjoni, il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni li tistipula dawn il-linji direttivi ġenerali. Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bir-rakkomandazzjoni tiegħu.

    3.   Sabiex jiżgura koordinazzjoni aktar stretta tal-linji ta' politika ekonomika u l-konverġenża kontinwa fl-attività ekonomika ta' l-Istati Membri, il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta’ rapporti preżentati mill-Kummissjoni, jissorvelja l-iżviluppi ekonomiċi f'kull Stat Membru u fl-Unjoni, kif ukoll il-konformità ta’ kull politika ekonomika mal-linji direttivi ġenerali imsemmijja fil-paragrafu 2, kif ukoll jagħmel stima komplessiva regolarment.

    Għall-finijiet ta’ din is-sorveljanza multilaterali, l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri importanti li jkunu ttieħdu minnhom fil-qasam tal-politika ekonomika tagħhom kif ukoll kull informazzjoni oħra li jqisu li tista' tkun meħtieġa.

    4.   Meta jiġi stabbilit, taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 3, li l-politika ekonomika ta' Stat Membru mhijiex konformi mal-linji direttivi ġenerali previsti fil-paragrafu 2 jew li hemm ir-riskju li tipperikola l-funzjonament xieraq ta' l-Unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni tista' tindirizza twissija lill-Istat Membru konċernat. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jindirizza r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Istat Membru konċernat.Il-Kunsill jista', fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jippubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

    Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu in kunsiderazzjoni l-vot tal-membru tal-Kunsill li jkun qed jirrappreżenta lill-Istat Membru konċernat.

    Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri l-oħra tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

    5.   Il-President tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom jirrapportaw lill-Parlament Ewropew ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali. Il-President tal-Kunsill jista' jiġi mistieden sabiex jidher quddiem il-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, jekk il-Kunsill ikun għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu pubbliċi.

    6.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw ir-regoli dettaljati sabiex jirregolaw il-proċedura tas-sorveljanza multilaterali msemmija fil-paragrafi 3 u 4.


    Top