Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0910

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/910 tat-30 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998, (UE) 2019/103 u (UE) 2019/1583 fir-rigward tad-deżinjazzjoni mill-ġdid tal-linji tal-ajru, tal-operaturi u tal-entitajiet li jipprovdu kontrolli tas-sigurtà għall-merkanzija u l-posta li jaslu minn pajjiżi terzi, kif ukoll il-posponiment ta’ ċerti rekwiżiti regolatorji fil-qasam taċ-ċibersigurtà, tal-kontroll tal-isfond, tal-istandards tat-tagħmir b’sistemi għad-detezzjoni tal-isplussivi, u tat-tagħmir għad-detezzjoni ta’ traċċi tal-isplussivi, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/4276

ĠU L 208, 1.7.2020, pp. 43–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/910/oj

1.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/43


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/910

tat-30 ta’ Ġunju 2020

li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998, (UE) 2019/103 u (UE) 2019/1583 fir-rigward tad-deżinjazzjoni mill-ġdid tal-linji tal-ajru, tal-operaturi u tal-entitajiet li jipprovdu kontrolli tas-sigurtà għall-merkanzija u l-posta li jaslu minn pajjiżi terzi, kif ukoll il-posponiment ta’ ċerti rekwiżiti regolatorji fil-qasam taċ-ċibersigurtà, tal-kontroll tal-isfond, tal-istandards tat-tagħmir b’sistemi għad-detezzjoni tal-isplussivi, u tat-tagħmir għad-detezzjoni ta’ traċċi tal-isplussivi, minħabba l-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-impatt devastanti tal-pandemija COVID-19 attwali fuq l-avjazzjoni ċivili internazzjonali u Ewropea qed jillimita bil-kbir il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea kollha li jkollhom katina tal-provvista effettiva u effiċjenti. Is-servizzi tal-merkanzija kontinwi u mingħajr interruzzjoni għandhom importanza strateġika essenzjali għall-Unjoni u jaqdu rwol fundamentali fit-twassil tal-oġġetti essenzjali, fosthom il-mediċini, it-tagħmir mediku, u sustanzi u komoditajiet oħra.

(2)

Ir-reġim tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-merkanzija u tal-posta bl-ajru lejn l-UE, kif stabbilit fil-punt 6.8 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 (2), jeżiġi li t-trasportaturi bl-ajru li jġorru merkanzija u posta fl-Unjoni Ewropea jiġu ddeżinjati kull ħames snin bħala “Trasportatur tal-Merkanzija jew tal-Posta bl-Ajru li jopera fl-Unjoni minn Pajjiż Terz” (ACC3) u li l-fornituri tagħhom tas-servizzi fl-art jiġu ddeżinjati kull tliet snin bħala “aġent regolat u validat tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE minn pajjiż terz” (RA3) jew “speditur magħruf validat tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE minn pajjiż terz” (KC3).

(3)

Bħala parti mill-proċess tal-validazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE għad-deżinjazzjoni ta’ ACC3, RA3 u KC3, trid issir żjara fuq il-post fl-istabbiliment tal-operatur minn validatur tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE biex tkun konfermata l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri.

(4)

Waqt il-pandemija attwali tal-COVID-19, it-twettiq taż-żjarat fuq il-post għad-deżinjazzjoni u għad-deżinjazzjoni mill-ġdid tat-trasportaturi bl-ajru u tal-operaturi tal-merkanzija fil-pajjiżi terzi ntlaqat u/jew ixxekkel bil-kbir minħabba raġunijiet oġġettivi, lil hinn mir-responsabbiltà jew mill-kontroll ta’ dawk it-trasportaturi jew l-operaturi.

(5)

Għadd kbir ta’ deżinjazzjonijiet bħala ACC3, RA3 u KC3 waslu biex jiskadu fix-xhur li ġejjin jew diġà skadew, mingħajr il-possibbiltà li ssir iż-żjara tal-validazzjoni meħtieġa fuq il-post. Fin-nuqqas tal-istatus rilevanti tal-Unjoni, dawn l-operaturi ma jistgħux jibqgħu joperaw fil-katina tal-provvista sigura lejn l-Unjoni, u b’hekk ma jkunux jistgħu jitkomplew l-operazzjonijiet essenzjali f’dawn iż-żminijiet kritiċi.

(6)

Hu meħtieġ li jiġu adottati miżuri urġenti li jistabbilixxu l-bażi ġuridika xierqa biex jitwettaq proċess alternattiv u mħaffef għall-validazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE tal-operaturi tal-katina tal-provvista lejn l-Unjoni li ntlaqtu mis-sitwazzjoni attwali.

