IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.7.2020
COM(2020) 324 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Inlestu għall-bidliet
Komunikazzjoni dwar l-istat tat-tlestija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit
Inlestu għall-bidliet
Komunikazzjoni dwar l-istat tat-tlestija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit
I.
INTRODUZZJONI
II.
BIDLIET LI JSEĦĦU FI KWALUNKWE XENARJU
A.
Kummerċ ta’ oġġetti
A.1. Formalitajiet, kontrolli u kontrolli doganali
A.2. Regoli doganali u fiskali għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti (tariffi, VAT, sisa)
A.3. Ċertifikati u awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti, rekwiżiti ta’ stabbiliment, tikkettar u immarkar
Eżempji ta’ konformità settorjali
B.
Kummerċ tas-servizzi
B.1. Servizzi finanzjarji
B.2. Servizzi tat-trasport
B.3. Servizzi awdjoviżivi
B.4. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali
C.
Enerġija
D.
Ivvjaġġar u turiżmu
Kontrolli fuq persuni
Liċenzi tas-sewqan
Ir-roaming
Drittijiet tal-passiġġieri
E.
Il-koordinazzjoni tal-mobilità u tas-sigurtà soċjali
F.
Id-dritt tal-kumpaniji u d-dritt ċivili
F.1. Kumpaniji rreġistrati fir-Renju Unit
F.2. Għażla kuntrattwali tal-ġuriżdizzjoni
G.
Aspetti oħra: id-data, id-drittijiet diġitali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
G.1. Il-proprjetà intellettwali
G.2. Trasferimenti u protezzjoni tad-data
G.3. Isem tad-dominju .eu
H.
Ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea
III.
It-tħejjija għal kwalunkwe xenarju
KAXXA: Il-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq
IV.
Konklużjoni: it-tlestija hija essenzjali
I. INTRODUZZJONI
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“Ir-Renju Unit” jew “UK”) ħareġ mill-Unjoni Ewropea (“UE”) u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Euratom”) – minn hawn ’il quddiem b’mod kollettiv imsejħin “l-Unjoni” – fl-1 ta’ Frar 2020. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ li ġie konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju Unit daħal fis-seħħ f'din id-data, żgura t-tluq ordnat tar-Renju Unit u pprovda ċertezza tad-dritt f’oqsma importanti, inklużi d-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju u l-evitar ta’ fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda (ara l-Kaxxa fil-parti III).
Bħala pajjiż terz, ir-Renju Unit m’għadux jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni. Mhuwiex rappreżentat fl-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE, l-uffiċċji jew korpi oħra tal-Unjoni.
Madankollu, skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-dritt tal-Unjoni jibqa’ japplika għar-Renju Unit u fih
għal “perjodu ta’ tranżizzjoni” li jdum sal-31 ta’ Diċembru 2020.
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jibqa’ jipparteċipa fis-Suq Uniku tal-UE u fl-Unjoni Doganali, biex jibbenefika minn politiki u programmi tal-Unjoni, u għandu jkompli jirrispetta l-obbligi tal-ftehimiet internazzjonali, li l-Unjoni hija parti fihom. Dan il-perjodu tat-tranżizzjoni, għalhekk, joffri perjodu ta’ kontinwità, li l-Unjoni qed tuża biex:
1.tiżgura li l-miżuri u l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jiddaħħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021;
2.tinnegozja ftehim dwar sħubija ġdida mar-Renju Unit, u;
3.tiżgura l-istat tat-tlestija għal meta jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni fl-1 ta’ Jannar 2021, meta r-Renju Unit la se jibqa jipparteċipa fis-Suq Uniku tal-UE u tal-Unjoni Doganali, la fil-politiki u l-programmi tal-Unjoni, u lanqas mhu se jibbenefika mill-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni. Din l-għażla ġiet ikkonfermata mill-gvern tar-Renju Unit fl-approċċ tiegħu għan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura mal-Unjoni Ewropea, ippubblikata fis-27 ta’ Frar 2020 kif ukoll f’dikjarazzjonijiet sussegwenti mill-gvern tar-Renju Unit.
