Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02011L0077-20111031

    Consolidated text: Direttiva 2011/77/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Direttiva 2006/116/KE dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/77/2011-10-31

    2011L0077 — MT — 31.10.2011 — 000.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    DIRETTIVA 2011/77/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-27 ta’ Settembru 2011

    li temenda d-Direttiva 2006/116/KE dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati

    (ĠU L 265, 11.10.2011, p.1)


    Ikkoreġut b'

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 117, 27.4.2013, p. 23  (2011/77)




    ▼B

    DIRETTIVA 2011/77/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-27 ta’ Settembru 2011

    li temenda d-Direttiva 2006/116/KE dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati



    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 53(1), 62 u 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja ( 2 ),

    Billi:

    (1)

    Taħt id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), it-terminu ta’ protezzjoni għal artisti u produtturi ta’ fonogrammi huwa ta’ 50 sena.

    (2)

    Fil-każ tal-artisti dan il-perjodu jibda bil-prestazzjoni jew, meta l-iffissar tal-prestazzjoni jiġi ppubblikat legalment jew ikkomunikat leġittimament lill-pubbliku fi żmien 50 sena wara li ssir il-prestazzjoni, il-perjodu jibda bl-ewwel tali pubblikazzjoni bħal din jew bl-ewwel tali komunikazzjoni lill-pubbliku, skont liema tkun l-ewwel.

    (3)

    Għal produtturi ta’ fonogrammi l-perjodu jibda bl-iffissar tal-fonogramma jew mill-pubblikazzjoni legali tagħha fi żmien 50 sena mill-fissazzjoni, jew, jekk ma tkunx hekk ippubblikata, mill-komunikazzjoni legali tagħha lill-pubbliku fi żmien 50 sena mill-fissazzjoni.

    (4)

    L-importanza soċjalment rikonoxxuta tal-kontribuzzjoni kreattiva tal-artisti għandha tkun riflessa f'livell ta’ protezzjoni li tagħraf il-kontribuzzjonijiet kreattivi u artistiċi tagħhom.

    (5)

    L-artisti ġeneralment jibew il-karrieri tagħhom ta’ età żgħira u t-terminu attwali ta’ protezzjoni ta’ 50 sena applikabbli fir-rigward tal-iffissar tal-prestazzjonijiet ħafna drabi ma jipproteġix il-prestazzjonijiet tagħhom matul ħajjithom kollha. Għaldaqstant, xi artisti jħabbtu wiċċhom ma’ differenza fl-introjtu fl-aħħar snin ta’ ħajjithom. Barra minn hekk, ħafna drabi, l-artistima jkunux jistgħu jiddependu fuq id-drittijiet tagħhom sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-użu oġġezzjonabbli tal-prestazzjonijiet tagħhom li jistgħu jseħħu matul ħajjithom.

    (6)

    Id-dħul li ġej mid-drittijiet esklużivi tagħhom ta’ riproduzzjoni u disponibbiltà, kif stipulat fid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni ( 4 ), kif ukoll il-kumpens ġust għal riproduzzjonijiet għal użu privat skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva, u mid-drittijiet esklużivi ta’ distribuzzjoni u kiri skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar id-dritt ta’ kiri u d-dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-kamp tal-proprjetà intellettwali ( 5 ), għandu jkun disponibbli għall-artisti għall-inqas matul ħajjithom.

    (7)

    It-terminu ta’ protezzjoni għall-iffissar ta’ prestazzjonijiet u għall-fonogrammi għandu għalhekk jiġi estiż għal 70 sena wara l-avveniment rilevanti.

    (8)

    Id-drittijiet fl-iffissar tal-prestazzjoni għandhom jerġgħu lura għand l-artist jekk il-produttur ta’ fonogrammi jżomm lura milli joffri għall-bejgħ, fi kwantità suffiċjenti, fit-termini tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Artisti, il-Produtturi tal-Fonogrammi u l-Organizzazzjonijiet tax-Xandir, kopji ta’ fonogramma li, fin-nuqqas ta’ estensjoni tat-terminu, tkun fid-dominju pubbliku jew milli jagħmel din il-fonogramma disponibbli għall-pubbliku. L-għażla għandha tkun disponibbli mal-iskadenza ta’ perjodu raġonevoli ta’ żmien għall-produttur ta’ fonogrammi biex iwettaq dawn iż-żewġ atti ta’ sfruttament. Għaldaqstant, id-drittijiet tal-produttur ta’ fonogrammi fil-fonogramma għandhom jiskadu, biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn dawn id-drittijiet ikunu jeżistu flimkien ma’ dawk tal-artist fl-iffissar tal-prestazzjoni filwaqt li d-drittijiet tal-aħħar ma jibqgħux jiġu trasferiti jew assenjati lill-produtturi ta’ fonogrammi.

