Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02022R1369-20230401

    Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1369/2023-04-01

    02022R1369 — MT — 01.04.2023 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/1369

    tal-5 ta’ Awwissu 2022

    dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass

    (ĠU L 206 8.8.2022, p. 1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/706 tat-30 ta’ Marzu 2023

      L 93

    1

    31.3.2023




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/1369

    tal-5 ta’ Awwissu 2022

    dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass



    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli biex jindirizzaw sitwazzjoni ta’ diffikultajiet serji fil-provvista tal-gass, biex titħares is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-Unjoni, bi spirtu ta’ solidarjetà. Dawk ir-regoli jinkludu koordinazzjoni mtejba, monitoraġġ u rappurtar dwar miżuri nazzjonali tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass, u l-possibbiltà li l-Kunsill jiddikjara, fuq proposta tal-Kummissjoni, allert tal-Unjoni bħala livell ta’ kriżi speċifiku għall-Unjoni, li jiskatta tnaqqis obbligatorju fid-domanda mal-Unjoni kollha.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1) 

    “awtorità kompetenti” tfisser awtorità governattiva nazzjonali jew awtorità regolatorja nazzjonali maħtura minn Stat Membru biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fir-Regolament (UE) 2017/1938;

    (2) 

    “allert tal-Unjoni” tfisser livell ta’ kriżi speċifiku għall-Unjoni li jiskatta tnaqqis obbligatorju fid-domanda u li ma jkun relatat mal-ebda wieħed mil-livelli ta’ kriżi skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2017/1938;

    (3) 

    “konsum tal-gass” tfisser il-provvista ġenerali tal-gass naturali għal attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż il-konsum finali tal-unitajiet domestiċi, l-industrija u l-ġenerazzjoni tal-elettriku, iżda eskluż, fost l-oħrajn, il-gass użat biex jimtlew il-kapaċitajiet tal-ħażniet, f’konformità mad-definizzjoni għal “provvista, trasformazzjoni u konsum tal-gass” użata mill-Kummissjoni (Eurostat);

    (4) 

    “materja prima” tfisser “l-użu ta’ gass naturali mhux għall-enerġija” kif imsemmi fil-kalkoli tal-bilanċi tal-enerġija mill-Kummissjoni (Eurostat);

    ▼M1

    (5) 

    “konsum tal-gass ta’ referenza” tfisser il-volum tal-konsum medju tal-gass ta’ Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza; għall-Istati Membri li żiedu l-konsum tal-gass b’mill-inqas 8 % fil-perjodu mill-1 ta’ April 2021 sal-31 ta’ Marzu 2022 meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul il-perjodu ta’ referenza, “il-konsum tal-gass ta’ referenza” tfisser biss il-volum tal-konsum tal-gass fil-perjodu mill-1 ta’ April 2021 sal-31 ta’ Marzu 2022;

    (6) 

    “perjodu ta’ referenza” tfisser il-perjodu mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022;

    ▼B

    (7) 

    “mira intermedja” tfisser mira intermedja kif stabbilita fl-Anness Ia tar-Regolament (UE) 2017/1938.

    ▼M1

    Artikolu 3

    Tnaqqis volontarju fid-domanda

    L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom fil-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 b’mill-inqas 15 % meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass tagħhom fil-perjodu mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022 (“tnaqqis volontarju fid-domanda”). L-Artikoli 6, 7 u 8 għandhom japplikaw għal dawk il-miżuri ta’ tnaqqis volontarju fid-domanda.

    ▼B

    Artikolu 4

    Dikjarazzjoni ta’ allert tal-Unjoni mill-Kunsill

    1.  
    Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, jista’ jiddikjara allert tal-Unjoni.
    2.  
    Il-Kummissjoni għandha tippreżenta il-proposta għal tali allert tal-Unjoni meta tqis li jkun hemm riskju sostanzjali ta’ skarsezza serja fil-provvista tal-gass jew meta jkun hemm domanda eċċezzjonalment qawwija għall-gass, li għalihom il-miżuri fl-Artikolu 3 ma jkunux biżżejjed u li jwasslu għal deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass fl-Unjoni, iżda meta s-suq ikun għadu kapaċi jimmaniġġja l-interruzzjoni mingħajr il-bżonn għal miżuri mhux ibbażati fuq is-suq.
    3.  
    Il-Kummissjoni għandha tippreżenta wkoll proposta lill-Kunsill biex jiddikjara allert tal-Unjoni meta ħames awtoritajiet kompetenti jew aktar li jkunu ddikjaraw allert fil-livell nazzjonali skont l-Artikolu 11(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/1938 jitolbu dan.
    4.  
    Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-proposta tal-Kummissjoni.
    5.  
    Qabel ma tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jiddikjara allert tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-gruppi ta’ riskju rilevanti, kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1938 (“gruppi ta’ riskju”) u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass (GCG), stabbilit permezz tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament.
    6.  
    Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista’, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, jiddikjara tmiem l-allert tal-Unjoni u tal-obbligi skont l-Artikolu 5. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta għal tali deċiżjoni ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill meta tqis, wara valutazzjoni, li l-bażi sottostanti għall-allert tal-Unjoni ma għadhiex tiġġustifika ż-żamma ta’ dak l-allert, u, wara konsultazzjoni mal-gruppi ta’ riskju rilevanti, u l-GCG.