Fir-rigward tan-negozjati dwar sħubija ġdida mar-Renju Unit, is-sitwazzjoni straordinarja li tirriżulta mill-pandemija tal-coronavirus kienet tfisser li, apparti l-ewwel rawnd ta’ negozjati, it-tliet rawnds sussegwenti kellhom issiru permezz ta’ vidjokonferenza. Għall-istess raġuni, iż-żmien li għadda bejn l-ewwel u t-tieni rawnd kien itwal milli kien maħsub oriġinarjament.
S’issa n-negozjati ftit li xejn urew progress. Id-diskussjonijiet issa ġew intensifikati matul is-sajf, bir-rawnds tan-negozjati u/jew sessjonijiet speċjalizzati skedati kull ġimgħa mid-29 ta’ Ġunju 2020.
Il-Kummissjoni se tkompli tinnegozja abbażi tal-mandat mogħti lilha mill-Kunsill fi Frar 2020 u bl-appoġġament tal-Parlament Ewropew. Is-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw abbozz ta’ test legali dettaljat skont dan il-mandat. L-objettiv tagħna huwa li nikkonkludu, sa tmiem l-2020, sħubija ambizzjuża li tkopri wkoll l-oqsma li sar qbil dwarhom mar-Renju Unit fid-Dikjarazzjoni Politika
. Dik id-dikjarazzjoni ġiet approvata mill-mexxejja kollha tal-UE u mill-Prim Ministru Johnson fis-17 ta’ Ottubru 2019.
Minkejja dan, anki jekk sa tmiem l-2020, l-Unjoni Ewropea u r-Renju unit jikkonkludu sħubija ambizzjuża li tkopri l-oqsma kollha miftiehma fid-Dikjarazzjoni Politika, ftehim bħal dan jista’ joħloq relazzjoni li tkun differenti ħafna mill-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fis-Suq Uniku tal-UE
u fl-Unjoni Doganali, u fiż-żona tal-VAT u tad-dazju tas-sisa.
Inevitabbilment, il-fatt li r-Renju Unit mhux se jibqa’ jipparteċipa fil-politiki tal-Unjoni sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se joħloq ostakli għall-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi u għall-mobilità u l-iskambji transfruntiera li ma jeżistux illum. Dan se jseħħ fiż-żewġ direzzjonijiet, jiġifieri mir-Renju Unit lejn l-Unjoni, kif ukoll mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit. L-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati fuq iż-żewġ naħat se jiġu affettwati u għalhekk iridu jħejju ruħhom.
L-għażliet magħmula mill-gvern tar-Renju Unit dwar ir-relazzjoni futura u dwar li ma jiġix estiż il-perjodu ta’ tranżizzjoni jfissru li dawn l-interruzzjonijiet inevitabbli se jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2021 u jirriskjaw li jżidu l-pressjoni li n-negozji diġà għandhom minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.
Huwa essenzjali li l-partijiet ikkonċernati kollha jkunu konxji ta’ dan, u li jiżguraw li dawn ikunu lesti għal dawn il-bidliet wiesa’ u estensivi, li se jirriżultaw fi kwalunkwe xenarju, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Ma hemm l-ebda lok għall-kompjaċenza jew il-posponiment tal-miżuri għall-istat tat-tlestija u tal-miżuri tal-adattament b’antiċipazzjoni li ftehim jista’ jiżgura l-kontinwità, minħabba li numru kbir ta’ bidliet se jkunu inevitabbli.
Din il-Komunikazzjoni bl-ebda mod ma tfittex li tippreġudika r-riżultat tan-negozjati, u lanqas ma tfittex li teżamina l-implikazzjonijiet eventwali ta’ nuqqas ta’ ftehim dwar sħubija futura. Minflok, għandha l-għan li tenfasizza l-oqsma ewlenin li fihom bidla se tkun inevitabbli u li tiffaċilita l-istat tat-tlestija u t-tħejjijiet taċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha għal dawn l-interruzzjonijiet inevitabbli.
