Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE4854

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 ‘Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali’” (COM(2021) 574 final — 2021/0293 (COD))

EESC 2021/04854

ĠU C 194, 12.5.2022, pp. 87–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 194/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030

‘Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali’”

(COM(2021) 574 final — 2021/0293 (COD))

(2022/C 194/12)

Relatur: Violeta JELIĆ

Korelatur: Philip VON BROCKDORFF

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 18.10.2021

Kunsill, 26.10.2021

Bażi legali

Artikolu 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

13.12.2021

Adottata fil-plenarja

19.1.2022

Sessjoni plenarja Nru

566

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

239/1/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-COVID-19 żvelat l-importanza kritika tat-teknoloġija għar-reżiljenza ekonomika u tas-saħħa, u b’hekk it-trasformazzjoni u s-sovranità diġitali tal-UE saru kwistjoni ta’ importanza eżistenzjali. Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa s-sovranità diġitali tagħha, li matul is-snin li ġejjin hija mistennija li tkun pilastru kruċjali tat-triq tal-Ewropa lejn l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali.

1.2.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li s-sovranità diġitali trid tkun ibbażata fuq il-kompetittività globali, filwaqt li sserraħ fuq kooperazzjoni soda bejn l-Istati Membri, li huwa prerekwiżit meħtieġ biex l-UE tistabbilixxi l-istandards globali, inkluż fl-affidabbiltà tat-teknoloġiji.

1.3.

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li t-trasformazzjoni diġitali sseħħ b’mod sostenibbli, iċċentrat fuq il-bniedem u inklużiv. Għal dan il-għan, il-KESE jqis li huwa kruċjali li jiġi garantit l-involviment tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u partijiet interessati oħra kkonċernati, fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programm ta’ politika u l-pjani direzzjonali nazzjonali relatati.

1.4.

Trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess tirrikjedi eċċellenza fit-teknoloġija u fit-talent. Barra minn hekk, hija tirrikjedi bażi soda u komprensiva ta’ ħiliet u kompetenzi diġitali fost iċ-ċittadini kollha. Il-KESE jindika l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċifika lill-persuni li huma l-aktar vulnerabbli f’termini ta’ esponiment għad-distakk diġitali, bħall-persuni akbar fl-età, il-persuni b’livell baxx ta’ kwalifiki u l-persuni b’diżabilità.

1.5.

L-eċċellenza teknoloġika tiddependi minn bażi industrijali b’saħħitha, innovazzjoni u investiment intensivi. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-investiment fl-infrastruttura diġitali u l-iżvilupp tas-suq uniku fid-data bħala faċilitaturi essenzjali tal-iżvilupp diġitali xieraq fir-reġjuni kollha tal-UE, kemm fost iċ-ċittadini kif ukoll fin-negozji.

1.6.

Il-kumpaniji Ewropej jeħtieġu kundizzjonijiet favorevoli għall-innovazzjoni, l-investiment u l-operat, meta mqabbla ma’ kompetituri barranin. Filwaqt li jiġu promossi negozji innovattivi, irid jiġi żgurat li n-negozji kollha, inklużi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, jiġu mħeġġa biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu involuti u jibbenefikaw mill-progress.

1.7.

Biex wieħed ikun f’pożizzjoni primarja diġitali jirrikjedi kooperazzjoni bejn is-setturi privati u pubbliċi. Il-KESE jisħaq fuq ir-rwol vitali tas-settur pubbliku fl-iżvilupp diġitali, permezz tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u l-amministrazzjoni. Dan huwa mod kif tittejjeb mhux biss l-effiċjenza ta’ dawn is-servizzi iżda wkoll biex jiġi ffaċilitat l-aċċess inklużiv għalihom.

1.8.

Il-KESE jqis il-proġetti bejn diversi pajjiżi bħala inizjattiva siewja mmirata lejn il-promozzjoni tal-eċċellenza tal-UE fit-teknoloġija diġitali u lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni globali tagħha. Din l-inizjattiva tgħin ukoll biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi li jirrikjedu aktar riżorsi milli huwa possibbli għal Stat Membru individwali, minbarra t-tixrid ta’ prattiki tajbin bejn il-fruntieri. Il-Kumitat jilqa’ wkoll l-idea tal-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali (EDIC) bħala għodda biex il-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali jingħaqad ma’ finanzjament privat għall-finijiet tal-programm.