    Artikolu 5

    Tnaqqis obbligatorju fid-domanda fil-każ ta’ allert tal-Unjoni

    1.  
    Meta l-Kunsill jiddikjara allert tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu jnaqqas il-konsum tiegħu tal-gass f’konformità mal-paragrafu 2 (“tnaqqis obbligatorju fid-domanda”).

    ▼M1

    2.  
    Għall-fini tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda, tul il-perjodu meta jiġi ddikjarat l-allert tal-Unjoni, il-konsum tal-gass f’kull Stat Membru matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 (il-“perjodu tat-tnaqqis”) għandu jkun 15 % inqas meta mqabbel mal-konsum tal-gass ta’ referenza tiegħu. Kwalunkwe tnaqqis fid-domanda miksub mill-Istati Membri matul il-perjodu qabel ma ġie ddikjarat l-allert tal-Unjoni għandu jitqies għall-fini tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda.

    ▼B

    3.  
    Stat Membru li s-sistema tal-elettriku tiegħu hija sinkronizzata biss mas-sistema tal-elettriku ta’ pajjiż terz għandu jkun eżentat milli japplika l-paragrafu 2 fil-każ li tkun desinkronizzata mis-sistema ta’ dak il-pajjiż terz sakemm servizzi iżolati tas-sistema tal-enerġija jew servizzi oħra lill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-enerġija jkunu meħtieġa jiżguraw it-tħaddim sikur u affidabbli tas-sistema tal-enerġija.
    4.  
    Stat Membru għandu jkun eżentat milli japplika l-paragrafu 2 sakemm dak l-Istat Membru ma jkunx direttament interkonness ma’ sistema interkonnessa tal-gass ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor.
    5.  
    Stat Membru jista’ jillimita l-konsum tal-gass ta’ referenza użat għall-kalkolu tal-mira għat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafu 2 bil-volum ta’ gass ugwali għad-differenza bejn il-mira intermedja tiegħu għall-1 ta’ Awwissu 2022 u l-volum attwali ta’ gass maħżun fl-1 ta’ Awwissu 2022, jekk jilħaq il-mira intermedja f’dik id-data.
    6.  
    L-Istat Membru jista’ jillimita l-konsum tal-gass ta’ referenza użat għall-kalkolu tal-mira għat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafu 2 bil-volum ta’ gass ikkunsmat matul il-perjodu ta’ referenza bħala materja prima.

    ▼M1

    6a.  
    Stat Membru jista' jaġġusta l-konsum tal-gass ta' referenza użat biex jikkalkula l-mira għat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafu 2 bil-volum ta' żieda fil-konsum tal-gass li tirriżulta mill-bidla mill-faħam għall-gass użat għat-tisħin distrettwali, jekk dik iż-żieda tkun mill-inqas 8 % fil-perjodu mill-1 ta' Awwissu 2023 sal-31 ta' Marzu 2024 meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul il-perjodu ta' referenza u sal-punt li din iż-żieda tkun attribwibbli direttament għall-bidla.

