Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008D0070(01)-20190726

    Consolidated text: Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/70(1)/2019-07-26

    02008D0070(01) — MT — 26.07.2019 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI Nru 70/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Jannar 2008

    dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ

    (ĠU L 023 26.1.2008, p. 21)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

      L 198

    241

    25.7.2019




    ▼B

    DEĊIŻJONI Nru 70/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Jannar 2008

    dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ



    Artikolu 1

    Sistemi doganali elettroniċi

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi doganali elettroniċi siguri, integrati, interoperabbli u aċċessibbli għall-iskambju ta’ data li tinsab f'dikjarazzjonijiet doganali, dokumenti li jakkumpanjaw id-dikjarazzjonijiet doganali u ċertifikati u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti ieħor.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-istruttura u l-mezzi għat-tħaddim ta’ dawk is-sistemi doganali elettroniċi.

    Artikolu 2

    Objettivi

    1.  Is-sistemi doganali elettroniċi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitfasslu sabiex jilħqu l-għanijiet li ġejjin:

    (a) iħaffu l-proċeduri ta’ importazzjoni u esportazzjoni;

    (b) inaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità u dawk amministrattivi u jtejbu l-perijodu ta’ żmien għall-iżdoganar;

    (ċ) jikkoordinaw approċċ komuni dwar il-kontroll tal-merkanzija;

    (d) jgħinu biex jiżguraw il-ġbir kif suppost tad-dazji doganali u l-ħlasijiet l-oħrajn kollha;

    (e) jiżguraw l-provvista rapida ta’ informazzjoni u r-riċeviment ta’ informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-katina ta’ forniment internazzjonali;

    (f) jippermettu l-fluss mingħajr xkiel ta’ data bejn l-awtoritajiet ta’ pajjiżi esportaturi u importaturi kif ukoll bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi, waqt li jippermettu li d-data li tiddaħħal fis-sistema terġa’ tintuża.

    L-integrazzjoni u l-evoluzzjoni tas-sistemi doganali elettroniċi għandhom ikunu proporzjonati ma’ l-għanijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

    2.  L-għanijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jinkisbu mill-inqas bil-mezzi li ġejjin:

    (a) l-iskambju armonizzat ta’ informazzjoni abbażi ta’ mudelli ta’ data u formati ta’ messaġġi aċċettati internazzjonalment;

    (b) l-organizzazzjoni mill-ġdid ta’ proċessi doganali u proċessi li għandhom x'jaqsmu mad-dwana bil-ħsieb li jiġu ottimizzati l-effiċjenza u l-effettività tagħhom, li jiġu ssimplifikati u li titnaqqas l-ispiża ta’ konformità doganali;

    (ċ) l-offerta ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi doganali elettroniċi lil operaturi ekonomiċi li tippermetti lil dawn l-operaturi li jinteraġixxu bl-istess mod ma’ l-awtoritajiet doganali ta’ kwalunkwe Stat Membru.

    3.  Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, il-Komunità għandha tippromwovi l-interoperabbiltà tas-sistemi doganali elettroniċi mas-sistemi doganali ta’ pajjiżi terzi jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aċċessibbiltà tas-sistemi doganali elettroniċi għal operaturi f'pajjiżi terzi, bil-ħsieb li jinħoloq ambjent mingħajr karti f'livell internazzjonali fejn dan ikun previst skond ftehim internazzjonali u soġġett għal arranġamenti finanzjarji adatti.

    Artikolu 3

    Skambju ta’ data

    1.  Is-sistemi doganali elettroniċi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-iskambju ta’ data bejn l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri u bejn dawk l-awtoritajiet u dawn li ġejjin:

    (a) l-operaturi ekonomiċi;

    (b) il-Kummissjoni;

    (ċ) amminstrazzjonijiet jew aġenziji uffiċjali oħrajn involuti fil-moviment internazzjonali tal-merkanzija (minn hawn 'il quddiem imsejħa “amministrazzjonijiet jew aġenziji oħrajn”).

    2.  Kwalunkwe żvelar jew komunikazzjoni ta’ data għandha tikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-data, partikolarment id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ tali data ( 1 ) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data ( 2 ).

    Artikolu 4

    Sistemi, servizz u limiti ta’ żmien

    1.  L-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jagħmlu operattivi s-sistemi doganali elettroniċi li ġejjin skond il-ħtiġijiet u l-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ:

    (a) sistemi għall-importazzjoni u l-esportazzjoni, li joperaw flimkien mas-sistema għat-transitu u li jippermettu l-fluss mingħajr xkiel ta’ data minn sistema doġanali waħda għal oħra fil-Komunità kollha;

    (b) sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-operaturi ekonomiċi, li topera flimkien mas-sistema awtorizzata ta’ l-operaturi ekonomiċi u li tippermetti li dawk l-operaturi ekonomiċi jirreġistraw darba biss għall-interazzjonijiet kollha tagħhom ma’ l-awtoritajiet doganali fil-Komunità kollha, b'kont meħud tas-sistemi Komunitarji jew nazzjonali eżistenti;

    (ċ) sistema għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, inkluż il-proċess ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni, il-ġestjoni ta’ ċertifikati għall-operaturi ekonomiċi awtorizzati u r-reġistrazzjoni ta’ dawk iċ-ċertifikati f'bażi ta’ data aċċessibbli mill-awtoritajiet doganali.