1.9.

Il-KESE jenfasizza li l-proġetti bejn diversi pajjiżi għandhom jinvolvu kemm jista’ jkun Stati Membri sabiex jappoġġjaw Suq Uniku Diġitali interkonness, interoperabbli u sigur, u jindirizzaw kwalunkwe diskrepanza fil-kapaċitajiet kritiċi madwar l-UE. Għal dan il-għan, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni taċċellera u tmexxi l-proġetti b’mod li jiżgura l-aħjar benefiċċju possibbli mill-perspettiva tal-UE kollha.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-COVID-19 żvelat l-importanza kritika tat-teknoloġija għar-reżiljenza ekonomika u tas-saħħa, u b’hekk it-trasformazzjoni u s-sovranità diġitali tal-UE saru kwistjoni ta’ importanza eżistenzjali. It-tensjonijiet li dejjem jiżdiedu bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina huma inċentiv addizzjonali biex l-UE tiżviluppa l-kapaċitajiet diġitali tagħha stess; tali tensjoni tirriskja li ssir kamp ta’ battalja fil-ġlieda għas-supremazija teknoloġika u industrijali.

2.2.

F’dan l-isfond, huwa meħtieġ li l-UE tieħu azzjoni urġenti u tiżviluppa s-sovranità diġitali tagħha, li matul is-snin li ġejjin hija mistennija li tkun pilastru kruċjali għat-triq ta’ diġitalizzazzjoni u tkabbir ekonomiku tal-Ewropa u li taffettwa wkoll is-sigurtà u l-pożizzjoni globali tagħha. Il-KESE jemmen li s-sovranità diġitali tgħin biex tingħata spinta lill-punti b’saħħithom potenzjali tal-UE u biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strateġiċi fil-qasam tat-teknoloġija. Hija tista’ tagħmel bidla kbira wkoll fil-kuntest tas-suq uniku u twessa’ l-użu tas-swieq miftuħa u l-ktajjen tal-provvista biex tiġi evitata dipendenza żejda minn sistemi proprjetarji.

2.3.

L-isfida hija konsiderevoli, peress li l-UE jeħtieġ li tibda tieħu f’idejha t-tmexxija fit-teknoloġija f’sitwazzjoni fejn l-Istati Membri tal-UE bħalissa ma għandhomx pożizzjoni komuni dwar kwistjonijiet teknoloġiċi jew saħansitra fehim kondiviż tal-importanza strateġika tat-teknoloġiji diġitali, bħat-tnedija tal-broadband jew l-applikazzjoni tal-IA.

2.4.

It-trasformazzjoni diġitali hija wkoll kwistjoni ta’ valuri tal-UE u mod kif jintużaw it-teknoloġiji moderni biex jittejjeb l-iżvilupp sostenibbli b’mod ekonomiku, soċjali u ambjentali, inkluż il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari u newtrali għall-karbonju. Il-KESE jilqa’ l-enfasi fuq approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u inklużiv għat-trasformazzjoni diġitali, li jikkunsidra kif imiss l-interessi tal-konsumaturi, tal-ħaddiema, tal-imprendituri u tas-soċjetà b’mod ġenerali, inklużi l-protezzjoni tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, is-sigurtà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u l-effiċjenza enerġetika u tal-materjali tas-sistemi diġitali.

2.5.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni biex jiġi stabbilit programm ta’ politika għall-2030 bit-titolu “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” bħala parti mid-diskors tal-Istat tal-Unjoni 2021 u bħala segwitu għall-Komunikazzjoni dwar “Il-Kumpass Diġitali tal-2030” u l-istrateġija diġitali preċedenti. Il-KESE preċedentement ippreżenta l-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni (1).

2.6.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li s-sovranità diġitali jeħtieġ li tkun ibbażata fuq il-kompetittività li tiddependi minn kooperazzjoni soda bejn l-Istati Membri, akkumpanjata mill-involviment intrinsiku tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, inklużi n-negozji, il-ħaddiema, il-konsumaturi, id-dinja akkademika u partijiet interessati rilevanti oħra. Is-suċċess fil-kompetizzjoni globali, u li jiġu evitati l-protezzjoniżmu u l-iżolament, huma prerekwiżit biex l-UE tistabbilixxi standards globali, anke fl-affidabbiltà u l-iċċentrar tat-teknoloġiji fuq il-bniedem. Dan jirrikjedi eċċellenza fit-teknoloġija u fit-talent. Barra minn hekk, hija tirrikjedi bażi soda u komprensiva ta’ ħiliet u kompetenzi diġitali fost iċ-ċittadini kollha.

