Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02009L0136-20201221

    Consolidated text: Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/136/2020-12-21

    02009L0136 — MT — 21.12.2020 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DIRETTIVA 2009/136/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta’ Novembru 2009

    li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika

    u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 337 18.12.2009, p. 11)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DIRETTIVA (UE) 2018/1972 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’rilevanza għaż-ŻEE tal-11 ta’ Diċembru 2018

      L 321

    36

    17.12.2018


    Ikkoreġuta bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 241, 10.9.2013, p.  9 (2009/136/KE)




    ▼B

    DIRETTIVA 2009/136/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta’ Novembru 2009

    li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika

    u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



    ▼M1 —————

    ▼B

    Artikolu 2

    Emendament tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)

    Id-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) hija b’dan emendata kif ġej:

    1. 

    l-Artikolu 1(1) għandhu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.  
    Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.”;
    2. 

    l-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) 

    il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(c) 

    ‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;”;

    (b) 

    il-punt (e) għandu jiġi mħassar;

    ►C1  (c) 

    il-punt li ġej għandu jiżdied:

    “(i) 

    ‘ksur ta’ data personali’ tfisser ◄ ksur tas-sigurtà li jwassal għall-qerda, it-telf, l-alterazzjoni, l-iżvelar mhux awtorizzat b’mod aċċidentali jew illegali ta', jew l-aċċess għal, data personali mibgħuta, maħżuna jew ipproċessata b’mod ieħor f’konnessjoni mal-provvediment ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fil-Komunità.”;

    3. 

    L-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Servizzi konċernati

    Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”;

    4. 

    l-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) 

    it-titolu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Sigurtà ta’ pproċessar”;

    (b) 

    il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

    “1a.  

    Mingħajr ħsara għad-Direttiva 95/46/KE, il-miżuri msemmija f’Paragrafu 1 għandhom għall-inqas:

    — 
    jassiguraw li d-data personali tkun tista’ tiġi aċċessata biss minn persunal awtorizzat u għal raġunijiet awtorizzati legalment;
    — 
    jipproteġu d-data personali maħżuna jew trażmessa mill-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf jew tibdil aċċidentali, u l-ħżin, l-ipproċessar, l-aċċess jew l-iżvelar mhux awtorizzati jew illegali; kif ukoll
    — 
    jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ sigurtà fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

    L-awtoritajiet nazzjonali relevanti għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw il-miżuri li jkunu ttieħdu mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku u joħorġu rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattika fir-rigward tal-livell ta’ sigurtà li għandhom jiksbu dawn il-miżuri.”;

    (c) 

    il-paragrafi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

    “3.  

    Fil-każ ta’ ksur ta’ data personali l-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli konċernat jew is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kkonċernati għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifkaw il-ksur tad-data personali lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

    Meta l-ksur tad-data personali jista’ jaffettwa ħażin l-abbonat jew id-data personali jew il-privatezza tal-individwu, il-fornitur għandu wkoll jinnotifika l-abbonat ikkonċernat jew lill-individwu b’tali ksur mingħajr dewmien żejjed.

    Ma għandhiex tkun meħtieġa notifika ta’ ksur ta’ data personali lilll-abbonat jew lill-individwu ikkonċernat jekk il-fornitur ikun wera lill-awtorità kompetenti li jkun implimenta l-miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi adatti, u li dawk il-miżuri ġew applikati għad-data kkonċernata mill-ksur tas-sigurtà. Tali miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi għandhom irendu d-data indeċifrabbli għal kull persuna li ma tkunx awtorizzata li jkollha aċċess għaliha.

    Mingħajr ħsara għall-obbligu tal-fornitur li jinnotifika lill-abbonati jew lill-individwi ikkonċernati, jekk fornitur ma jkunx diġa nnotifika lill-abbonat jew individwu dwar ksur ta’ data personali, l-awtorità nazzjonali kompetenti, wara li tkun ikkunsdrat l-effeti negattivi li jista’ jkollu l-ksur, tista’ tirrikjedi lill-fornitur biex jagħmel dan.

    In-notifika lill-abbonat jew individwu għandha mill-inqas tiddeskrivi n-natura tal-ksur tad-data personali u l-punti ta’ kuntatt fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni, u għandha tirrakkomanda miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tal-ksur tad-data personali. In-notifika lill-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, barra minn dan, tiddeskrivi l-konsegwenzi ta’ u l-miżuri proposti jew meħuda mill-fornitur biex jiġi ttrattat il-ksur tad-data personali.

    4.  

    Suġġett għal kwalunkwe miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 5, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jadottaw linji gwida u, fejn meħtieġ, joħorġu struzzjonijiet dwar iċ-ċirkostanzi li fihom il-fornituri huma meħtieġa li jinnotifikaw ksur tad-data personali, il-format ta’ tali notifika u l-proċeduri tan-notifika. Huma għandhom jissorveljaw ukoll jekk il-fornituri jkunux issodisfaw l-obbligi tagħhom tan-notifika skont dan il-paragrafu, u fil-każ li dan ma jkunx sar, għandhom jimponu sanzjonijiet adegwati.

