Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02004R0551-20091204

    Consolidated text: Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu ta' l-ispazju ta' l-arja fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament ta' l-ispazju ta' l-arja) (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/551/2009-12-04

    2004R0551 — MT — 04.12.2009 — 001.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 551/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    ta' l-10 ta' Marzu 2004

    dwar l-organizzazzjoni u l-użu ta' l-ispazju ta' l-arja fl-ajru uniku Ewropew

    (ir-Regolament ta' l-ispazju ta' l-arja)

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 096, 31.3.2004, p.20)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    REGOLAMENT (KE) Nru 1070/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-21 ta’ Ottubru 2009

      L 300

    34

    14.11.2009




    ▼B

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 551/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    ta' l-10 ta' Marzu 2004

    dwar l-organizzazzjoni u l-użu ta' l-ispazju ta' l-arja fl-ajru uniku Ewropew

    (ir-Regolament ta' l-ispazju ta' l-arja)

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)



    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikularment l-Artikolu 80(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 3 ),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 4 ), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni tal-11 ta' Diċembru 2003,

    Billi:

    (1)

    Il-ħolqien ta' l-ajru uniku Ewropew jirrikjedi trattament armonizzat biex ikunu rregolati l-organizzazzjoni u l-użu ta' spazju ta' l-ajru.

    (2)

    Fir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-ajru uniku Ewropew f'Novembru 2000 huwa kkunsidrat li spazju ta' l-ajru għandu jkun iddisinjat, irregolat u amministrat b'mod stratiġiku fuq bażi Ewropea.

    (3)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' l-ajru uniku Ewropew tat-30 ta' Novembru 2001 jitlob għal riforma strutturali li tippermetti l-ħolqien ta' l-ajru uniku Ewropew permezz ta' amministrazzjoni progressivament aktar integrata ta' spazju ta' l-ajru u l-iżvilupp ta' konċetti u proċeduri ġodda ta' amministrazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 (ir-Regolament qafas) ( 5 ) jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta' l-ajru uniku Ewropew.

    (5)

    L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili ta' l-1944, l-Istati Kontrajenti jirrikonoxxu li “kull Stat għandu sovranità komplut u esklussiv fuq l-ispazju ta' l-ajru fuq it-territorju tiegħu”. Huwa fil-qafas ta' sovranità tali li l-Istati Membri tal-Komunità, suġġetti għal konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, jeżerċitaw is-setgħat ta' awtorita pubblika meta jikkontrollaw it-trafiku ta' l-ajru.

    (6)

    L-ispazju ta' l-ajru huwa riżorsa komuni għall-kategoriji kollha ta' utenti li jeħtieġ tkun użata b'mod flessibbli minnhom kollha, biex ikunu żgurati ġustizzja u trasparenza filwaqt li jitqiesu l-ħtiġiet ta' sigurta u difiża ta' Stati Membri u l-impenji tagħhom f'organizzazzjonijiet internazzjonali.

    (7)

    Amministrazzjoni effiċjenti ta' spazju ta' l-ajru hija fundamentali biex tiżdied il-kapaċità tas-sistema ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru.

    (8)

    L-attivitajiet ta' l-Eurocontrol jikkonfermaw li x-xibka ta' rotot u struttura ta' spazju ta' l-ajru ma jistgħux realistikament ikunu żviluppati f'iżolazzjoni, għax kull Stat Membru huwa element integrali tax-Xibka Ewropea ta' amministrazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru (XEATA), kemm ġewwa kif ukoll barra l-Komunità.

    (9)

    Spazju ta' l-ajru li jopera aktar integrat progressivament għandu jkun stabbilit għal traffiku ta' l-ajru en-route ġenerali fl-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq; il-konfini bejn spazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq u ta' aktar 'l isfel għandha tkun identifikata skond dan.

