Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012E/PRO/07

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea
    PROTOKOLLI
    Protokoll (nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea

    ĠU C 326, 26.10.2012, p. 266–272 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2012/pro_7/oj

    26.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 326/1


    PROTOKOLL (Nru 7)

    DWAR IL-PRIVILEĠĠI U L-IMMUNITAJIET TA' L-UNJONI EWROPEA

    IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

    FILWAQT LI KKUNSIDRAW li, skond l-Artikolu 343 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (KEEA), l-Unjoni Ewropea u l-KEEA għandhom igawdu fit-territorji ta’ l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa għat-twettiq ta’ l-attivitajiet tagħhom,

    QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea ta' l-Enerġija Atomika:

    KAPITOLU I

    PROPRJETÀ, FONDI, ASSI U ĦIDMIET TA' L-UNJONI EWROPEA

    Artikolu 1

    Il-postijiet u l-bini ta' l-Unjoni ikunu invjolabbli. Ikunu eżenti minn tfittxija, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni. Il-proprjetà u l-assi ta' l-Unjoni ma jkunu suġġetti għal ebda miżura amministrattiva jew legali li tirrestrinġihom mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Artikolu 2

    L-arkivji ta' l-Unjoni ikunu invjolabbli.

    Artikolu 3

    L-Unjoni, l-assi, id-dħul finanzjarju u proprjetà oħra tagħha ikunu eżenti minn kull taxxa diretta.

    Il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri għandhom, kull meta possibbli, jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jirrinunzjaw għal jew iħallsu lura l-ammont ta’ taxxi indiretti jew taxxi fuq il-bejgħ inklużi fil-prezz ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, meta l-Unjoni tagħmel, għall-użu uffiċjali tagħha, xirjiet sostanzjali li l-prezz tagħhom ikun jinkludi taxxi ta’ din ix-xorta. Dawn id-dispożizzjonijiet m’għandhomx japplikaw, madankollu, b' mod li jkollhom l-effett li jfixklu l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni.

    L-ebda eżenzjoni m’għandha tingħata għar-rigward ta’ taxxi u ammonti dovuti li jkunu biss ħlasijiet għal servizzi ta’ utilità pubblika.

    Artikolu 4

    L-Unjoni tkun eżenti mid-dazji kollha tad-dwana, projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti intiżi għall-użu uffiċjali tagħhom; ħadd ma għandu jiddisponi minn oġġetti hekk importati, sew bi ħlas sew bla ħlas, fit-territorju tal-pajjiż li fih ikunu ġew importati, ħlief taħt kondizzjonijiet approvati mill-Gvern ta’ dak il-pajjiż.

    L-Unjoni tkun ukoll eżenti minn kull dazju tad-dwana u minn kull projbizzjoni u restrizzjoni fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet għar-rigward tal-pubblikazzjonijiet tagħha.

    KAPITOLU II

    KOMUNIKAZZJONIJIET U LAISSEZ-PASSER

    Artikolu 5

    (ex Artikolu 6)

    Għall-komunikazzjonijiet uffiċċjali u t-trasmissjoni tad-dokumenti kollha tagħhom, l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni igawdu fit-territorju ta’ kull Stat Membru it-trattament mogħti minn dak l-Istat lil missjonijiet diplomatiċi.

    Korrispondenza uffiċjali u komunikazzjonijiet uffiċjali oħra ta’ l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni ma jkunux suġġetti għal ċensura.

    Artikolu 6

    (ex Artikolu 7)

    Laissez-passer f’għamla li tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, li għandhom ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti validi ta’ l-ivvjaġġar mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, jistgħu jinħarġu lill-membri u lill-impjegati ta’ l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni mill-Presidenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dawn il-laissez-passer għandhom jinħarġu lill-uffiċjali u lill-impjegati oħra taħt kondizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti dwar il-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra ta' l-Unjoni.

    Il-Kummissjoni tista’ tagħmel kull ftehim sabiex dawn il-laissez-passer ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti validi għall-ivvjaġġar fit-territorju ta’ pajjiżi terzi.

    KAPITOLU III

    MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    Artikolu 7

    (ex Artikolu 8)

    M’għandha tiġi imposta ebda restrizzjoni amministrattiva jew ta’ xort’oħra fuq il-moviment liberu ta’ membri tal-Parlament Ewropew li jkunu qed jivvjaġġaw lejn jew mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

    Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom, fir-rigward ta’ dwana u kontroll fuq il-kambju, jingħataw:

    a)

    mill-Gvern tagħhom stess, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lil uffiċjali għolja li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-pajjiż fuq missjonijiet uffiċjali temporanji;

    b)

    mill-Gvernijiet ta’ Stati Membri oħra, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lil rappreżentanti ta’ Gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji.