(7)

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/103 (3) u (UE) 2019/1583 (4), li jemendaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998, introduċew rekwiżiti regolatorji applikabbli mill-31 ta’ Diċembru 2020 fl-oqsma tal-kontroll tal-isfond għall-persunal tal-avjazzjoni ċivili u ċ-ċibersigurtà, rispettivament. Il-kapaċità tal-awtoritajiet u tal-operaturi li jħejju l-implimentazzjoni fil-ħin ta’ dawk ir-rekwiżiti qed tintlaqat serjament mill-effetti tar-restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija COVID-19, sal-punt li jeħtieġ tiġi posposta d-data tal-applikazzjoni.

(8)

Il-punt 12.4.2.2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 jistabbilixxi l-1 ta’ Settembru 2020 bħala d-data tal-iskadenza għat-tagħmir b’sistemi għad-detezzjoni tal-isplussivi (l-EDS) tal-istandard 2. Il-kapaċità ta’ għadd ta’ ajruporti fl-Unjoni li jlestu l-proċess tal-installazzjoni u tal-attivazzjoni tat-tagħmir tas-sistema għad-detezzjoni tal-isplussivi (l-EDS) tal-istandard 3 qed tintlaqat serjament mill-effetti tar-restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija COVID-19, sal-punt li jeħtieġ tiġi posposta d-data tal-applikazzjoni. It-tagħmir tal-EDS tal-istandard 3 joffri kapaċità akbar ta’ prestazzjoni u ta’ detezzjoni li tista’ tgħin biex tiżdied is-sigurtà, u għalhekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri jibqgħu kommessi li jlestu l-implimentazzjoni ta’ din it-teknoloġija mingħajr aktar dewmien.

(9)

Il-punt 12.6.3 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 jistabbilixxi l-1 ta’ Lulju 2020 bħala d-data sa meta l-awtorità xierqa tista’ tippermetti li jissokta l-użu tat-tagħmir għad-detezzjoni ta’ traċċi tal-isplussivi (l-ETD) li ma jkunx konformi mad-Dokument Mehmuż 12-L. Il-kapaċità ta’ għadd ta’ ajruporti fl-Unjoni li jlestu l-proċess tal-installazzjoni tat-tagħmir il-ġdid tad-detezzjoni ta’ traċċi tal-isplussivi (l-ETD) qed tintlaqat serjament mill-effetti tar-restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija COVID-19, sal-punt li jeħtieġ tiġi posposta d-data ta’ hawn fuq ħalli jkunu evitati l-konsegwenzi legali, b’mod li jpoġġix is-sigurtà tal-avjazzjoni f’riskju żejjed.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998, (UE) 2019/103 u (UE) 2019/1583 jiġu emendati skont dan.

(11)

L-istatus tal-Unjoni ta’ xi operaturi ACC3, RA3 u KC3 diġà skada fl-ewwel fażi tal-pandemija attwali tal-COVID-19, jew eżattament qabel faqqgħet meta kellu jitnieda u jitwettaq il-proċess tal-validazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE rilevanti, u għalhekk dan ir-Regolament jenħtieġ jipproduċi l-effetti tiegħu b’mod retroattiv, u jippermetti li dawk l-operaturi li skadielhom l-istatus tagħhom jibbenefikaw mill-miżuri previsti fih.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ma jaffettwawx l-interessi u d-drittijiet leġittimi, jew ma jillimitawx l-aspettattiva ta’ trasportaturi tal-ajru, operaturi, entitajiet jew Stati oħra.

(13)

Biex l-Istati Membri jingħataw il-bażi ġuridika ħalli jniedu minnufih il-proċess alternattiv u mħaffef tal-validazzjoni u tad-deżinjazzjoni tal-operaturi tal-katina tal-provvista lejn l-Unjoni, tant meħtieġa biex jitkomplew l-operazzjonijiet tal-merkanzija lejn l-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/103, id-data “Il-31 ta’ Diċembru 2020” tinbidel bid-data “Il-31 ta’ Diċembru 2021”.

Artikolu 3

Fil-punt (26) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/103, id-dati “Il-31 ta’ Diċembru 2020” u “It-30 ta’ Ġunju 2023” fil-punt 11.1.12 jinbidlu bid-dati “il-31 ta’ Diċembru 2021” u “It-30 ta’ Ġunju 2024”.