B’mod partikolari, in-negozji għandhom jikkunsidraw li jirrevedu l-pjanijiet tat-tħejjija eżistenti tagħhom. Għalkemm dawn kienu mfassla għar-riskju tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ - xenarju li ma seħħx - parti minn dik il-ħidma xorta se tibqa’ rilevanti ħafna għall-bidliet fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni qed tirrevedi wkoll il-ġabra kollha ta’ 102 avviż lill-partijiet ikkonċernati li ppubblikat matul il-fażi tan-negozjati dwar il-ħruġ, li l-biċċa l-kbira tagħhom għadhom rilevanti għal tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. S’issa, 51 minn dawn l-avviżi ġew aġġornati biex jirriflettu l-bidliet li se jseħħu fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, u aġġornamenti oħrajn se jiġu ppubblikati dalwaqt. Hemm lista tagħhom fl-Anness I ta’ din il-Komunikazzjoni.
II.BIDLIET LI JSEĦĦU FI KWALUNKWE XENARJU
Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-oqsma ewlenin ta’ bidla li se jseħħu fi kwalunkwe każ minn tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni, kemm jekk ikun hemm ftehim dwar sħubija futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u kemm jekk le.
Il-bidliet deskritti hawnhekk se jirriżultaw awtomatikament mill-fatt li, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-perjodu ta’ tranżizzjoni li jippermetti l-parteċipazzjoni temporanja tar-Renju Unit fis-Suq Uniku tal-UE u fl-Unjoni Doganali se jispiċċa, u b’hekk jintemm il-moviment liberu tal-persuni, il-prodotti u s-servizzi. It-tluq mis-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali se jwassal għal ostakli addizzjonali għall-kummerċ u għall-mobbiltà transfruntiera tal-persuni, u se jkunu meħtieġa aġġustamenti kemm min-naħa tal-Unjoni kif ukoll min-naħa tar-Renju Unit. Billi jitlaq mill-Unjoni, ir-Renju Unit qed jitlaq ukoll mill-ftehimiet internazzjonali kollha tal-Unjoni, awtomatikament u bil-liġi.
Jekk għadhom ma għamlux dan, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini fl-Unjoni għandhom, b’mod urġenti, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-istat tat-tlestija biex iħejju għal dawn il-bidliet bil-ħsieb li jimminimizzaw kemm jista’ jkun l-ispejjeż tat-tfixkil.
A.Kummerċ ta’ oġġetti
Il-bidliet deskritti fis-subsezzjonijiet mhumiex se japplikaw fir-rigward tal-kummerċ bejn l-UE u l-Irlanda ta’ Fuq, fejn il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, li huwa parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, se japplika minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe ftehim dwar sħubija futura.
F’konformità ma’ dak il-Protokoll, ir-regoli tal-Unjoni relatati mal-oġġetti (inklużi r-regoli fiskali, jiġifieri t-tassazzjoni indiretta u r-regoli mhux fiskali) u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni se jkomplu japplikaw ukoll għall-Irlanda ta’ Fuq (ara l-Kaxxa fil-Parti III għal aktar informazzjoni).
A.1. Formalitajiet, kontrolli u kontrolli doganali
Matul il-perjodu tat-tranżizzjoni, ir-Renju Unit huwa parti mis-Suq Uniku tal-UE u l-Unjoni Doganali. Għalhekk, bħalissa ma hemm l-ebda formalità doganali għal oġġetti li jiġu mċaqalqa bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ parti mill-Unjoni Doganali tal-UE. Għalhekk, il-formalitajiet doganali meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni se japplikaw għall-oġġetti kollha li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mir-Renju Unit, jew li jitilqu dak it-territorju doganali biex imorru r-Renju Unit.