    2.  L-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jistabbilixxu u jagħmlu operattivi sal-15 ta’ Frar 2011, il-portali doganali komuni biex jipprovdu lill-operaturi ekonomiċi l-informazzjoni meħtieġa għal transazzjonijiet doganali fl-Istati Membri kollha.

    3.  Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, tistabbilixxi u tagħmel operattiv sal-15 ta’ Frar 2013, ambjent tariffarju integrat li jippermetti l-kollegament ma’ sistemi oħrajn relatati ma’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni mħaddma fil-Kummissjoni u l-Istati Membri.

    4.  Il-Kummissjoni għandha, fi sħubija ma’ l-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali u sal-15 ta’ Frar 2011, tevalwa l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali komuni għal:

    (a) qafas għal punti ta’ aċċess uniċi, li jippermetti lill-operaturi ta’ l-ekonomija biex jagħmlu użu minn interazzjoni waħda biex iressqu d-dikjarazzjonijiet doganali elettroniċi, anke jekk il-proċedura tad-dwana titwettaq fi Stat Membru ieħor;

    (b) interfaces elettroniċi għal operaturi ekonomiċi li jippermettulhom iwettqu l-kummerċ kollu relatat mad-dwana, anke jekk ikunu involuti diversi Stati Membri, ma’ l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti; u

    (ċ) servizzi ta’ interface uniku li jipprovdu l-fluss bla xkiel ta’ data bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, bejn l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni, u bejn l-awtoritajiet doganali u amministrazzjonijiet jew aġenziji oħrajn, u li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jissottomettu lid-dwana l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-iżdoganar ta’ importazzjonijiet jew esportazzjonijiet, inkluża informazzjoni li tkun meħtieġa minn leġiżlazzjoni li ma għandhiex x'taqsam ma’ dwana.

    5.  Fi żmien tliet snin ta’ evalwazzjoni pożittiva ta’ l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali komuni msemmija fil-paragrafu 4 (a) u (b), l-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jagħmlu kull sforz biex jistabbilixxu u jagħmlu operattiv il-qafas għal punti ta’ aċċess uniċi u l-interfaces elettroniċi.

    6.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu kull sforz biex jistabbilixxu u jagħmlu operattiv il-qafas għas-servizzi ta’ interface uniku. L-evalwazzjoni tal-progress li jkun inkiseb f'dan il-qasam għandu jiġi inkluż fir-rapporti msemmija fl-Artikolu 12.

    7.  Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment għall-manutenzjoni debita u t-titjib meħtieġ tas-sistemi u s-servizzi msemmija f'dan l-Artikolu.

    Artikolu 5

    Komponenti u responsabbiltajiet

    1.  Is-sistemi doganali elettroniċi għandhom jikkonsistu f’komponenti Komunitarji u komponenti nazzjonali.

    2.  Il-komponenti Komunitarji tas-sistemi doganali elettroniċi għandhom jikkonsistu b'mod partikolari fi:

    (a) studji relatati dwar il-fattibbiltà u l-ispeċifikazzjonijiet komuni funzjonali u tekniċi tas-sistema;

    (b) prodotti u s-servizzi komuni, inklużi s-sistemi ta’ referenza komuni meħtieġa għad-dwana u għal informazzjoni relatata mad-dwana;

    (ċ) servizzi tan-Netwerk Komuni ta’ Komunikazzjoni u l-Interface Komuni tas-Sistemi (CCN/CSI) għall-Istati Membri;

    (d) attivitajiet ta’ koordinazzjoni mwettqa mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni meta jimplimentaw u joperaw sistemi doganali elettroniċi fil-qasam komuni tal-Komunità;

    (e) attivitajiet ta’ koordinazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni meta timplimenta u topera sistemi doganali elettroniċi fil-qasam estern tal-Komunità, esklużi s-servizzi mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet nazzjonali.

    3.  Il-komponenti nazzjonali tas-sistemi doganali elettroniċi għandhom jikkonsistu b'mod partikolari fi:

    (a) speċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tas-sistema nazzjonali;

    (b) sistemi nazzjonali, inklużi d-databases;

    (ċ) kollegamenti tan-netwerk bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi, u bejn l-awtoritajiet doganali u amministrazzjonijiet jew aġenziji oħrajn, fl-istess Stat Membru;

    (d) kwalunkwe softwer jew tagħmir li Stat Membru jqis li hu meħtieġ biex ikun żgurat użu sħiħ tas-sistema.