2.7.

L-investiment fl-infrastruttura diġitali u l-iżvilupp tas-suq uniku fid-data huma faċilitaturi essenzjali u meħtieġa tal-iżvilupp diġitali xieraq fir-reġjuni kollha tal-UE. Kundizzjonijiet ekwivalenti u bbażati fuq ir-regoli għall-attivitajiet diġitali huma importanti wkoll fil-livell internazzjonali. Fl-istess waqt, qed isir dejjem aktar importanti li tingħata attenzjoni xierqa liċ-ċibersigurtà tul il-ktajjen tal-valur kollha.

2.8.

L-eċċellenza teknoloġika tiddependi minn bażi industrijali b’saħħitha, minn innovazzjoni intensiva u minn investiment. Għalhekk, il-kumpaniji Ewropej jeħtieġu ambjent kummerċjali ġenerali li jipprovdihom b’kundizzjonijiet favorevoli meta mqabbla ma’ kompetituri barranin. Filwaqt li jiġu promossi negozji innovattivi, irid jiġi żgurat li n-negozji kollha, inklużi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, jiġu mħeġġa u appoġġjati biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom u jibbenefikaw mill-progress.

2.9.

Biex wieħed ikun f’pożizzjoni primarja diġitali jirrikjedi kooperazzjoni bejn is-setturi privati u pubbliċi. Il-KESE jisħaq fuq ir-rwol vitali tas-settur pubbliku fl-iżvilupp diġitali, permezz tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u l-amministrazzjoni. Dan huwa mod kif tittejjeb mhux biss l-effiċjenza tas-servizzi iżda wkoll biex jiġi ffaċilitat l-aċċess inklużiv għalihom.

2.10.

F’dan l-isfond, il-KESE jqis li l-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni stabbiliti fil-Kumpass Diġitali — ħiliet, infrastruttura, negozji, settur pubbliku — huma ta’ rilevanza kbira fit-trasformazzjoni diġitali. Il-KESE jemmen ukoll li miri konkreti għal kull qasam ta’ prijorità jgħinu biex jiggwidaw u jsegwu l-progress. Madankollu, huwa daqstant importanti li jinħolqu kundizzjonijiet abilitanti u ta’ appoġġ sabiex jiġu implimentati l-miżuri speċifiċi li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri.

2.11.

Il-finanzjament huwa wieħed mill-faċilitaturi ċentrali tal-iżvilupp diġitali. Kemm il-finanzjament pubbliku kif ukoll dak privat għandhom rwol importanti fl-iffaċilitar tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u fl-infrastruttura teknika. Il-qafas regolatorju huwa fattur ġenerali ieħor li jifforma l-iżvilupp diġitali. Il-KESE jqis li huwa importanti li r-regolazzjoni tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-investiment fid-diġitalizzazzjoni, f’konformità mad-drittijiet tal-bniedem u mal-objettivi ambjentali u klimatiċi.

2.12.

Il-KESE jemmen li l-kooperazzjoni u l-azzjoni koordinata bejn l-Istati Membri huma vitali sabiex ir-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti, u biex jippermettu li jitwettqu investimenti fuq skala kbira li ma jistgħux isiru minn pajjiżi individwali waħedhom. Il-kooperazzjoni hija kruċjali wkoll biex wieħed ikun f’pożizzjoni primarja diġitali fuq skala globali. Il-KESE jaqbel ukoll mal-proposta li t-triq diġitali titfassal bl-użu ta’ approċċ transsettorjali u bl-integrazzjoni tal-oqsma ta’ politika rilevanti kollha bħar-riċerka u l-innovazzjoni u l-politiki industrijali, tal-edukazzjoni, ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi.

2.13.