Dan se jseħħ anke jekk tiġi stabbilita żona ta’ kummerċ ħieles ambizzjuża mar-Renju Unit, li tipprovdi għal tariffi żero u kwoti żero fuq oġġetti, b’kooperazzjoni doganali u regolatorja.
Min-naħa tal-UE, l-awtoritajiet doganali se jwettqu kontrolli abbażi tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, skont is-sistema komuni bbażata fuq ir-riskju applikata għal kwalunkwe fruntiera esterna oħra tal-Unjoni fir-rigward tal-moviment ta’ oġġetti f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi. Dawn il-kontrolli x’aktarx iwasslu għal żieda fil-piżijiet amministrattivi għan-negozji u ħinijiet itwal ta’ konsenja fil-katini tal-provvista loġistika.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, in-negozji tal-UE li jixtiequ jimportaw mir-Renju Unit jew jesportaw lejn ir-Renju Unit se jkollhom jiżguraw li jkollhom numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI, Economic Operators Registration and Identification) sabiex jgħaddu minn formalitajiet doganali. Barra minn hekk, numri EORI maħruġa mir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni. In-negozji bbażati fir-Renju Unit li jixtiequ jimportaw fl-Unjoni jeħtieġ li jirċievu numru EORI tal-UE jew jaħtru rappreżentant doganali tal-Unjoni fejn applikabbli. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2021, l-awtorizzazzjonijiet tal-Operatur Ekonomiċi Awtorizzati jew awtorizzazzjonijiet oħra maħruġa mir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni. Jekk l-operaturi ekonomiċi jixtiequ jiksbu awtorizzazzjonijiet tal-UE, jeħtieġ li japplikaw għalihom fi Stat Membru tal-UE.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
In-negozji tal-UE għandhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-formalitajiet u l-proċeduri għan-negozju mar-Renju Unit bħala pajjiż terz mill-1 ta’ Jannar 2021. Dawn għandhom iqisu wkoll l-obbligi amministrattivi u l-perjodi ta’ żmien potenzjalment itwal li jirriżultaw minn dawn il-formalitajiet u l-proċeduri. Dan jista’ jinvolvi bidliet sinifikanti fl-organizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista eżistenti. In-negozji huma responsabbli mill-valutazzjoni tal-azzjonijiet meħtieġa fid-dawl ta’ dawn il-bidliet, fl-isfond tas-sitwazzjoni individwali tagħhom.
L-amministraturi tal-Istati Membri tal-UE ħejjew il-punti ewlenin tal-passaġġ tal-fruntieri u żviluppaw soluzzjonijiet biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni f’dan il-kuntest. Jekk meħtieġ, dawn għandhom ikomplu jimplimentaw u jirfinaw dawn l-għażliet, u jkomplu bl-isforzi tagħhom biex iqajmu kuxjenza fost in-negozji, b’mod partikolari billi jimmiraw partikolarment lejn l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).
A.2. Regoli doganali u fiskali għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti (tariffi, VAT, sisa)
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit huwa parti mill-Unjoni Doganali tal-UE u parti mit-territorju tal-VAT u s-sisa tal-UE.
Għaldaqstant, l-ebda tariffa jew kwota ma hija applikata fuq oġġetti nnegozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit , u ma hemmx bżonn li tintwera l-oriġini tal-merkanzija nnegozjata.