    (9)

    Kif jibdew relazzjoni kuntrattwali ma’ produttur ta’ fonogrammi, l-artisti normalment ikollhom jittrasferixxu lill-produtturi ta’ fonogrammi d-drittijiet esklużivi tagħhom ta’ riproduzzjoni, distribuzzjoni, kiri u disponibbiltà tal-iffissar tal-prestazzjonijiet tagħhom. Bi skambju, xi artisti jitħallsu ħlas bil-quddiem fuq id-drittijiet u jibbenefikaw mill-ħlasijiet biss ladarba l-produttur ta’ fonogrammi jkun irkupra l-ħlas inizjali bil-quddiem u jkun wettaq kull tnaqqis definit kuntratwalment. Artisti oħrajn jittrasferixxu jew jassenjaw id-drittijiet esklużivi tagħhom bi tpattija għal ħlas ta 'darba (rimunerazzjoni mhux rikorrenti). Dan iseħħ fil-każ partikolari meta artisti li jaħdmu fl-isfond ma jissemmewx fil-kredits (“atturi mhux magħrufa”) iżda xi drabi wkoll fil-każ ta’ artisti li jissemmew fil-kredits (“artisti magħrufa”).

    (10)

    Biex jiġi żgurat li l-artisti li trasferew jew assenjaw id-drittijiet esklużivi tagħhom lil produtturi ta’ fonogrammi tassew jibbenefikaw mill-estensjoni tat-terminu, għandhom jiġu introdotti sensiela ta’ miżuri ta’ akkumpanjament.

    (11)

    L-ewwel miżura ta’ akkumpanjament għandha tkun l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq il-produtturi ta’ fonogrammi li jwarrbu, għall-inqas darba fis-sena, somma li tikkorrispondi għal 20 % tad-dħul mid-drittijiet esklużivi ta’ distribuzzjoni, riproduzzjoni u disponibbiltà ta’ fonogrammi. “Dħul” tfisser id-dħul miksub mill-produttur ta’ fonogrammi qabel inaqqas l-ispejjeż.

    (12)

    Il-ħlas ta’ dawk l-ammonti għandu jkun riservat biss għall-benefiċċju ta’ artisti li l-prestazzjonijiet tagħhom jinsabu ffissati fuq fonogramma u li trasferew jew assenjaw id-drittijiet tagħhom lill-produttur ta’ fonogramma għal ħlas ta’ darba. L-ammonti mwarrba b'dan il-mod għandhom jitqassmu lil artisti mhux magħrufa mill-inqas darba fis-sena fuq bażi individwali. Distribuzzjoni bħal din għandha tiġi fdata lis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva, u r-regoli nazzjonali dwar dħul li ma jistax jiġi distribwit jistgħu jiġu applikati. Sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ piż sproporzjonat fil-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ dak id-dħul, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirregolaw safejn il-mikrointrapriżi jkunu suġġetti għall-obbligu li jikkontribwixxu fejn ikun jidher li dawn il-ħlasijiet mhumiex raġonevoli relattivament għall-ispejjeż tal-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ tali dħul.

    (13)

    Madankollu, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE diġà jagħti lill-artisti d-dritt irrevokabbli għal rimunerazzjoni ġusta għall-kiri ta', inter alia, fonogrammi. Bl-istess mod, fil-prassi kuntrattwali l-artisti normalment ma jittrasferux lil produtturi ta’ fonogrammi d-drittijiet tagħhom li jitolbu rimunerazzjoni ġusta u unika għax-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE u għal kumpens ġust għal riproduzzjonijiet għal użu privat skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE. Għaldaqstant, fil-kalkolu tal-ammont globali li għandu jiġi ddedikat minn produttur ta’ fonogrammi għal ħlasijiet tar-rimunerazzjoni supplimentari, ma għandux jitqies id-dħul li l-produttur ta’ fonogrammi jkun kiseb mill-kiri ta’ fonogrammi, mir-rimunerazzjoni ġusta u unika għax-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku jew mill-kumpens ġust li jingħata għal kopja privata.