Madankollu, għandu jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkunu inklużi fit-tranżizzjoni u fl-isforzi diġitali. F’dan ir-rigward, il-proposta jeħtieġ li tqis kif xieraq il-persuni l-aktar vulnerabbli fir-rigward tal-esponiment għad-distakk diġitali. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-bżonnijiet tal-persuni akbar fl-età u tal-persuni b’diżabilità, fir-rigward tal-ħtiġijiet marbutin mat-taħriġ, it-taħriġ fil-ħiliet u l-aċċessibbiltà f’dak li jirrigwarda s-servizzi diġitali.

2.14.

Sabiex jiġu żgurati l-adozzjoni u l-implimentazzjoni inklużivi tal-programm, u fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programm ta’ politika u l-pjani direzzjonali nazzjonali relatati, il-KESE jqis li huwa kruċjali li jiġi garantit l-involviment tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, mhux biss l-imsieħba soċjali, iżda wkoll l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u partijiet interessati oħra.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-viżjoni u l-perkorsi tal-Kummissjoni għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa peress li din tippromovi azzjoni koordinata fl-UE billi tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni għat-tmexxija u t-tisħiħ tal-politiki, tal-miżuri u tal-azzjoni, biex jintlaħqu l-miri diġitali tal-UE permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

3.2.   Għanijiet ġenerali

3.2.1.

Il-KESE jqis li l-objettivi ġenerali ddikjarati fil-proposta huma rilevanti għat-tisħiħ tal-iżvilupp diġitali b’mod effettiv, f’konformità mal-prinċipji u l-aspetti indikati fil-kummenti ġenerali ta’ hawn fuq.

3.2.2.

Il-KESE jenfasizza li l-objettivi ġenerali jipprovdu qafas kwalitattiv għall-miri diġitali kwantitattivi u, bħala tali, jeħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib flimkien mal-miri, biex jiġi żgurat li l-miri jintlaħqu b’mod li jissodisfa l-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

3.3.   Miri diġitali

3.3.1.

Il-KESE jqis li l-erba’ oqsma ta’ prijorità u l-miri tagħhom jappoġġjaw lil xulxin b’mo reċiproku u jenfasizza li jeħtieġ li jiġu żviluppati fl-intier tagħhom. Pereżempju, ħiliet adegwati u infrastruttura xierqa huma faċilitaturi għall-iżvilupp tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi.

3.3.2.

Il-KESE jitlob li jkun hemm miri ambizzjużi biex jiżdied l-għadd ta’ persuni li għandhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi u jemmen li n-nies kollha għandu jkollhom l-opportunità li jiksbu ħiliet diġitali bażiċi, inklużi l-ħiliet fiċ-ċibersigurtà. Il-persuni b’livell baxx ta’ kwalifiki u l-persuni akbar fl-età ma jistgħux jitħallew jibqgħu lura f’dan il-proċess. Dan għandu jiġi ffaċilitat permezz tal-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali, pereżempju permezz tal-Fond Soċjali Ewropew.

3.3.3.

Minbarra l-mira għall-ħiliet bażiċi, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-ħiliet diġitali vokazzjonali biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet u jiġu ssodisfati d-domandi tal-ħajja tax-xogħol.

3.3.4.

Mill-perspettiva tat-tisħiħ tal-eċċellenza diġitali, il-KESE jappoġġja żieda konsiderevoli fl-għadd ta’ professjonisti diġitali b’ħiliet għolja li jkunu impjegati. Il-KESE jqis ukoll li huwa kruċjali li tissaħħaħ il-konverġenza bejn in-nisa u l-irġiel, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tas-soċjetà f’dan ir-rigward. Minbarra l-professjonisti lokali, huwa utli li jiġi attirat talent barrani permezz ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni fir-riċerka.

3.3.5.

Peress li l-infrastruttura adatta hija prerekwiżit għal kwalunkwe żvilupp diġitali, il-KESE japprova bis-sħiħ il-mira li l-unitajiet domestiċi Ewropej kollha jkunu koperti minn konnessjonijiet affidabbli u veloċi. Dan huwa daqstant importanti għan-negozji kollha. Barra minn hekk, in-negozji u l-konsumaturi huma dejjem aktar interkonnessi permezz ta’ prodotti u servizzi diġitali.

3.3.6.

Sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni globali tal-UE u titnaqqas id-dipendenza mit-teknoloġija barranija, il-KESE japprova l-mira li tissaħħaħ il-produzzjoni tas-semikondutturi fl-UE, u jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ukoll il-produzzjoni ta’ komponenti industrijali oħra. L-istess jgħodd għat-titjib tal-kapaċitajiet kwantistiċi, inkluża l-introduzzjoni rapida ta’ kompjuter kwantistiku u l-użu ta’ edge nodes.

3.3.7.

Peress li n-negozji għandhom rwol ċentrali fit-trasformazzjoni diġitali, il-KESE jqis li huwa essenzjali li titħeġġeġ l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali fl-intrapriżi kollha. Il-KESE japprova l-mira ta’ adozzjoni ta’ 70 %, iżda jemmen li t-teknoloġiji la għandhom jiġu definiti fid-dettall u lanqas b’mod esklużiv, peress li dan jista’ jirriskja li jipprevjeni l-innovazzjoni. Għalkemm illum il-ġurnata l-IA, is-servizzi tal-cloud computing u l-big data huma rilevanti bħala teknoloġiji strateġiċi, għada pitgħada se jkomplu jiżviluppaw teknoloġiji ġodda, u l-KESE jirrakkomanda li l-mira msemmija hawn fuq tkun newtrali għat-teknoloġija.

3.3.8.

Filwaqt li huwa importanti li jittejjeb l-użu tal-IA u ta’ teknoloġiji avvanzati oħra, irid jiġi rikonoxxut ukoll li l-SMEs għandhom sfidi kbar saħansitra fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali bażiċi. Trid tingħata attenzjoni speċjali lill-mikrointrapriżi li mil-lat ta’ għadd huma l-akbar grupp ta’ intrapriżi, iżda li għandhom l-inqas riżorsi. Barra minn hekk, iridu jitqiesu wkoll l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

3.3.9.

Il-KESE japprova t-titjib ta’ negozji innovattivi ġodda u negozji innovattivi li qed jespandu billi jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament. Minħabba l-porzjon kbir ta’ tipi oħra ta’ SMEs, huwa kruċjali wkoll li jiġu appoġġjati fit-trasformazzjoni diġitali.

3.3.10.

Il-miri għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi huma mixtieqa ħafna mill-perspettiva kemm taċ-ċittadini kif ukoll tan-negozji. Il-KESE jinnota wkoll li d-diġitalizzazzjoni tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi hija marbuta mill-qrib, u li waħda taqdi lill-oħra.

3.4.   Monitoraġġ u rapportar

3.4.1.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva li jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għal kull mira diġitali biex il-monitoraġġ tal-progress ikun jista’ jsir b’mod komparabbli u trasparenti. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi evitat ġbir tad-data doppju u li, kemm jista’ jkun, isir użu mis-sorsi u mis-sistemi eżistenti. L-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) jipprovdi bażi rilevanti għall-ħidma.

3.4.2.

Il-KESE jqis li huwa importanti li r-rapport annwali dwar l-istat tad-deċennju diġitali jgħin biex jiġi segwit il-progress u jiġu identifikati l-problemi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. Barra minn hekk, ir-rapport għandu jgħin lill-Istati Membri jivvalutaw l-azzjoni tagħhom u jitgħallmu minn xulxin.

3.5.   Pjani direzzjonali nazzjonali u l-valutazzjoni tagħhom

3.5.1.

Il-pjani direzzjonali strateġiċi nazzjonali huma fil-qalba tal-programm ta’ politika u għalhekk huma ta’ importanza kbira għall-iżvilupp diġitali fl-UE. Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Membri jiġu appoġġati f’dan l-isforz. Filwaqt li l-Istati Membri ovvjament jeħtieġu gwida dwar kif għandu jiġi vvalutat u previst l-impatt tal-politiki, tal-miżuri u tal-azzjoni ppjanati, huwa saħansitra aktar importanti li jiġi pprovdut appoġġ għall-miżuri u l-azzjoni nfushom.

3.5.2.

Il-proposta għall-programm ta’ politika hija bbażata fuq miri fil-livell tal-UE, li jfisser li ma hemm l-ebda mira assoluta għall-Istati Membri individwali. B’riżultat ta’ dan, il-proċess tal-valutazzjoni tal-pjani direzzjonali nazzjonali u s-suċċess tagħhom biex jintlaħqu l-miri fil-livell tal-UE huwa impenjattiv ħafna.