    ▼B

    7.  
    L-Istati Membru jista’ jillimita t-tnaqqis obbligatorju fid-domanda bi 8 punti perċentwali, dment li juri li l-interkonnessjoni tiegħu ma’ Stati Membri oħra mkelja f’kapaċità teknika soda ta’ esportazzjoni meta mqabbla mal-konsum tal-gass annwali tiegħu fl-2021 hija inqas minn 50 % u li dik il-kapaċità fuq l-interkonnetturi lejn Stati Membri oħra fil-fatt intużat għat-trasport tal-gass f’livell ta’ mill-inqas 90 % għal mill-inqas xahar qabel in-notifika tad-deroga, għajr jekk l-Istat Membru jkun jista’ juri li ma kienx hemm domanda u l-kapaċità ġiet massimizzata, u li l-faċilitajiet domestiċi tiegħu tal-LNG huma kummerċjalment u teknikament lesti biex jirridirezzjonaw il-gass lejn Stati Membri oħra sal-volumi meħtieġa mis-suq.
    8.  
    Stat Membru li jkun qed jiffaċċa kriżi tal-elettriku jista’ jillimita temporanjament it-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafu 2 għal-livell meħtieġ biex jittaffa r-riskju għall-provvista tal-elettriku jekk ma jkun hemm l-ebda alternattiva ekonomika oħra biex jiġu sostitwit il-gass meħtieġ għall-produzzjoni tal-elettriku mingħajr ma tiġi pperikolata serjament is-sigurtà tal-provvista. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jinnotifika r-raġunijiet għal-limitazzjoni u jipprovdi evidenza suffiċjenti għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw il-limitazzjoni. Fejn meħtieġ, l-Istat Membru għandu jaġġorna l-pjan ta’ tħejjija għar-riskji skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/941.
    9.  
    Stat Membru għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu li jillimita t-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafi 5, 6, 7 u 8 lill-Kummissjoni, flimkien mal-evidenza meħtieġa li l-kondizzjonijiet għal-limitazzjoni tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda huma ssodisfati. In-notifika fir-rigward tal-paragrafi 5, 6 u 7 tista’ ssir diġà wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u ma għandhiex issir aktar tard minn ġimagħtejn wara li jkun ġie ddikjarat allert tal-Unjoni. Notifika fir-rigward tal-paragrafu 8 tista’ ssir mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara li tkun qamet is-sitwazzjoni ta’ kriżi tal-elettriku msemmija f’dak il-paragrafu. L-Istat Membru għandu jinforma wkoll lill-gruppi ta’ riskju rilevanti u lill-GCG dwar l-intenzjoni tiegħu.
    10.  
    Abbażi tan-notifika u wara konsultazzjoni mal-gruppi ta’ riskju u mal-GCG, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet għal limitazzjoni skont il-paragrafi 5, 6, 7 u 8 humiex issodisfati. Fil-każ li l-Kummissjoni ssib li limitazzjoni mhijiex ġustifikata, hija għandha tadotta opinjoni li tindika r-raġunijiet għaliex l-Istat Membru għandu jneħħi jew jimmodifika l-limitazzjoni tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata mhux aktar tard minn 30 jum ta’ xogħol wara n-notifika kompluta skont il-paragrafu 9.
    11.  
    Meta l-kondizzjonijiet għal-limitazzjoni tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda fil-paragrafi 5, 6, 7 u 8 ma jibqgħux jiġu ssodisfati, l-Istat Membru għandu japplika l-mira għat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafu 2.
    12.  
    Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament jekk il-kondizzjonijiet għal limitazzjoni tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafi 5, 6, 7 u 8 humiex issodisfati.
    13.  
    L-Artikoli 6, 7 u 8 għandhom japplikaw għal miżuri ta’ tnaqqis obbligatorju fid-domanda mingħajr preġudizzju għal kuntratti fit-tul eżistenti.

    Artikolu 6

    Miżuri biex jinkiseb it-tnaqqis fid-domanda

    1.  

    L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jagħżlu l-miżuri xierqa biex inaqqsu d-domanda. Il-miżuri msemmija fl-Artikoli 3 u 5 għandhom jiġu definiti b’mod ċar, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u verifikabbli. Meta jagħżlu l-miżuri, l-Istati Membri għandhom iqisu l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/1938. Il-miżuri għandhom, b’mod partikolari:

    (a) 

    ma jgħawġux b’mod mhux xieraq il-kompetizzjoni jew l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-gass;

    (b) 

    ma jipperikolawx is-sigurtà tal-provvista tal-gass ta’ Stati Membri oħrajn jew tal-Unjoni;

    (c) 

    jikkonformaw ma’ dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1938 fir-rigward ta’ klijenti protetti.

    2.  

    Meta jieħdu miżuri għat-tnaqqis fid-domanda, l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw miżuri li jaffettwaw lill-klijenti għajr klijenti protetti, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt 5, tar-Regolament (UE) 2017/1938, u jistgħu wkoll jeskludu lil dawk il-klijenti minn tali miżuri abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti li għandhom iqisu l-importanza ekonomika tagħhom kif ukoll, fost l-oħrajn, l-elementi li ġejjin:

    (a) 

    l-impatt ta’ interruzzjoni fuq il-ktajjen tal-provvista kritiċi għas-soċjetà;

    (b) 

    l-impatti negattivi possibbli fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari fuq il-ktajjen tal-provvista tas-setturi downstream li huma kritiċi għas-soċjetà;

    (c) 

    il-ħsara potenzjali fit-tul lill-installazzjonijiet industrijali;

    (d) 

    il-possibbiltajiet għat-tnaqqis fil-konsum u għas-sostituzzjoni tal-prodotti fl-Unjoni.