    (14)

    It-tieni miżura ta’ akkumpanjament maħsuba biex jerġa' jinstab bilanċ f'kuntratti li bihom l-artisti jittrasferixxu d-drittijiet esklużivi tagħhom, fuq il-bażi ta’ ħlas ta’ drittijiet, lil produttur ta’ fonogrammi, għandha tipprovdi għal “rekord nadif” għal dawk l-artisti li jkunu assenjaw id-drittijiet esklużivi tagħhom imsemmija hawn fuq lil produtturi ta’ fonogrammi bħala skambju ghal jew għal rimunerazzjoni. Sabiex l-artisti jiksbu benefiċċju sħiħ mit-terminu estiż ta’ protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-ftehimiet bejn il-produtturi ta’ fonogrammi u l-artisti, rata ta’ dritt jew ta’ rimunerazzjoni li tkun ħielsa minn ħlasijiet bil-quddiem jew minn tnaqqis definit kuntrattwalment titħallas lill-artisti waqt il-perjodu estiż.

    (15)

    Għall-fini ta’ ċertezza legali għandu jkun previst li fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ċari għall-kuntrarju fil-kuntratt, it-trasferiment kuntrattwali jew it-trasferiment tad-drittijiet fl-iffissar tal-prestazzjoni, konkluż qabel id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jimplimentaw din id-direttiva, għandu jkompli jipproduċi l-effetti tiegħu għat-terminu estiż.

    (16)

    L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddrovdu li ċerti pattijiet f'dawk il-kuntratti li jipprovdu għal ħlasijiet rikorrenti jkunu jistgħu jiġu rinegozjati għall-benefiċċju tal-artisti. L-Istati Membri għandu jkollhom proċeduri stabbiliti biex ikopru l-eventwalità li r-rinegozjazzjoni tfalli.

    (17)

    Din id-Direttiva m'għandiex taffettwa r-regoli u l-ftehmiet nazzjonali li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tagħha, bħall-ftehimiet kollettivi konklużi fl-Istati Membri bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-artisti u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-produtturi.

    (18)

    F'xi Stati Membri, jiġi mogħti terminu uniku ta’ protezzjoni għal kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem, ikkalkolat mill-mewt tal-aħħar awtur li jkun baqa' ħaj, filwaqt li fi Stati Membri oħra, termini separati ta’ protezzjoni japplikaw għall-mużika u l-lirika. Il-kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem ta’ spiss jinkitbu minn diversi awturi. Pereżempju, opra, ħafna drabi tkun ix-xogħol ta’ librettist u kompożitur. Barra minn hekk, fil-ġeneri mużikali bħall-mużika ġazz, rokk u pop, il-proċess kreattiv ħafna darbi huwa kollaborattiv fin-natura tiegħu.

    (19)

    Għaldaqstant, l-armonizzazzjoni tat-terminu ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem li l-lirika u l-mużika tagħhom inħolqu biex jintużaw flimkien mhijiex kompluta, u dan iwassal għal xkiel għall-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi, bħal servizzi ta’ ġestjoni kollettiva transkonfinali. Sabiex tiġi żgurata t-tneħħija ta’ dan it-tip ta’ xkiel, ix-xogħlijiet kollha ta’ dan it-tip li jinsabu protetti sad-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri, huma rikjesti jkollhom l-istess terminu armonizzat ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha.

    (20)

    Id-Direttiva 2006/116/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

    (21)

    Ladarba l-għanijiet tal-miżuri ta’ akkumpanjament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, billi l-miżuri nazzjonali f'dak il-kamp jew iwasslu għal tgħawwiġ ta’ kompetizzjoni jew jaffettwaw l-ambitu tad-drittijiet esklużivi tal-produttur ta’ fonogrammi li huma definiti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni, u għalhekk jistgħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

    (22)

    Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Leġislazzjoni Aħjar ( 6 ), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu għalihom stess u fl-interessi tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li, sa fejn hu possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, u jagħmluhom pubbliċi,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2006/116/KE

    Id-Direttiva 2006/116/KE hija emendata kif ġej:

    (1) Il-paragrafu li ġej għandu għandu jiżdied mal-Artikolu 1:

    “7.  It-terminu ta’ protezzjoni ta’ kompożizzjoni mużikali bil-kliem għandu jiskadi 70 sena wara l-mewt tal-aħħar mill-persuni li ġejjin li tkun baqgħet ħajja, kemm jekk dawk il-persuni ikunu nominati bħala ko-awturi kif ukoll jekk le: l-awtur tal-lirika jew il-kompożitur tal-kompożizzjoni mużikali, sakemm iż-żewġ kontributi jkunu nħolqu speċifikament għall-kompożizzjoni mużikali rispettiva bil-kliem.”.