3.5.3.

Il-KESE jqis li t-trajettorji proġettati fil-livell tal-Unjoni huma għodda utli biex jiġu deskritti l-iżviluppi futuri b’mod ġenerali. Madankollu, għandu jiġi evitat li jsiru konklużjonijiet jew rakkomandazzjonijiet issimplifikati żżejjed abbażi tagħhom.

3.5.4.

Filwaqt li l-proċess annwali ta’ valutazzjoni u kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri huwa importanti, il-KESE jemmen li l-iskambju ta’ prattika tajba, it-twettiq ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari u l-ħolqien ta’ proġetti li jinvolvu diversi pajjiżi bejn l-Istati Membri huma modi produttivi biex jitħeġġeġ il-progress.

3.5.5.

Minħabba li hemm diversi proċessi paralleli li għandhom l-għan li jimplimentaw miri fil-livell tal-UE f’diversi oqsma ta’ politika, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika u li jiġu evitati sforzi multipli u li jikkoinċidu. Filwaqt li jinżamm is-sens ta’ urġenza, ta’ min wieħed jivvaluta jekk il-proċess għandux bżonn jiġi ripetut fuq bażi annwali, meta jitqies li ħafna miżuri jieħdu żmien itwal biex jiġu implimentati.

3.6.   Proġetti Bejn Diversi Pajjiżi

3.6.1.

Il-KESE jqis il-proġetti bejn diversi pajjiżi bħala għodda siewja biex jissaħħu l-eċċellenza u l-pożizzjoni globali tal-UE f’oqsma magħżula. Dawn jistgħu jgħinu wkoll biex jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi li jeħtieġu aktar riżorsi milli jista’ joffri Stat Membru individwali. Barra minn hekk, il-proġetti bejn diversi pajjiżi huma mod wieħed kif tinxtered il-prattika tajba bejn il-fruntieri.

3.6.2.

Aktar milli jikkontribwixxu biss sabiex jintlaħqu l-miri diġitali, il-proġetti bejn diversi pajjiżi dejjem għandu jkollhom l-għan li joħolqu valur miżjud ġenwin għall-pajjiżi parteċipanti u għall-UE kollha kemm hi. Il-KESE jqis li l-proġetti dwar l-innovazzjoni, l-infrastruttura u l-iżvilupp tal-ħiliet jissodisfaw bl-aħjar mod dan ir-rekwiżit.

3.6.3.

Il-KESE jenfasizza li dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ma jrid iżid l-ebda diviżjoni fl-UE iżda, għall-kuntrarju, jirriżulta f’Unjoni aktar b’saħħitha. Għal dan il-għan, huwa importanti li l-Istati Membri kollha jiġu offruti opportunità biex jipparteċipaw fi proġett bejn diversi pajjiżi, abbażi tal-interessi tagħhom u l-kontribuzzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja tagħhom. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni taċċellera u tiggwida l-proġetti b’mod li jiżgura l-aħjar benefiċċju possibbli mill-perspettiva tal-UE kollha.

3.7.   Il-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali (EDIC)

3.7.1.

Il-proposta tintroduċi l-possibbiltà li jiġi stabbilit Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali (EDIC) għall-implimentazzjoni ta’ proġetti bejn diversi pajjiżi, li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni wara applikazzjoni minn tal-inqas tliet Stati Membri. Il-KESE jilqa’ l-idea tal-EDIC bħala għodda li tgħaqqad il-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali mal-finanzjament privat, għall-finijiet tal-programm ta’ politika tad-deċennju diġitali.

3.7.2.

Bħall-proġetti bejn diversi pajjiżi nfushom, l-implimentazzjoni tal-EDIC trid tkun inklużiva, u tippermetti lil kwalunkwe Stat Membru jissieħeb fil-konsorzju bħala membru, fuq termini raġonevoli jew bħala osservatur. Kollox ma’ kollox, jeħtieġ li l-istatuti tal-EDIC ikunu ċari u jiddefinixxu r-rwoli tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u ta’ parteċipanti oħra, bħal organizzazzjonijiet internazzjonali jew entitajiet privati.

Brussell, id-19 ta’ Jannar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 374, 16.9.2021, p. 22.


Top