    (10)

    Reġjun Ewropew ta' Informazzjoni għal Titjir Aktar 'il Fuq (AEIF) li jikkomprendi l-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq taħt ir-responsabbilita ta' l-Istati Membri fl-ambitu ta' dan ir-Regolament għandu jiffaċilita l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni komuni dwar ippjanar u aeronawtika biex jingħelbu konġestjonijiet reġjonali.

    (11)

    Utenti ta' spazju ta' l-ajru jiffaċċjaw kondizzjonijiet diversi ta' aċċess għal, u ħelsien ta' moviment fi, l-ispazju ta' l-ajru Komunitarju. Dan hu dovut għan-nuqqas ta' armonizzazzjoni fil-klassifika ta' spazju ta' l-ajru.

    (12)

    Il-konfigurazzjoni mill-ġdid ta' l-ispazju ta' l-ajru għandu jkun ibbażat fuq rekwiżiti operazzjonali mingħajr ma jittieħed każ ta' konfini eżistenti. Prinċipji komuni ġenerali biex jinħolqu blokki ta' spazju ta' l-ajru funzjonali uniformi għandhom ikunu żviluppati f'konsultazzjoni ma' u fuq il-bażi ta' parir tekniku minn Eurocontrol.

    (13)

    Huwa essenzjali li tinkiseb struttura komuni, armonizzata f'termini ta' rotot u setturi, biex tkun bażi ta' organizzazzjoni preżenti u futura ta' spazju ta' l-ajru fuq prinċipji komuni, u spazju ta' l-ajru jkun iddisinjat u amministrat skond regoli armonizzati.

    (14)

    Il-konċett ta' l-użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru għandu jkun applikat b'mod effettiv; huwa meħtieġ li jsir l-aħjar użu mis-setturi ta' l-ispazju ta' l-ajru, speċjalment matul perjodi fl-aqwa tat-traffiku ta' l-ajru u fl-ispazju ta' l-ajru ta' traffiku intens, permezz ta' koperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' l-użu ta' setturi tali għal operazzjonijiet militari u ta' taħriġ. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li jkunu allokati r-riżorsi xierqa għal implimentazzjoni effettiva tal-konċett ta' l-użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti kemm ċivili kif ukoll militari.

    (15)

    Stati Membri għandhom jagħmlu sforz biex jikkoperaw ma' l-Istati Membri ġirien biex japplikaw il-konċett ta' l-użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru min-naħa għall-oħra tal-konfini nazzjonali.

    (16)

    Differenzi fl-organizzazzjoni ta' koperazzjoni ċivili-militari fil-Komunità jirrestrinġu l-amministrazzjoni uniformi u f'waqtha ta' l-ispazju ta' l-ajru u l-implimentazzjoni ta' bidliet. Is-suċċess ta' l-ajru uniku Ewropew jiddependi fuq il-koperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ċivili u militari, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi u responsabbilitajiet ta' l-Istati Membri fil-qasam tad-difiża.

    (17)

    Operazzjonijiet u taħriġ militari għandhom ikunu ssalvagwardjati kull meta l-applikazzjoni tal-pronċipji u kriterji komuni jkun detrimentali għat-twettiq salv u effiċjenti tagħhom.

    (18)

    Miżuri adegwati għandhom ikunu introdotti biex itejbu l-effikaċita ta' l-amministrazzjoni tal-fluss tat-traffiku ta' l-ajru biex jassistu unitajiet operazzjonali eżistenti, inkluża l-Unita Ċentrali Amministrattiva tal-Fluss ta' l-Eurocontrol, jiżguraw operazzjonijiet ta' titjir effiċjenti.

    (19)

    Huwa mixtieq li jkun hemm riflessjoni fuq l-estensjoni tal-konċetti ta' l-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq għall-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'l isfel, skond skeda ta' żmien u studji xierqa,

    ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



    IL-KAPITLU I

    ĠENERALI

    Artikolu 1

    Għanijiet u ambitu

    1.  Fl-ambitu tar-Regolament qafas, dan ir-Regolament jikkonċerna l-organizzazzjoni u l-użu ta' spazju ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew. L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jsostni l-konċett ta' spazju ta' l-ajru li jopera progressivament aktar integrat fil-kuntest tal-politika ta' trasport komuni u jistabbilixxi proċeduri komuni għal iddisinjar, ippjanar u amministrazzjoni li jiżguraw it-twettiq effiċjenti u salv ta' l-amministrazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru.