    (2) L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 1, it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Madankollu,

     jekk l-iffissar ta’ prestazzjoni b'mod ieħor milli fuq fonogramma jkun ippubblikat leġittimament jew ikkomunikat leġittimament lill-pubbliku f'dan il-perjodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 50 sena mid-data tal-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel;

     jekk l-iffissar ta’ prestazzjoni fuq fonogramma jkun ippubblikat leġittimament t jew ikkomunikat leġittimament lill-pubbliku f'dan il-perjodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 70 sena mid-data tal-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel.”

    (b) fit-tieni sentenza u fit-tielet sentenza tal-paragrafu 2, in-numru “50” għandu jinbidel bin-numru “70”;

    (c) għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “2a.  Jekk, 50 sena wara li l-fonogramma tkun ġiet ippubblikata leġittimament, jew fil-każ li din ma tiġix ippubblikata, 50 sena wara li ġiet ikkomunikata leġittimament lill-pubbliku, il-produttur tal-fonogramma ma joffrix kopji tal-fonogramma għall-bejgħ fi kwantità suffiċjenti jew ma jagħmiliex disponibbli għall-pubbliku, b'mezzi bil-wajer jew mingħajr, b'mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għaliha minn post u ħin individwalment magħżul minnhom, l-artist jista' jittermina l-kuntratt li permezz tiegħu l-artist ittrasferixxa jew assenja d-drittijiet tiegħu fl-iffissar tar-rappreżentazzjoni tiegħu lil produttur tal-fonogrammi (minn hawn 'il quddiem ‘kuntratt dwar trasferiment jew assenjazzjoni’). Id-dritt li jittermina l-kuntratt dwar trasferiment jew assenjazzjoni jista jiġi eżerċitat jekk il-produttur, fi żmien ta’ sena min-notifika mill-artist tal-intenzjoni tiegħu li jittermina l-kuntratt dwar trasferiment jew assenjazzjoni skont is-sentenza preċedenti, jonqos milli jwettaq iż-żewġ atti ta’ esplojtazzjoni msemmija f'dik is-sentenza. Id-dritt li jittermina ma jistax ikun ċedut mill-artist. Fejn fonogramma jkun fiha l-iffissar ta’ prestazzjonijiet ta’ pluralità ta’ artisti, dawn jistgħu jtemmu l-kuntratti tagħhom ta’ trasferiment jew assenjazzjoni b konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli. Jekk il-kuntratt dwar trasferiment jew assenjazzjoni jintemm skont dan il-paragrafu, id-drittijiet tal-produttur ta’ fonogrammi fuq il-fonogramma għandhom jiskadu.

    2b.  Fejn kuntratt dwar trasferiment jew assenjazzjoni jagħti dritt lill-artist biex jitlob rimunerazzjoni mhux rikorrenti, l-arist ikollu d-dritt li jikseb rimunerazzjoni annwali supplimentari mill-produttur tal-fonogramma għal kull sena sħiħa immedjatament wara l-50 sena wara li ġiet ippubblikata leġittimament il-fonogramma, jew jekk ma kienx hemm pubblikazzjoni, il-50 sena ta’ wara li ġiet komunikata leġittimament lill-pubbliku. Id-dritt li tinkiseb tali rimunerazzjoni annwali supplimentari ma tistax tkun miċħuda mill-artist.