    Il-fornituri għandhom iżommu inventarju tal-każijiet ta’ ksur ta’ data personali, li jkun jinkludi l-fatti ta’ dawn il-każijiet ta’ ksur, l-effetti tagħhom u l-azzjoni li ttieħdet biex jingħata rimedju, li għandu jkun biżżejjed sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3. L-inventarju għandu jinkludi biss l-informazzjoni meħtieġa għal dan l-iskop.

    5.  

    Sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA), il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi rigward l-Ipproċessar ta’ Data Personali mwaqqaf mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi li jikkonċernaw, iċ-ċirkostanzi, il-format u l-proċeduri applikabbli għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni u notifika msemmija f’dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tinvolvi lill-partijiet interessati kollha, partikolarment sabiex tkun infurmata dwar l-aħjar mezzi tekniċi u ekonomiċi disponibbli għall-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14a(2).”;

    5. 

    l-Artikolu 5(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.  

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva 95/46/KE, dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”;

    6. 

    L-Artikolu 6(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.  

    Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.”;

    7. 

    L-Artikolu 13 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Komunikazzjoni mhux mitluba

    1.  
    L-użu ta’ sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati u ta’ komunikazzjoni, mingħajr l-intervent uman (magni ta’ sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile (fax) jew posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jkun permess biss fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel.
    2.  
    Minkejja l-paragrafu 1, fejn persuna naturali jew legali tikseb mill-klijenti tagħha d-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-posta elettronika, fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz, skont id-Direttiva 95/46/KE, l-istess persuna naturali jew legali tista’ tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti jew servizzi simili tagħha stess, dment li l-klijenti jingħataw b’mod ċar u distint l-opportunità li joġġezzjonaw, mingħajr ħlas u b’mod faċli, għal tali użu ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniku fil-ħin tal-ġbir tagħhom u fl-okkażjoni ta’ kull messaġġ fil-każ fejn il-klijent ma jkunx irrifjuta inizjalment tali użu.
    3.  
    L-Istati Membri għandhom miżuri xierqa biex jiżguraw illi, il-komunikazzjonijiet mhux mitluba għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, minbarra f’każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ma jkunux permessi mingħajr il-kunsens tal-abbonati jew l-utenti konċernati jew fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li ma jixtiqux jirċievu dawn il-komunikazzjonijiet, bl-għażla bejn dawn it-tnejn tiġi determinata mil-leġislazzjoni nazzjonali, b’kont meħud li ż-żewġ għażliet għandhom ikunu mingħajr ħlas għall-abbonat jew l-utent.
    4.  
    F’kull każ, il-prattika li tintbagħat posta elettronika għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta li tiddissimula jew taħbi l-identità tal-mittent li f’ismu tkun saret il-komunikazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31/KE, mingħajr indirizz validu li r-riċevent jista’ jibgħatlu talba biex ma jirċevix tali komunikazzjonijiet, jew li tinkoraġġixxi lir-riċeventi jżuru websajts li jmorru kontra dak l-Artikolu, għandha tiġi pprojbita.
    5.  
    Il-paragrafi 1 u 3 għandhom jgħoddu għal abbonati li huma persuni naturali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll, fil-qafas tal-liġi Komunitarja u l-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, li l-interessi leġittimi ta’ abbonati minbarra persuni naturali rigward komunikazzjonijiet mhux mitluba huma protetti b’mod suffiċjenti.
    6.  
    Bla ħsara għal kwalunkwe rimedju amministrattiv li għalih tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia skont l-Artikolu 15a(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna fiżika jew legali affettwata ħażin minn ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dan l-Artikolu u li għaldaqstant għandha interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ tali ksur, inkluż fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika li jħares l-interessi kummerċjali leġittimi tiegħu, jista’ jieħu azzjoni legali kontra tali ksur. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar pieni applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li bin-negliġenza tagħhom jikkontribwixxu għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement ma’ dan l-Artikolu.”;
    8. 

    l-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

    “Artikolu 14a

    Proċeduta tal-Kumitat

    1.  
    Il-Kummissjoni għandha tkun assistia mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).
    2.  
    Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
    3.  
    Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”;
    9. 

    fl-Artikolu 15, il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

    “1b.  
    Il-fornituri għandhom jistabbilixxu proċeduri interni biex iwieġbu talbiet għal aċċess għad-data personali tal-utenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adotatti skont il-paragrafu 1. Għandhom jipprovdu lill-awtorità nazzjonali kompetenti, meta din titlobha, b’informazzjoni dwar dawn il-proċeduri, in-numru ta’ talbiet li jkunu waslu għandhom, il-ġustifikazzjoni legali invokata u r-risposti tagħhom.”;
    10. 

    l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

    “Artikolu 15a

    Implimentazzjoni u infurzar

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli tal-penali, inklużi sanzjonijiet kriminali fejn xieraq, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u diswassivi u jistgħu jkunu applikati biex ikopru l-perijodu ta’ kwalunkwe ksur, anke fejn sussegwentement il-ksur ikun ġie rettiffikat. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-25 ta’ Mejju 2011 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li teffettwahom.
    2.  
    Mingħajr ħsara għal kwalunkwe soluzzjoni ġudizzjarja li tista’ tkun disponibbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità nazzjonali kompetenti u, fejn rilevanti, korpi nazzjonali oħra jkollhom is-setgħa li jordnaw il-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 1.
    3.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, fejn rilevanti, korpi nazzjonali oħra jkollhom is-setgħat u r-riżorsi investigattivi kollha meħtieġa, inkluż is-setgħa li jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilvanti li jistgħu jkunu jeħtieġu biex jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.
    4.  