    2.  L-użu ta' spazju ta' l-ajru għandu jsostni l-operazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni ta' l-ajru bħala entita koerenti u konsistenti skond ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar il-proviżjoni ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-proviżjon tas-servizz) ( 6 ).

    3.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, dan ir-Regolament għandu japplika għall-ispazju ta' l-ajru fir-reġjuni ta' l-OIAĊ EUR u AFI fejn Stati Membri huma responsabbli għall-proviżjoni ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru skond ir-Regolament tal-proviżjoni tas-servizz. Stati Membri jistgħu wkoll japplikaw dan ir-Regolament għal spazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta tagħhom f'reġjuni oħra ta' l-OIAĊ, bil-kondizzjoni li jinformaw b'dan lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

    4.  Ir-Reġjuni ta' Informazzjoni dwar Titjir li jidħlu fl-ispazju ta' l-ajru li għalih dan ir-Regolamentr japplika għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.



    IL-KAPITLU II

    ARKITETTURA TA' L-SPAZJU TA' L-AJRU

    ▼M1 —————

    ▼M1

    Artikolu 3

    Ir-Reġjun Ewropew għall-Informazzjoni dwar it-Titjiriet Aktar ‘il Fuq (EUIR)

    1.  Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jimmiraw għat-twaqqif u r-rikonoxximent min-naħa tal-ICAO ta’ EUIR uniku. Għal dak l-iskop, minħabba kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha, tippreżenta rakkomandazzjoni lill-Kunsill skont l-Artikolu 300 tat-Trattat sal-4 ta’ Diċembru 2011.

    2.  L-EUIR għandu jitfassal biex jikkomprendi l-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont l-Artikolu 1(3) u jista’ wkoll jinkludi spazju tal-ajru ta’ pajjiżi terzi Ewropej.

    3.  L-istabbiliment tal-EUIR għandu jkun bla ħsara għar-responsabbiltà ta’ Stati Membri għad-deżinjazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ traffiku tal-ajru għall-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-forniment ta’ servizzi.

    4.  L-Istati Membri għandhom iżommu ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn l-ICAO fil-limiti ġeografiċi tar-reġjuni ta’ informazzjoni ta’ titjir ta’ aktar ‘il fuq fdata lilhom mill-ICAO fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    ▼M1

    Artikolu 3a

    Informazzjoni ajrunawtika elettronika

    1.  Bla ħsara għall-pubblikazzjoni mill-Istati Membri tal-informazzjoni areonawtika, u b’mod konsistenti ma’ din il-pubblikazzjoni il-Kummissjoni, f’ħidma b’kooperazzjoni mal-Eurocontrol, għandha tiżgura d-àdisponibbiltà tal-informazzjoni ajrunawtika ta’ kwalità għolja, ippreżentata b’mod armonizzat u li sservi l-ħtiġijiet tal-utenti rilevanti kollha f’termini tal-àkwalità tad-data u fiż-żamma tal-ħin.

    2.  Għall-għan ta’ paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha:

    (a) tiżgura l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ informazzjoni ajrunawtika fuq livell Komunitarju taħt forma ta’ portal elettroniku ta’ informazzjoni integrata b’aċċess għall-partijiet interessati. L-infrastruttura għandha tintegra l-aċċess u l-forniment tal-elementi meħtieġa għad-data, iżda mhux limitati għall-informazzjoni ajrunawtika, informazzjoni tal-uffiċjal tar-rapportaġġ tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ARO), informazzjoni meterjoloġika u informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fluss;

    (b) Issostni l-immodernizzar u l-armonizzazzjoni għall-forniment tal-informazzjoni ajrunawtika fl-aktar sens wiesa’ tiegħu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Eurocontrol u l- ICAO.

