EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012E/PRO/22

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLLI
Protokoll (nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka

OJ C 326, 26.10.2012, p. 299–303 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2012/pro_22/oj

26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


PROTOKOLL (Nru 22)

DWAR IL-POŻIZZJONI TAD-DANIMARKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JFAKKRU id-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew tal-Gvern, li ltaqgħu fil-Kunsill Ewropew f’Edinburgu fit-12 ta’ Diċembru 1992, rigward ċerti problemi mqajma mid-Danimarka dwar it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI NNOTTAW il-pożizzjoni tad-Danimarka f’dak li jirrigwarda iċ-Cittadinanza, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Politika tad-Difiża u l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni kif stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Edinburgu,

KONXJI mill-fatt li l-kontinwazzjoni taħt it-Trattati tas-sistema legali li oriġinat fid-deċiżjoni ta' Edinburgu ser tillimita b'mod sinifikattiv il-parteċipazzjoni tad-Danimarka f'oqsma importanti ta' koperazzjoni ta' l-Unjoni, u li jkun fl-aħjar interess ta' l-Unjoni li tiġi assigurata l-integrità ta' l-acquis fl-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja,

XEWQANA għaldaqstant li jistabbilixxu qafas legali li joffri lid-Danimarka l-possibbiltà li tipparteċipa fl-adozzjoni ta' miżuri proposti msejsa fuq it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u jilqgħu l-intenzjoni tad-Danimarka li tagħmel użu minn din il-possibiltà meta jkun possibbli skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha,

FILWAQT LI JINNUTAW li d-Danimarka mhix ser iżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jkomplu jiżviluppaw il-koperazzjoni ta' bejniethom fir-rigward ta' miżuri li ma jorbtux lid-Danimarka,

WAQT LI JIKKONSIDRAW l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen imdaħħal fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

PARTI I

Artikolu 1

Id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tad-Danimarka, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati unanimament.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Ebda dispożizzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta' ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni ta' kwalunkwe tali dispożizzjoni jew miżura jew kull miżura emendata jew emendabbli skond dak it-Titolu m'għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m'għandha b'xi mod taffettwa l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m'għandha b' xi mod taffettwa l-acquis tal-Komunità jew ta' l-Unjoni u lanqas ma tifforma parti mil-liġijiet ta' l-Unjoni kif dawn japplikaw għad-Danimarka. B'mod partikolari, atti ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona li huma emendati għandhom ikomplu jorbtu lil u jkunu applikabbli għad-Danimarka mingħajr bidla.

Artikolu 2a

L-Artikolu 2 ta' dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għal dawk ir-regoli stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw data ta' tip personali mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta' attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta' l-imsemmi Trattat.

Artikolu 3

Id-Danimarka m’għanda terfa' l-ebda konsegwenza finanzjarja tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1, barra l-ispejjeż amministrattivi konnessi ma' l-istituzzjonijiet.

Artikolu 4

1.   Id-Danimarka għandha tiddeċiedi f' perjodu ta’ 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda fuq proposta jew inizjattiva li jiżviluppa fuq l-Acquis ta’ Schengen u li joħorġu minn din il-Parti, jekk timplimentax din il-miżura fil-liġi nazzjonali tagħha. Jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk, din il-miżura toħloq obbligu skond il-ligi internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra marbuta b'din il-miżura.

2.   Jekk id-Danimarka tiddeċiedi li ma timplimentax xi deċiżjoni tal-Kunsill kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri marbuta b'din il-miżura u d-Danimarka għandhom jikkunsidraw il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.

PARTI II

Artikolu 5

Għal dak li jirrigwarda l-miżuri adottati mill-Kunsill fil-qasam ta' l-Artikolu 26(1), ta' l-Artikolu 42 u ta' l-Artikoli 43 sa 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Għalhekk id-Danimarka m’għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni tagħhom. Id-Danimarka m'għandhiex iżżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jiżviluppaw iżjed il-koperazzjoni ta' bejniethom f'dan il-qasam. Id-Danimarka m’għandhiex tkun obbligata tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-ispiża operattiva li toriġina minn dawk il-miżuri, u lanqas li tpoġġi kapaċitajiet militari għad-dispożizzjoni ta' l-Unjoni.

L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern Daniż, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

PARTI III

Artikolu 6

L-Artikoli 1, 2 u 3 m’għandhomx japplikaw għal miżuri li jiddeterminaw il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom visa meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri, jew miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ format uniformi għall-visi.

PARTI IV

Artikolu 7

Id-Danimarka fi kwalunkwe żmien tista', skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha, tinforma lill-Istati Membri l-oħra li hi ma tkunx tixtieq aktar tagħmel użu minn dan il-Protokoll kollu jew parti minnu. F’dak il-każ, id-Danimarka għandha tapplika għal kollox il-miżuri kollha relevanti li f’dak iż-żmien ikunu fis-seħħ fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

1.   Fi kwalunkwe ħin u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, id-Danimarka tista', skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha, tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li b'effett mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta' wara n-notifika, l-Parti I għandha tkun komposta mid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness. F'dan il-każ u b'konsegwenza ta' dan, l-Artikolu 5 sa 8 għandhom jiġu nnumerati mill-ġdid.