    Artikolu 8

    (ex Artikolu 9)

    Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

    Artikolu 9

    (ex Artikolu 10)

    Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

    a)

    fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

    b)

    fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

    L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

    L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

    KAPITOLU IV

    RAPPREŻENTANTI TA’ STATI MEMBRI LI JKUNU QED JIEĦDU SEHEM FIL-ĦIDMA TA’ L-ISTITUZZJONIJIET TA' L-UNJONI EWROPEA

    Artikolu 10

    (ex Artikolu 11)

    Rappreżentanti ta’ Stati Membri li jkunu qed jieħdu sehem fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, il-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom għandhom, fil-qadi tad-doveri tagħhom u waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post tal-laqgħa jgawdu mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet konswetudinarji.

    Dan l-Artikolu japplika wkoll għal membri ta’ korpi ta’ konsulenza ta' l-Unjoni.

    KAPITOLU V

    UFFIĊJALI U IMPJEGATI OĦRA TA' L-UNJONI EWROPEA

    Artikolu 11

    (ex Artikolu 12)

    Fit-terrritorju ta’ kull Stat Membru u tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, uffiċjali u impjegati oħra ta' l-Unjoni:

    a)

    mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu, min-naħa l-waħda, mar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ uffiċjali u impjegati oħra lejn l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-uffiċjali u impjegati oħra tagħha, ikollhom immunità minn proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti magħmulin minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inklużi kliem li jkunu qalu jew kitbu. Ikomplu jgawdu din l-immunità wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom;

    b)

    flimkien mal-konjuġi tagħhom u membri dipendenti tal-familji tagħhom, ma jkunux suġġetti għal restrizzjonijiet fl-immigrazzjoni jew għal formalitajiet fir-reġistrazzjoni ta’ frustieri;

    c)

    fir-rigward ta’ regolamenti dwar il-valuta jew il-kambju, jingħataw l-istess faċilitajiet bħal ma s-soltu jingħataw lil uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

    d)

    igawdu d-dritt li jimportaw mingħajr ebda dazju l-għamara u l-oġġetti personali tagħhom meta jibdew il-kariga tagħhom għall-ewwel darba f’dak il-pajjiż u d-dritt li jerġgħu jesportaw l-għamara u l-oġġetti personali tagħhom mingħajr ebda dazju, meta jtemmu d-doveri tagħhom f’dak il-pajjiż, mingħajr preġudizzju, f’kull każ, għall-kondizzjonijiet meqjusin meħtieġa mill-Gvern tal-pajjiż, fejn dan id-dritt jiġi eżerċitat;

    e)

    ikollhom id-dritt li jimportaw mingħajr ebda dazju karrozza għall-użu personali tagħhom, akkwistata jew fil-pajjiż fejn l-aħħar kellhom ir-residenza tagħhom jew fil-pajjiż li tiegħu huma jkollhom ċittadinanza skond il-pattijiet viġenti fis-suq lokali ta’ dak il-pajjiż, u li jerġgħu jesportawha mingħajr ebda dazju, mingħajr preġudizzju f’kull każ għall-kondizzjonijiet meqjusin meħtieġa mill-Gvern ta’ dak il-pajjiż.

    Artikolu 12

    (ex Artikolu 13)

    L-uffiċjali u impjegati oħra ta' l-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju ta' l-Unjoni fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Unjoni, skond il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbilita mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jaġixxu permezz ta' regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet konċernati.

    Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni.

    Artikolu 13

    (ex Artikolu 14)

    Fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-ġid u t-taxxa tas-suċċessjoni u fl-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja magħmulin bejn Stati Membri ta' l-Unjoni, uffiċjali u impjegati oħra ta' l-Unjoni li, unikament minħabba fil-qadi tad-doveri tagħhom fis-servizz ta' l-Unjoni, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta’ domiċilju tagħhom għal finijiet ta’ taxxa, meta jidħlu fis-servizz ta' l-Unjoni, jiġu kunsidrati, sew fil-pajjiż tar-residenza attwali tagħhom sew fil-pajjiż tad-domiċilju għal finijiet ta’ taxxa, bħala li jkunu żammew id-domiċilju tagħhom f’dan l-aħħar pajjiż basta li dan ikun membru ta' l-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-konjuġi, safejn il-konjuġi ma jkollux jew ma jkollhiex separatament xi okkupazzjoni bi qligħ, u għal ulied dipendenti fuq u taħt ir-responsabbiltà tal-persuni msemmija f’dan l-Artikolu.