    3.  Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli implimentattivi dettaljati għal dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas.

    ▼M1

    Artikolu 4

    Regoli ta’ klassifikazzjoni tal-ajru u l-ispazju tal-ajru

    Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċeduri regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas, tadotta regoli implimentattivi sabiex:

    (a) tadotta d-dispożizzjonijiet xierqa dwar ir-regoli tal-ajru fuq il-bażi tal-istandards tal-ICAO u l-prattiki rakkomandati;

    (b) tarmonizza l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru tal-ICAO, b’adattament xieraq, sabiex ikun żgurat forniment mingħajr intoppi ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru sikuri u effiċjenti fi ħdan l-ajru uniku Ewropew.

    ▼M1 —————

    ▼M1

    Artikolu 6

    Il-ġestjoni u t-tfassil tan-netwerk

    1.  Il-funzjonijiet tan-netwerk ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) għandhom jippermettu l-aqwa użu tal-ispazju tal-ajru u jiżguraw li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jkunu jistgħu joperaw fuq it-trajettorji ppreferuti, filwaqt li jippermettu aċċess massimu għall-ispazju tal-ajru u s-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru. Dawn il-funzjonijiet tan-netwerk għandhom ikunu mmirati biex jiġu appoġġjati l-inizjattivi fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali u għandhom jitwettqu b’mod li jirrispetta s-separazzjoni tal-ħidmiet regolatorji u operattivi.

    2.  Sabiex jintlaħqu l-għanijiet msemmija fil-paragrafu 1, u bla ħsara għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tar-rotot nazzjonali u l-istrutturi tal-ispazju tal-ajru, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jitwettqu l-funzjonijiet li ġejjin:

    (a) it-tfassil tan-netwerk Ewropew tar-rotot;

    (b) il-koordinazzjoni tar-riżorsi skarsi, ġewwa l-faxex ta’ frekwenza tal-avjazzjoni użati mit-traffiku tal-ajru, b’mod partikolari il-frekwenzi tar-radju u l-kodiċi tar-radar transponder.

    Il-funzjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu m’għandhomx jinvolvu l-adozzjoni ta’ miżuri vinkolanti ta’ ambitu ġenerali jew l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni politika. Huma għandhom iqisu l-proposti stabbiliti fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali. Dawn għandhom jitwettqu f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet militari skont il-proċeduri miftiehma li jikkonċernaw l-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru.

    Il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Ajru Uniku u f’konformità mar-regoli implimentattivi msemmija fil-paragrafu 4, tinkariga lill-Eurocontrol jew lil korp ieħor kompetenti u imparzjali bil-kompiti neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu. Dawn il-kompiti għandom jitwettaqu b’mod imparzjali, ekonomikament effettiv; u għandhom jitwettqu f’isem l-Istati Membri u l-partijiet interessati. Huma għandhom ikunu soġġetti għal governanza xierqa, li tirrikonoxxi r-responsabilitajiet separati għall-provvediment tas-servizzi u għar-regolamentazzjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati il-ħtiġijiet tan-netwerk sħiħ tal-ATM u bl-involviment sħiħ tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru.

    3.  Il-Kummissjoni tista’ żżid mal-lista ta’ funzjonijiet fil-paragrafu 2 wara konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati tal-industrija. Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentah, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 5(4) tar-Regolament qafas.