2.   Sitt xhur wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ in-notifika prevista fil-paragrafu 1, l-acquis kollu ta' Schengen kif ukoll il-miżuri adottati sabiex jiġi żviluppat fuq dan l-acquis, li sa dak iż-żmien kienu jorbtu lid-Danimarka bħala obbligi taħt id-dritt internazzjonali, għandhom jorbtu lid-Danimarka bħala dritt ta' l-Unjoni.


ANNESS

Artikolu 1

Suġġett għall-Artikolu 3, id-Danimarka m'għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti b'applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern Daniż, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Skond l-Artikolu 1 u suġġett għall-Artikoli 3, 4 u 8, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-ebda waħda mill-miżuri adottati mill-Unjoni f'applikazzjoni ta' l-imsemmi Titolu u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet jew miżuri, ma għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha. L-ebda dispożizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta m' għandha b'xi mod tolqot il-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka. L-ebda dispożizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta m' għandha b'xi mod tolqot l-acquis communautaire jew dak ta' l-Unjoni u m' għandiex tagħmel parti mid-dritt ta' l-Unjoni kif japplika għad-Danimarka.

Artikolu 3

1.   Id-Danimarka tista' tinnotifika lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tliet xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet preżentata lill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li tixtieq tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' kwalunkwe tali miżura proposta, u minn dak il-ħin id-Danimarka jkollha d-dritt li tagħmel hekk.

2.   Jekk, fi żmien raġonevoli, miżura prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tad-Danimarka, il-Kunsill jista' jadotta l-miżura prevista fil-paragrafu 1 skond l-Artikolu 1, mingħajr il-parteċipazzjoni tad-Danimarka. F'dak il-każ, għandu japplika l-Artikolu 2.

Artikolu 4

Wara l-adozzjoni ta' miżura b'applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka tista' tinnotifika f'kull ħin lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li taċċetta l-miżura msemmija. F'dak il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu 331(1) ta' l-imsemmi Trattat għandha tapplika mutatis mutandis.

Artikolu 5

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll japplikaw għad-Danimarka anke għal miżuri proposti jew adottati skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jemendaw miżura eżistenti li biha tkun marbuta.

2.   Madankollu, f'każijiet fejn il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddetermina li n-non-parteċipazzjoni tad-Danimarka fil-verżjoni emendata ta' miżura eżistenti tagħmel mod li l-applikazzjoni ta' dik il-miżura tkun inprattikabbli għal Stati Membri oħra jew għall-Unjoni, huwa jista' jħeġġiġha tagħmel notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4. Għall-finijiet ta' l-Artikolu 3, perijodu ulterjuri ta' xahrejn jibda jgħodd mid-data ta' tali determinazzjoni mill-Kunsill.

Jekk, ma' l-iskadenza ta' dak il-perijodu ta' xahrejn mid-determinazzjoni tal-Kunsill, id-Danimarka ma tkunx għamlet notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4, il-miżura eżistenti ma tibqax torbot jew tkun applikabbli għaliha, sakemm ma tkunx għamlet notifika skond l-Artikolu 4 qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura emendatorja. Dan għandu jieħu effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura emendatorja jew ta' l-iskadenza tal-perijodu ta' xahrejn, skond liema tkun l-aktar tard.

Għall-fini ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu, wara diskussjoni sħiħa tal-kwistjoni, jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jipparteċipaw jew li jkunu pparteċipaw fl-adozzjoni tal-miżura emendatorja. Maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddetermina li d-Danimarka għandha tkun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti, jekk ikun hemm, li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tagħha fil-miżura eżistenti.

4.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4.

Artikolu 6

1.   Notifika skond l-Artikolu 4 għandha tiġi preżentata mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-adozzjoni finali ta' miżura jekk din il-miżura tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

Fil-każ li d-Danimarka ma tippreżentax notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4 dwar miżura li tibni fuq l-acquis ta' Schengen, l-Istati Membri marbuta minnha u d-Danimarka għandhom jikkunsidraw il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.

2.   Notifika skond l-Artikoli 3 fir-rigward ta' miżuri li jibnu fuq l-acquis ta' Schengen għandha tiġi kkunsidrata irrevokabbilment bħala notifika skond l-Artikolu 3 fir-rigward ta' kwalunkwe proposta jew inizjattiva ulterjuri li timmira sabiex tibni fuq dik il-miżura, dment li tali proposta jew inizjattiva tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

Artikolu 7

Id-Danimarka m'għandhiex tkun marbuta minn regoli stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw it-trattament ta' data personali mill-Istati Membri fl-eżerċiżżju ta' attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta' l-imsemmi Trattat, meta d-Danimarka ma tkunx marbuta b'regoli ta' l-Unjoni li jirregolaw forom ta' koperazzjoni ġudizzjarja fil-kamp kriminali jew ta' koperazzjoni tal-pulizija li fil-qafas tiegħu għandhom jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16.

Artikolu 8

Fejn, fil-każijiet imsemmija f'din il-Parti, id-Danimarka tkun marbuta b'miżura adottata mill-Kunsill b'applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet pertinenti tat-Trattati għandhom japplikaw għad-Danimarka għal dak li jikkonċerna l-miżura in kwistjoni.

Artikolu 9

Fejn id-Danimarka ma tkunx marbuta b'miżura adottata skond il-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, din m'għandha ssofri l-ebda konsegwenzi finanzjari ta' dik il-miżura ħlief għall-ispejjeż amministrattivi li jġarrbu l-istituzzjonijiet sakemm il-Kunsill ma jiddeċiedix mod ieħor, bl-unanimita' tal-membri kollha tiegħu, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.


Top