    Artikolu 6

    Kompiti tal-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura, b'mod partikolari, dan li ġej:

    (a) il-koordinazzjoni ta’ l-istabbiliment, l-ittestjar għall-konformità, l-installazzjoni, it-tħaddim u l-appoġġ tal-komponenti Komunitarji fir-rigward tas-sistemi doganali elettroniċi;

    (b) il-koordinazzjoni tas-sistemi u s-servizzi previsti f'din id-Deċiżjoni flimkien ma’ proġetti rilevanti oħrajn dwar l-eGovernment f’livell Komunitarju;

    (ċ) l-ikkompletar tal-kompiti allokati lilhom skond il-pjan strateġiku pluriennali previst fl-Artikolu 8(2);

    (d) il-koordinazzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ komponenti Komunitarji u nazzjonali bil-ħsieb ta’ implimentazzjoni sinkronizzata tal-proġetti;

    (e) il-koordinazzjoni f'livell Komunitarju tas-servizzi doganali elettroniċi u s-servizzi ta’ interface uniku bil-ħsieb tal-promozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom f'livell nazzjonali;

    (f) il-koordinazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ.

    Artikolu 7

    Kompiti ta’ l-Istati Membri

    1.  L-Istati Membri għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw dan li ġej:

    (a) il-koordinazzjoni ta’ l-istabbiliment, l-ittestjar għall-konformità, l-installazzjoni, it-tħaddim u l-appoġġ tal-komponenti nazzjonali, fir-rigward tas-sistemi doganali elettroniċi;

    (b) il-koordinazzjoni tas-sistemi u s-servizzi previsti f’din id-Deċiżjoni ma’ proġetti rilevanti oħrajn relatati ma’ l-eGovernment f’livell nazzjonali;

    (ċ) l-ikkompletar tal-kompiti allokati lilhom skond il-pjan strateġiku pluriennali previst fl-Artikolu 8(2);

    (d) il-forniment regolari ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni rigward il-miżuri meħuda biex l-awtoritajiet jew l-operaturi ekonomiċi rispettivi tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mis-sistemi doganali elettroniċi;

    (e) il-promozzjoni u l-implimentazzjoni f’livell nazzjonali tas-servizzi doganali elettroniċi u s-servizzi ta’ interface uniku;

    (f) it-taħriġ meħtieġ għall-uffiċjali doganali u uffiċjali kompetenti oħrajn.

    2.  L-Istati Membri għandhom jistmaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni annwalment ir-riżorsi umani, baġitarji u tekniċi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ l-Artikolu 4 u mal-pjan strateġiku pluriennali previst fl-Artikolu 8(2).

    3.  Jekk ikun hemm riskju li xi azzjoni prevista minn Stat Membru dwar l-istabbiliment jew it-tħaddim tas-sistemi doganali elettroniċi tista’ tikkomprometti l-interoperabilità jew it-tħaddim ġenerali ta’ dawk is-sistemi, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan qabel ma’ jieħu azzjoni bħal din.

    Artikolu 8

    Strateġija u koordinazzjoni

    1.  Il-Kummissjoni għandha, fi sħubija ma’ l-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali, tiżgura dan li ġej:

    (a) id-determinazzjoni ta’ l-istrateġiji, ir-riżorsi meħtieġa u l-fażijiet ta’ żvilupp;

    (b) il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet kollha relatati mad-dwana elettronika, biex ikun żgurat li r-riżorsi, inklużi dawk użati fuq il-livell nazzjonali u dak Komunitarju, jintużaw bl-aħjar u bl-iżjed mod effiċjenti;

    (ċ) il-koordinazzjoni ta’ l-aspetti legali, operattivi, ta’ taħriġ u ta’ l-iżvilupp ta’ l-IT kif ukoll il-provvista ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi dwar dawk l-aspetti;

    (d) il-koordinazzjoni ta’ l-attivitjiet ta’ implimentazzjoni tal-partijiet kollha kkonċernati;

    (e) il-konformità tal-partijiet ikkonċernati mal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 4.

    2.  Il-Kummissjoni għandha, fi sħubija ma’ l-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali, tfassal u żżomm aġġornat pjan strateġiku pluriennali li jalloka l-kompiti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

    Artikolu 9

    Riżorsi

    1.  Għall-għanijiet ta’ l-istabbiliment, it-tħaddim u t-titjib tas-sistemi doganali elettroniċi b'mod konformi ma’ l-Artikolu 4, il-Komunità għandha tagħmel disponibbli r-riżorsi umani, baġitarji u tekniċi meħtieġa għall-komponenti tal-Komunità.