    4.  Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu, apparti għal dawk imsemmija fil-paragrafi 6 sa 9, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas. Dawk ir-regoli implimentattivi għandhom jindirizzaw b’mod partikulari:

    (a) il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċessi u l-proċeduri biex titjieb l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-frekwenza ajrunawtika inkluż l-iżvilupp ta’ prinċipji u kriterji;

    (b) il-funzjoni ċentrali biex jiġu kkoordinati l-identifikazzjoni bikrija u r-riżoluzzjoni tal-ħtiġijiet ta’ frekwenza fil-faxex allokati għat-traffiku tal-ajru ġenerali Ewropew biex jiġu appoġġjati d-disinn u l-operat tan-netwerk Ewropew tal-avjazzjoni;

    (c) il-funzjonijiet addizzjonali tan-netwerk kif definit fil-Pjan Ġenerali tal-ATM;

    (d) l-arranġamenti dettaljati għat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod koperattiv bejn l-Istati Membri, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-funzjoni tal-ġestjoni tan-netwerk għall-ħidmiet imsemmija fil-paragrafu 2;

    (e) l-arranġamenti għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati relevanti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew; u

    (f) fi ħdan l-ispektrum tar-radju allokat għat-traffiku tal-ajru ġenerali mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, qsim tal-ħidmiet u r-responsabbilitajiet bejn il-funzjoni tal-ġestjoni tan-netwerk u l-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat li l-funzjonijiet tal-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali jkomplu jwettqu dawk il-kompiti ta’ frekwenza li m’għandhom l-ebda impatt fuq in-netwerk. Fir-rigward ta’ dawk il-każijiet li m’għandhom l-ebda impatt fuq in-netwerk, il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali għandhom jikkooperaw ma’ dawk responsabbli għall-funzjoni tal-ġestjoni tan-netwerk biex jiġi ottimizzat l-użu tal-frekwenzi.

    5.  Aspetti ta’ tfassil tal-ispazju tal-ajru minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu kkunsidrati fuq livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali. Dan il-proċess tat-tfassil għandu jikkunsidra t-talbiet u l-kumplessità tat-traffiku, il-pjani tal-prestazzjoni tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali jew nazzjonali u għandu jinkludi konsultazzjoni sħiħa mal-utenti tal-ispazju tal-ajru relevanti jew mal-gruppi relevanti li jirrappreżentaw l-utenti tal-ispazju tal-ajru u mal-awtoritajiet militari skont kif ikun xieraq.

    6.  L-Istati Membri għandhom jinkarigaw lill-Eurocontrol jew lil korp ieħor kompetenti u imparzjali bil-prestazzjoni tal-amministrazzjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, u dan soġġett għal arranġamenti ta’ sorveljanza xierqa.

    7.  Ir-regoli implimentattivi għall-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, inklużi l-arranġamenti ta’ sorveljanza neċessarji, għandhom jiġu żviluppati f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament qafas u adottati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas, bil-għan li tiġi ottimizzata l-kapaċità disponibbli fl-użu tal-ispazju tal-ajru u jitjiebu l-proċessi tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru. Dawn ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq trasparenza u effiċjenza, filwaqt li jiġi żgurat li tiġi pprovduta kapaċità b’mod flessibbli u f’waqtha, konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan Reġjonali ta’ Navigazzjoni tal-Ajru tal-ICAO, Reġjun Ewropew.

    8.  Ir-regoli implimentattivi għall-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru għandhom isostnu d-deċiżjonijiet operattivi meħuda mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, mill-operaturi ta’ ajruporti u mill-utenti tal-spazju tal-ajru u għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin:

    (a) l-ippjanar tat-titjiriet;

    (b) l-użu tal-kapaċità tal-ispazju tal-ajru disponibbli matul il-fażijiet kollha tat-titjir, inkluż l-assenjazzjoni tas-slots; u

    (c) l-użu ta’ rotot mit-traffiku tal-ajru ġenerali, inklużi

     il-ħolqien ta’ pubblikazzjoni unika għall-orjentazzjoni tar-rotot u tat-traffiku;

     possibilitajiet għad-devjazzjoni tat-traffiku tal-ajru ġenerali minn żoni ta’ konġestjoni, u

     regoli ta’ prijorita dwar l-aċċess għall-ispazju tal-ajru għat-traffiku tal-ajru ġenerali, b’mod partikulari matul perjodi ta’ konġestjoni u kriżi.