Artikolu 4

Fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1583, id-data “Il-31 ta’ Diċembru 2020” tinbidel bid-data “Il-31 ta’ Diċembru 2021”.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/103 tat-23 ta’ Jannar 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 rigward il-kjarifika, l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni, kif ukoll it-tisħiħ ta’ ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 21, 24.1.2019, p. 13).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1583 tal-25 ta’ Settembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, fir-rigward tal-miżuri taċ-ċibersigurtà (ĠU L 246, 26.9.2019, p. 15).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiżdiedu l-punti 6.8.1.7 sa 6.8.1.9 li ġejjin:

“6.8.1.7.

Matul il-perjodu mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-awtorità xierqa tista’ tidderoga mill-proċess stabbilit fil-punt 6.8.2 u tiddeżinja temporanjament trasportatur tal-ajru bħala ACC3, meta ma tkunx tista’ ssir validazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE minħabba raġunijiet oġġettivi relatati mal-kriżi pandemika kkawżata mill-COVID-19 u li jmorru lil hinn mir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru. Id-deżinjazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-trasportatur tal-ajru għandu status ta’ ACC3 attiv fil-post rilevanti tal-pajjiż terz, jew kellu status ta’ ACC3, sakemm dan ma jkunx skada qabel l-1 ta’ Frar 2020;

(b)

it-trasportatur tal-ajru japplika għall-istatus il-ġdid għand l-awtorità xierqa kif identifikat fil-punt 6.8.1.1 jew jerfa’ r-responsabbiltà għad-deżinjazzjoni li daqt tiskadi, u jikkonferma l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jmorru lil hinn mir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru li jxekklu jew idewmu l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-punt 6.8.2;

(c)

it-trasportatur tal-ajru jippreżenta l-programm tas-sigurtà tiegħu li jkun rilevanti u sħiħ fir-rigward tal-punti kollha stipulati fid-Dokument Mehmuż 6-G, jew jikkonferma li l-programm attwali għadu aġġornat;

(d)

it-trasportatur tal-ajru jippreżenta dikjarazzjoni ffirmata li tikkonferma l-impenn tiegħu li se jkompli l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-rekwiżiti tas-sigurtà li għalihom kien kiseb l-istatus ta’ ACC3 attwali jew skadut;

(e)

id-deżinjazzjoni ta’ trasportatur tal-ajru bħala ACC3 skont dan il-punt tingħata għal perjodu mhux itwal minn sitt xhur wara d-data tal-iskadenza attwali jew preċedenti, kif xieraq;

(f)

l-applikazzjoni, il-programm tas-sigurtà tat-trasportatur tal-ajru u d-dikjarazzjoni tal-impenn huma ppreżentati bil-miktub jew b’format elettroniku.

6.8.1.8.

Fejn applikabbli, l-awtorità xierqa tista’ taqbel mat-trasportatur tal-ajru rilevanti dwar il-posponiment tal-validazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni annwali tal-UE msemmija fil-punt 6.8.2.2 (2)(d), billi żżidhom mal-għadd ta’ ajruporti li għandhom jiġu vvalidati matul is-sena li jmiss tal-pjan direzzjonali tat-trasportatur tal-ajru.

6.8.1.9.

Matul il-perjodu ta’ deżinjazzjoni temporanja msemmi fil-punt 6.8.1.7, l-awtorità xierqa għandha twettaq fl-ajruport jew fl-ajruporti tal-wasla tal-Istat Membru mill-post tal-ACC3, mill-inqas tliet attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità fir-rigward tal-kontrolli tas-sigurtà applikati mill-ACC3 u l-partijiet ta’ RA3 u KC3 tal-katina ta’ provvista tiegħu. Jekk ma jkunx hemm titjiriet diretti operati minn ACC3 fl-Istat Membru tad-deżinjazzjoni, it-twettiq tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità għandu jiġi kkoordinat ma’ Stat Membru ieħor fejn jopera l-ACC3.”;

(2)

jiżdiedu l-punti 6.8.4.11 u 6.8.4.12 li ġejjin:

“6.8.4.11.

Matul il-perjodu mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-awtorità xierqa tista’ tidderoga mill-proċess stabbilit fil-punt 6.8.5 u tiddeżinja temporanjament entità ta’ pajjiż terz bħala RA3 jew KC3, meta ma tkunx tista’ ssir validazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE minħabba raġunijiet oġġettivi relatati mal-kriżi pandemika kkawżata mill-COVID-19 u li jmorru lil hinn mir-responsabbiltà tal-entità. Id-deżinjazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-entità għandha status attiv ta’ RA3 jew KC3, jew kellha status ta’ RA3 jew KC3, sakemm ma jkunx skada qabel l-1 ta’ Frar 2020;