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti jistgħu jadottaw miżuri sabiex jiżguraw koperazzjoni effikaċi transkonfinali fl-infurzar tal-liġijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u toħloq kondizzjonijiet armonizzati għall-forniment ta’ servizzi li jinvolvu flussi transkonfinali tad-data.

    L-awtoritajiet regolatorji nazjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fi żmien bikri biżżejjed qabel ma jadottaw dawn ir-rekwiżiti, b’sommarju tar-raġunijiet għall-azzjoni, il-miżuri mistennija u l-pjan ta’ azzjoni propost. Il-Kummissjoni tista', wara li tkun eżaminat din l-informazzjoni u wara li tkun ikkonsultat lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Network u tal-Informazzjoni (ENISA) u lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi rigward l-Ipproċessar ta’ Data Personali mwaqqaf mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE, tagħmel kummenti u rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari biex tiżgura li l-miżuri previsti ma jaffettwawx ħażin it-tħaddim tas-suq intern. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont sħiħ tal-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-miżuri.”.

    Artikolu 3

    Emendament tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004

    Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ir-Regolament dwar il-koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi), għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

    “17. 

    Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika): Artikolu 13 (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).”.

    Artikolu 4

    Transpożizzjoni

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sal-25 ta’ Mejju 2011 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandhom isiru tali referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali adottati minnhom fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    ▼M1 —————

    ▼B




    ANNESS II




    “ANNESS VI

    INTEROPERABBILTÀ TAT-TAGĦMIR DIĠITALI TAL-KONSUMATUR IMSEMMI FL-ARTIKOLU 24

    1.   L-iscrambling algorithm komuni u reċiviment ħieles fl-arja

    It-tagħmir kollu tal-konsumatur maħsub għar-riċeviment ta’ sinjali diġitali tat-televiżjoni konvenzjonali (jiġifieri xandir permezz ta’ trasmissjoni terrestri, bil-cable jew bis-satellita li huwa intiż primarjament għar-riċeviment fiss, bħall-DVB-T, DVB-C or DVB-S), għall-bejgħ jew kera jew xort’oħra magħmula disponibbli fil-Komunità, kapaċi li jħollu s-sinjali diġitali tat-televiżjon, għandu jkollu l-kapaċità li:

    — 
    jippermetti li jinħallu dawk is-sinjali skont scrambling alogarith komuni Ewropew kif amministrat mill-organizzazzjoni rikonoxxuta Ewropea tal-istandards, attwalment l-ETSI;
    — 
    juri sinjali li jkunu ġew trasmessi sakemm, fil-każ li dak it-tagħmir jiġi mikri, il-kerrej ikun f’konformità mal-ftehim rilevanti tal-kiri.

    2.   Interoperabilità għal settijiet tat-televiżjoni analogi u diġitali

    Kwalunkwe sett analogu tat-televiżjoni bi skrin integrali bi djagunal viżibbli ta’ aktar minn 42 cm li jitqiegħed fis-suq għall-bejgħ jew kera fil-komunità għandu jkun iffittjat b’tal-anqas konnessjoni waħda miftuħa, kif standardised minn organizzazzjoni rikonoxxuta Ewropea tal-istandards, per eżempju kif mogħtija fis-CENELEC EN 50 049-1:1997 standard, li tkun tippermetti konnessjoni sempliċi għall-periferali, speċjalment apparat għad-dikodifikar jew riċevituri diġitali.

    Kwalunkwe sett diġitali tat-televiżjoni bi skrijn integrali viżibbli ta’ djagunal akbar minn 30 ċm li jitqiegħed għall-bejgħ jew kera fil-Komunità għandu jkun iffittjat b’talanqas konnessjoni waħda miftuħa (jew standardizzata, jew li tikkonforma ma’ standard adottat, minn organizzazzjoni ta’ standards Ewropej rikonoxxuta, jew li tikkonforma ma’ speċifikazzjoni tal-industrija kollha) per eżempju konnettur komuni ta’ konnessjoni DVB, li jippermetti konnessjoni sempliċi għall-periferali, u li jkun jista’ jgħaddi l-elementi kollha ta’ sinjal diġitali televiżiv, inkluża nformazzjoni li tirrelata ma’ servizzi nterattivi u kondizzjonalment aċċessati.”

    Top