    9.  Meta tkun qed tiżviluppa u tadatta ir-regoli ta’ implimentazzjoni il-Kummissjoni għandha, kif ikun xieraq u mingħajr preġudizzju għas-sikurezza, tieħu kont tal-konsistenza bejn il-pjani tat-titjiriet u l-islots tal-ajruporti u l-koordinazzjoni meħtieġa ma reġjuni qrib.

    ▼B



    IL-KAPITLU III

    UŻU FLESSIBBLI TA' L-ISPAZJU TA' L-AJRU FL-AJRU UNIKU EWROPEW

    Artikolu 7

    Użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru

    1.  Filwaqt li jqisu l-organizzazzjoni ta' l-aspetti militari taħt ir-responsabbilta tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni uniformi fl-ajru uniku Ewropew tal-konċett ta' l-użu flessibbli ta' spazju ta' l-ajru kif deskritt mill-OIAĊ u kif żviluppat minn Eurocontrol, biex jiffaċilitaw l-amministrazzjoni ta' spazju ta' l-ajru u amministrazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru fil-kuntest tal-politika komuni ta' trasport.

    2.  Stati Membri għandhom jirrapportaw ta' kull sena lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, fil-kuntest tal-politika komuni ta' trasport, tal-konċett ta' l-użu flessibbli ta' spazju ta' l-ajru fir-rigward ta' spazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta tagħhom.

    3.  Fejn, b'mod partikulari wara r-rapporti ssottomessi minn Stati Membri, isir meħtieġ li tkun irrinforzata u armonizzata l-applikazzjoni tal-konċett ta' l-użu flessibbli ta' spazju ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew, regoli li jimplimentaw fil-kuntest tal-politika komuni ta' trasport għandhom ikunu addottati skond il-proċedura taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament qafas.

    Artikolu 8

    Sospensjoni temporanja

    1.  F'każijiet fejn l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tqajjem diffikultajiet operazzjonali sinifikanti, Stati Membri jistgħu jissospendu temporanjament applikazzjoni tali fuq kondizzjoni li jinformaw b'dan mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra.

    2.  Wara l-introduzzjoni ta' sospensjoni temporanja, aġġustamenti għar-regoli addottati taħt l-Artikolu 7(3) għandhom jinħadmu għall-ispazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta ta' l-Istat(i) Membru(i) kkonċernat, skond il-proċedura taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament qafas.

    ▼M1 —————

    ▼B



    IL-KAPITLU IV

    DISPOSIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 10

    Reviżjoni

    Fil-kuntest tar-reviżjoni perjodika li jirreferi għaliha l-Artikolu 12(2) tar-Regolament qafas, il-Kummissjoni għandha tiffinalizza studju prospettiv dwar il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni futura tal-konċetti li jirreferi għalihom l-Artikolu 3, 5 u 6 għall-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'l isfel.

    Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta' l-istudju u fid-dawl tal-progress miksub, il-Kummissjoni għandha tissottometti l-aktar tard sal-31 ta' Diċembru 2006 rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkompanjat, jekk xieraq, bi proposta biex jestendu l-applikazzjoni ta' dawn il-konċetti għall-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'l isfel, jew jiddeterminaw xi passi oħra. Fil-każ li tkun prevista estensjoni tali, id-deċiżjoni relevanti għandha preferibilment tittieħed qabel il-31 ta' Diċembru 2009.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



    ( 1 ) ĠU C 103 E, tat-30.4.2002, p. 35

    ( 2 ) ĠU C 241, tas-7.10.2002, p. 24

    ( 3 ) ĠU C 278, ta' l-14.11.2002, p. 13

    ( 4 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2002 (ĠU C 272 E, tat-13.11.2003, p. 316), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-18 ta' Marzu 2003 (ĠU C 129 E, tat-3.6.2003, p. 11) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2003 (għandha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni leġislatttiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Jannar 2004 u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Frar 2004.

    ( 5 ) ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 1.

    ( 6 ) ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 10.

    Top