(b)

l-entità tapplika għall-istatus il-ġdid għand l-awtorità xierqa li bħalissa għandha r-responsabbiltà għad-deżinjazzjoni tagħha li daqt tiskadi jew li diġà skadiet, u tikkonferma l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jmorru lil hinn mir-responsabbiltà tal-entità li jxekklu jew idewmu l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-punt 6.8.5;

(c)

l-entità tippreżenta l-programm tas-sigurtà tagħha li jkun rilevanti u sħiħ fir-rigward tal-operazzjonijiet imwettqa, jew tikkonferma li l-programm attwali għadu aġġornat;

(d)

l-entità tippreżenta dikjarazzjoni ffirmata li tikkonferma l-impenn tagħha li se tkompli l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-rekwiżiti tas-sigurtà li għalihom kienet kisbet l-istatus ta’ RA3 jew KC3 attwali jew skadut;

(e)

id-deżinjazzjoni ta’ entità bħala RA3 jew KC3 skont dan il-punt tingħata għal perjodu mhux itwal minn sitt xhur wara d-data tal-iskadenza attwali jew preċedenti, kif applikabbli;

(f)

l-applikazzjoni, il-programm tas-sigurtà tal-entità u d-dikjarazzjoni tal-impenn huma ppreżentati bil-miktub jew b’format elettroniku.

6.8.4.12.

L-entitajiet imsemmija fil-punt 6.8.4.8 li skadielhom l-istatus ta’ RA3 jew KC3 fil-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Marzu 2020, li minħabba r-raġunijiet oġġettivi msemmija fil-punt 6.8.4.11 ma jistgħux jgħaddu mill-proċess ta’ validazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE stabbilit fil-punt 6.8.5 u d-deżinjazzjoni sussegwenti minn awtorità xierqa kif stabbilit fil-punt 6.8.4, jistgħu japplikaw għal deżinjazzjoni temporanja mogħtija mill-Kummissjoni, soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-entità tapplika għall-istatus ta’ RA3 jew KC3 għand il-Kummissjoni, u tikkonferma l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi lil hinn mir-responsabbiltà tagħha li jxekklu jew idewmu l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-punt 6.8.5;

(b)

l-entità tippreżenta dikjarazzjoni ffirmata li tikkonferma kemm l-impenn tagħha li se tkompli l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-rekwiżiti tas-sigurtà li għalihom kienet kisbet l-istatus ta’ RA3 jew KC3 attwali jew skadut, u anki li l-programm tas-sigurtà tagħha għadu aġġornat;

(c)

l-applikazzjoni u d-dikjarazzjoni tal-impenn huma ppreżentati bil-miktub jew b’format elettroniku;

(d)

id-deżinjazzjoni ta’ entità bħala RA3 jew KC3 skont dan il-punt tingħata għal perjodu mhux itwal minn sitt xhur wara d-data tal-iskadenza preċedenti.”;

(3)

il-punt 11.1.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“11.1.2.

Il-persuni reklutati biex jimplimentaw l-iskrinjar, il-kontroll tal-aċċess jew kontrolli tas-sigurtà oħra, jew biex ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom, f’post ieħor għajr f’żona ristretta tas-sigurtà, għandu jkun sarilhom kontroll tal-isfond b’eżitu pożittiv.

Il-persuni li jlestu l-kontroll ta’ qabel l-impjieg b’eżitu pożittiv, għandu jsirilhom il-kontroll tal-isfond sat-30 ta’ Ġunju 2020.”;

(4)

il-punt 12.4.2.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.4.2.2.

L-istandard 2 għandu jiskadi fl-1 ta’ Settembru 2020.”;

(5)

il-punt 12.4.2.4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.4.2.4.

L-awtorità xierqa għandha tinforma lill-Kummissjoni meta tippermetti li s-sistema għad-detezzjoni tal-isplussivi (l-EDS) tal-istandard 2 tibqa’ tintuża mill-1 ta’ Settembru 2021.”;

(6)

il-punt 12.4.2.6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.4.2.6.

Kull sistema għad-detezzjoni tal-isplussivi (EDS) għandha tissodisfa l-istandard 3 sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2020, sakemm ma jkunx japplika l-punt 12.4.2.3.”;

(7)

il-punt 12.6.3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.6.3.

L-awtorità xierqa tista’ tippermetti li t-tagħmir mhux iċċertifikat tad-detezzjoni ta’ traċċi tal-isplussivi (l-ETD), jikkonforma mad-Dokument Mehmuż 12-L li ntuża qabel l-1 ta’ Lulju 2014 u jibqa’ jintuża t-teħid tal-kampjuni mill-partikoli sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2020.”.


Top