    2c.  L-ammont globali li għandu jiġi riservat mill-produttur ta’ fonogrammi għal ħlas tar-rimunerazzjoni supplimentari annwali msemmija fil-paragrafu 2b għandu jikkorrispondi għal 20 % tad-dħul li l-produttur tal-fonogrammi jkun kiseb, matul is-sena ta’ qabel dik li għaliha titħallas ir-rimunerazzjoni msemmija, mir-riproduzzjoni, mid-distribuzzjoni u mid-disponibbiltà tal-fonogramma konċernata, wara l-50 sena minn meta ġiet ippubblikata leġittimament, jew jekk ma kinitx ippubblikata, il-50 sena wara li ġiet komunikata leġittimament lill-pubbliku.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi ta’ fonogrammi ikunu meħtieġa, fuq talba, li jfornu lill-artisti, li jkollhom dritt għar-rimunerazzjoni annwali supplimentari skont il-paragrafu 2b, kwalunkwe tagħrif li jista jkun meħtieġ sabiex jiġi aċċertat il-ħlas ta’ dik ir-remunerazzjoni.

    2d.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt li tinkiseb rimunerazzjoni annwali supplimentari kif imsemmija fil-paragrafu 2b jiġi amministrat mis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva.

    2e.  Fejn artist huwa intitolat għal ħlasijiet rikorrenti, m'għandhomx jitnaqqsu la ħlasijiet minn qabel u lanqas xi tnaqqis definit kuntratwalment mill-ħlasijiet lill-artist wara il-50 sena wara li l-fonogramma ġiet ippublikata leġittimament jew meta ma tkunx ġiet ippubblikata, il-50 sena wara li ġiet komunikata leġittimament lill-pubbliku.”

    (3) Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-Artikolu 10:

    ▼C1

    “5.  L-Artikolu 3(1) sa (2e) fil-verżjoni tiegħu li tkun fis-seħħ fil-31 ta’ Ottubru 2011 għandu japplika għall-iffissar tal-prestazzjonijiet u l-fonogrammi li fir-rigward tagħhom fl-1 ta’ Novembru 2013 l-artist u l-produttur ta’ fonogrammi għadhom protetti, permezz ta’ dawk id-dispożizzjonijiet fil-verżjoni tagħhom li tkun fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2011, u għall-iffissar tal-prestazzjonijiet u tal-fonogrammi li jsiru wara dik id-data.

    ▼B

    6.  L-Artikolu 1(7) għandu japplika għall-kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem, li minnhom mill-inqas il-kompożizzjoni mużikali jew il-kliem ikunu protetti f'mill-inqas wieħed mill-Istati Membri fl-1 ta’ Novembru 2013 u għal kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem li saru wara dik id-data.

    L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att ta’ sfruttament li jseħħ qabel l-1 ta’ Novembru 2013 L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jipproteġu b'mod partikolari d-drittijiet akkwiżiti tal-partijiet terzi.”

    (4) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 10a

    Miżuri tranżitorji

    1.  Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet kuntrattwali ċari għall-kuntrarju, kuntratt dwar trasferiment jew assenzjazzjoni konkluż qabel l-1 ta’ Novembru 2013, għandu jitqies li jibqa' jipproduċi l-effetti tiegħu lilhinn mill-waqt li fih, permezz tal-Artikolu 3(1) fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2011, l-artist ma jibqgħax ikun protett.

    2.  L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li kuntratti dwar trasferiment jew assenjazzjoni li jintitolaw artist għal ħlasijiet rikorrenti u li jiġu konklużi qabel l-1 ta’ Novembru 2013 jistgħu jiġu modifikati 50 sena wara li l-fonogramm ikun ġie ppubblikat leġittimament, jew jekk din il-pubblikazzjoni ma tkunx saret, 50 sena wara li jkun ġie komunikat leġittimament lill-pubbliku.”.

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.  L-Istati Membru għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Novembru 2013. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

    Meta Stati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.  L-Istati Membri għanhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali adottata fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Rapportar

    1.  Sal-1 ta’ Novembru 2016 il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fid-dawl tal-iżvilupp tas-suq diġitali, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta sabiex tiġi emendata ulterjorment id-Direttiva 2006/116/KE.

    2.  Sal-1 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jevalwa l-possibbiltà ta’ bżonn ta’ estensjoni tat-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-artisti u tal-produtturi fis-settur awdjoviżiv. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta sabiex tiġi emendata ulterjorment id-Direttiva 2006/116/KE.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



    ( 1 ) ĠU C 182, 4.8.2009, p. 36.

    ( 2 ) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2009 (ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 331) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2011

    ( 3 ) ĠU L 372, 27.12.2006, p. 12.

    ( 4 ) ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

    ( 5 ) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28.

    ( 6 ) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

    Top