    2.  Għall-għanijiet ta’ l-istabbiliment, it-tħaddim u tat-titjib tas-sistemi doganali elettroniċi b'mod konformi ma’ l-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli r-riżorsi umani, baġitarji u tekniċi meħtieġa għall-komponenti nazzjonali.

    Artikolu 10

    Dispożizzjonijiet finanzjarji

    1.  Mingħajr preġudizzju għall-ispejjeż li jridu jsiru minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qafas ta’ l-Artikolu 2 (3), l-ispejjeż relatati ma’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jinqasmu bejn il-Komunità u l-Istati Membri b'mod konformi mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

    2.  Il-Komunità għandha ġġorr l-ispejjeż relatati mad-disinn, l-akkwist, l-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-komponenti Komunitarji, imsemmi fl-Artikolu 5(2), b'mod konformi mal-Programm Doganali 2007 stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 253/2003/KE u kwalunkwe programm li jsegwih.

    3.  L-Istati Membri għandhom iġorru l-ispejjeż relatati ma’ l-istabbiliment u t-tħaddim tal-komponenti nazzjonali, imsemmi fl-Artikolu 5(3), inklużi l-interfaces ma’ amministrazzjonijiet jew aġenziji oħrajn u operaturi ekonomiċi.

    4.  L-Istati Membri għandhom itejbu l-kooperazzjoni tagħhom bil-ħsieb li jimminimizzaw l-ispejjeż billi jiżviluppaw mudelli ta’ tqassim ta’ l-ispejjeż u soluzzjonijiet komuni.

    Artikolu 11

    Monitoraġġ

    1.  Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tivverifika li l-miżuri ffinanzjati mill-baġit tal-Komunità qegħdin jitwettqu skond din id-Deċiżjoni u li r-riżultati miksuba huma konsistenti ma’ l-għanijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1).

    2.  Il-Kummissjoni għandha, fi sħubija ma’ l-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali, tissorvelja regolarment il-progress li jkun sar minn kull Stat Membru u mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konformità ma’ l-Artikolu 4, bil-ħsieb li jkun iddeterminat jekk intlaħqux l-għanijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) u kif l-effettività ta’ l-attivitajiet involuti fl-implimentazzjoni tas-sistemi doganali elettroniċi tista’ tittejjeb.

    Artikolu 12

    Rapporti

    1.  L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-progress tagħhom fir-rigward ta’ kull kompitu allokat lilhom taħt il-pjan strateġiku pluriennali msemmi fl-Artikolu 8(2). Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ikkompletar ta’ kull wieħed minn dawn il-kompiti.

    2.  Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport ta’ progress annwali li jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel. Dawk ir-rapporti annwali għandhom ikunu bbażati fuq format stabbilit mill-Kummissjoni, fi sħubija ma’ l-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali.

    3.  Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapporti annwali msemmija fil-paragrafu 2, tistabbilixxi rapport konsolidat li jevalwa l-progress magħmul mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, partikolarment lejn il-konformità ma’ l-Artikolu 4, u dwar il-ħtieġa possibbli għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien msemmijin l-Artikolu 4(2), (3) u (5), u tippreżenta dak ir-rapport lill-partijiet ikkonċernati u lill-Grupp tal-Politika Doganali għal aktar konsiderazzjoni.

    4.  Barra minn hekk, ir-rapport konsolidat imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun fih ir-riżultati ta’ kull żjara ta’ monitoraġġ li tkun setgħet saret. Għandu jkun fiha wkoll ir-riżultati ta’ kull kontroll ieħor u tista' tistabbilixxi metodi u kriterji, għal użu f'kull evalwazzjoni sussegwenti, b'mod partikolari evalwazzjoni ta’ l-interoperabbiltà u l-iffunzjonar tas-sistemi doganali elettroniċi.

    Artikolu 13

    Konsultazzjoni ma’ l-operaturi ekonomiċi

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw regolarment lill-operaturi ekonomiċi fl-istadji kollha tat-tħejjija, ta’ l-iżvilupp u l-installazzjoni tas-sistemi u s-servizzi previsti fl-Artikolu 4.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom kull wieħed jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni li jlaqqa’ flimkien fuq bażi regolari selezzjoni rappreżentattiva ta’ operaturi ekonomiċi.

    Artikolu 14

    Pajjiżi li ser jissieħbu jew li huma kandidati

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiżi li ġew rikonoxxuti bħala pajjiżi kandidati jew li ser jissieħbu, bit-tħejjija, l-iżvilupp u l-installazzjoni tas-sistemi u s-servizzi previsti fl-Artikolu 4, u għandha tippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fihom.

    ▼M1 —————

    ▼B

    Artikolu 17

    Id-Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 18

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.



    ( 1 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    ( 2 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    Top