    Il-proprjetà mobbli, li tappartjeni lil persuni msemmija fil-paragrafu preċedenti u li tkun tinsab fit-territorju tal-pajjiż fejn dawn ikunu qegħdin joqgħodu, tkun eżenti minn kull taxxa tas-suċċessjoni f’dak il-pajjiż; dik il-proprjetà għandha, għall-kalkolu ta’ dik it-taxxa, tiġi meqjusa bħala li tinsab fil-pajjiż ta’ domiċilju għal finijiet ta’ taxxa, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ pajjiżi terzi u għall-applikazzjoni possibbli ta’ provvedimenti ta’ konvenzjonijiet internazzjonali fuq it-tassazzjoni doppja.

    Kull domiċilju miksub unikament minħabba l-qadi ta’ dmirijiet fis-servizz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra m’għandux jitqies fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 14

    (ex Artikolu 15)

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet ikkonċernati, għandhom jistabbilixxu l-iskema ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u għall-impjegati l-oħra ta' l-Unjoni.

    Artikolu 15

    (ex Artikolu 16)

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-istituzzjonijiet l-oħra involuti, għandhom jistabbilixxu l-kategoriji ta’ uffiċjali u impjegati oħra ta' l-Unjoni li għalihom id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11, tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 12, u ta' l-Artikolu 13 għandhom japplikaw, kollha kemm huma jew f’parti minnhom.

    L-ismijiet, il-gradi u l-indirizzi ta’ uffiċjali u impjegati oħra mdaħħla f’dawk il-kategoriji għandhom jiġu komunikati perjodikament lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri.

    KAPITOLU VI

    PRIVILEĠĠI U IMMUNITAJIET TA’ MISSJONIJIET TA’ PAJJIŻI TERZI AKKREDITATI LILL-UNJONI EWROPEA

    Artikolu 16

    (ex Artikolu 17)

    L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-Unjoni ikollha s-sede tagħha għandu jagħti l-immunitajiet u l-privileġġi diplomatiċi konswetudinarji lil missjonijiet ta’ pajjiżi terzi akkreditati lill-Unjoni.

    KAPITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 17

    (ex Artikolu 18)

    Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati oħra ta' l-Unjoni unikament fl-interessi ta' l-Unjoni.

    Kull istituzzjoni ta' l-Unjoni tkun meħtieġa li tirrinunzja għall-immunità mogħtija lil xi uffiċjal jew impjegat ieħor kull fejn dik l-istituzzjoni jidhrilha li r-rinunzja għal dik l-immunità ma tkunx kontra l-interessi ta' l-Unjoni.

    Artikolu 18

    (ex Artikolu 19)

    L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom, bl-għan li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti.

    Artikolu 19

    (ex Artikolu 20)

    L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw għall-President tal-Kunsill Ewropew.

    Huma għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-Kummissjoni.

    Artikolu 20

    (ex Artikolu 21)

    L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw għall-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali, ir-Reġistraturi u l-Assistenti Relaturi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immunità minn proċedimenti legali għall-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali.

    Artikolu 21

    (ex Artikolu 22)

    Dan il-Protokoll japplika wkoll għall-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, għall-membri ta’ l-organi tiegħu, għall-persunal u r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri li jieħdu sehem fl-attivitajiet tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank.

    Il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu barra minn dan jiġi eżentat minn kull forma ta’ tassazzjoni jew impożizzjoni ta’ xorta simili f'każ ta' xi żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jista' jkollhom x'jaqsmu ma’ dan fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. Bl-istess mod, ix-xoljiment jew stralċ tiegħu ma għandha tagħti lok għal ebda impożizzjoni. Fl-aħħarnett, l-attivitajiet tal-Bank u ta’ l-organi tiegħu imwettqa skond l-Istatut tiegħu ma jkunux suġġetti għal xi taxxa fuq il-bejgħ.

    Artikolu 22

    (ex Artikolu 23)

    Dan il-Protokoll għandu jkun japplika wkoll għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-membri ta' l-organi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll fuq l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

    Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu, ukoll, ikun eżenti minn kull għamla ta' tassazzjoni jew impożizzjoni ta' xorta simili, f’każ ta’ xi żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jistgħu jkollhom x'jaqsmu, fl-Istat fejn il-bank ikollu s-sede tiegħu. L-attivitajiet tal-Bank u tal-fergħat tiegħu li jaħdmu skond l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew m’għandhomx ikunu suġġetti għal xi taxxa fuq it-turnover.


    Top