    3.  
    Meta jiddeċiedu dwar il-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw miżuri li jnaqqsu l-gass ikkonsmat fis-settur tal-elettriku, miżuri li jħeġġu l-qlib tal-fjuwils fl-industrija, kampanji nazzjonali ta’ sensibilizzazzjoni, u obbligi mmirati biex inaqqsu t-tisħin u t-tkessiħ, biex jippromwovu l-qlib ta’ fjuwils oħra u jnaqqsu l-konsum mill-industrija.

    Artikolu 7

    Koordinazzjoni tal-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda

    1.  
    Biex tkun żgurata koordinazzjoni xierqa tal-miżuri tat-tnaqqis volontarju u obbligatorju fid-domanda skont l-Artikoli 3 u 5, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien fi ħdan kull wieħed mill-gruppi tar-riskju rilevanti.
    2.  
    L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha taġġorna l-pjan nazzjonali ta’ emerġenza tagħha stabbilit skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2017/1938 sal-31 ta’ Ottubru 2022, biex ikun jirrifletti l-miżuri tat-tnaqqis volontarju fid-domanda. Kull Stat Membru għandu jaġġorna wkoll il-pjan nazzjonali ta’ emerġenza tiegħu, kif xieraq, fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ allert tal-Unjoni skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. L-Artikoli 8(6) sa (10) tar-Regolament (UE) 2017/1938 ma għandhomx japplikaw għall-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza magħmula skont dan il-paragrafu.
    3.  
    L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-gruppi tar-riskju rilevanti qabel ma jadottaw il-pjanijiet ta’ emerġenza riveduti. Il-Kummissjoni tista’ tlaqqa’ lill-gruppi tar-riskju u lill-GHG, filwaqt li tqis kwalunkwe fehma tal-Istati Membri espressa f’dak il-kuntest, biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-miżuri nazzjonali tat-tnaqqis fid-domanda.

    Artikolu 8

    Monitoraġġ u infurzar

    ▼M1

    1.  
    L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' tnaqqis fid-domanda fit-territorju tiegħu. Tal-inqas kull xahrejn u sa mhux iktar tard mill-15-il jum tax-xahar ta' wara, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar il-konsum tal-gass tagħhom (f'terajoules, TJ). Jekk jiġi ddikjarat allert tal-Unjoni skont l-Artikolu 4(1), ir-rapportar għandu jiġi ppreżentat kull xahar.

    Fir-rapportar tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jinkludu diżaggregazzjoni tal-konsum tal-gass għal kull settur, inkluż il-konsum tal-gass għas-setturi li ġejjin:

    (a) 

    l-input tal-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana;

    (b) 

    il-konsum tal-gass fl-industrija;

    (c) 

    il-konsum tal-gass fl-unitajiet domestiċi u fis-servizzi.

    Għall-fini ta' dan il-paragrafu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet u l-konvenzjonijiet tal-istatistika stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).

    Il-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar il-Gass għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tat-tnaqqis volontarju u obbligatorju fid-domanda.

    ▼B

    2.  
    Meta l-Kummissjoni tidentifika riskju, abbażi taċ-ċifri rrappurtati tat-tnaqqis fid-domanda, li Stat Membru mhux ser ikun jista’ jissodisfa l-obbligu tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont l-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru jippreżenta pjan li jistabbilixxi l-istrateġija biex effettivament jikseb l-obbligu tat-tnaqqis fid-domanda. Il-Kummissjoni għandha titlob ukoll lil Stat Membru li jitlob miżura ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/1938 biex jippreżenta pjan li jistabbilixxi l-istrateġija biex jinkiseb tnaqqis ulterjuri possibbli fid-domanda għall-gass, f’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2017/1938. Fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni bil-kummenti u s-suġġerimenti dwar il-pjanijiet sottomessi u tinforma lill-Kunsill bl-opinjoni tagħha. L-Istat Membru inkwistjoni għandu jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni.
    3.  
    Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 9

    Rieżami

    Sal- ►M1  1 ta' Marzu 2024 ◄ , il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-provvista tal-gass lejn l-Unjoni u tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tipproponi li ttawwal il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    ▼M1

    Għandu japplika sal-31 ta' Marzu 2024.

    ▼B

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha .



    ( 1 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).

    Top