Barra minn hekk, ir-reġim applikat għat-taxxi (VAT, dazji tas-sisa) huwa dak applikat għall-kummerċ intra-Unjoni, li jfisser li m’hemmx bżonn ta’ kontrolli rispettiva fil-fruntiera bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-istatus tal-oriġini tal-oġġetti nnegozjati se jkollu jintwera sabiex huma jkunu intitolati għal trattament preferenzjali skont ftehim futur eventwali bejn l-UE u r-Renju Unit. L-oġġetti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-oriġini se jkunu soġġetti għal dazji doganali anki jekk ikun hemm fis-seħħ ftehim kummerċjali mingħajr kwota, b’kwota żero bejn l-UE u r-Renju Unit. Il-kummerċ bejn l-UE u s-sħab preferenzjali tagħha se jiġi affettwat ukoll, peress li l-kontenut tar-Renju Unit (f’termini kemm ta’ materjal kif ukoll ta’ operazzjonijiet tal-ipproċessar) se jsir “mhux oriġinarju” f’arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni għad-determinazzjoni tal-oriġini preferenzjali tal-oġġetti li jinkorporaw il-kontenut imsemmi tar-Renju Unit. Fil-prattika, dan jinvolvi l-ħtieġa li l-esportaturi tal-UE jerġgħu jivvalutaw il-katini ta’ provvista tagħhom. Jista’ jkun li jkollhom jirrilokaw il-produzzjoni jew jibdlu l-fornituri għal ċerti inputs sabiex ikomplu jibbenefikaw minn arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni mas-sħab preferenzjali attwali tal-Unjoni. L-importaturi tal-Unjoni li jitolbu trattament preferenzjali fl-UE se jkollhom bżonn jiżguraw ukoll li l-esportatur ta’ pajjiż terz ikun jista’ jagħti prova li l-oġġetti huma konformi mar-rekwiżiti dwar l-oriġini preferenzjali wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Jenħtieġ li jiġi nnutat li, sabiex jinżamm l-istatus ta’ oriġini preferenzjali tagħhom, l-oġġetti se jkunu jeħtieġu jissodisfaw id-dispożizzjonijiet relatati mat-trasport dirett/nuqqas ta’ manipulazzjoni inklużi fil-ftehimiet preferenzjali tal-UE jekk jgħaddu mit-territorju tar-Renju Unit jew jieqfu fih.
Barra minn hekk, it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) se tkun dovuta mal-importazzjoni tal-oġġetti li jiddaħħlu fit-territorju tal-VAT tal-Unjoni Ewropea mir-Renju Unit, bir-rata li tapplika għall-provvisti tal-istess oġġetti fl-Unjoni. L-oġġetti esportati mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit se jkunu eżentati mill-VAT jekk jintbagħtu jew jiġu trasportati lejn ir-Renju Unit, kif ikun il-każ għal kwalunkwe destinazzjoni barra mill-Unjoni Ewropea. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-fornitur tal-oġġetti esportati jrid ikun kapaċi jagħti prova li l-oġġetti telqu mill-Unjoni.
Bħal kwalunkwe importazzjoni minn pajjiżi terzi fl-Unjoni, id-dazji tas-sisa għal oġġetti soġġetti għas-sisa (xorb alkoħoliku, prodotti tat-tabakk, eċċ.) se jkunu dovuti mal-importazzjoni fl-Unjoni, u pagabbli meta l-oġġetti jitqiegħdu fis-suq. Fil-futur, l-importazzjonijiet mir-Renju Unit jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal miżuri antidumping, kumpensatorji jew ta’ salvagwardja fil-qafas tal-politika ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni Ewropea.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
In-negozjanti jridu jkunu kapaċi juru l-istatus tal-oriġini tal-oġġetti nnegozjati sabiex dawn ikunu intitolati għal trattament preferenzjali skont ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit. L-oġġetti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-oriġini mhux se jibbenefikaw minn dawk il-ftehimiet kummerċjali preferenzjali.
In-negozji tal-UE għandhom ikunu lesti wkoll li jibdew jittrattaw kwalunkwe kontenut tar-Renju Unit (inputs u proċessi) bħala “mhux oriġinarji” fil-kuntest tan-negozju mal-pajjiżi sħab preferenzjali attwali tal-Unjoni, sabiex ikun żgurat li l-esportazzjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali mogħti mill-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-Unjoni, f’kull każ minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Il-kontenut tar-Renju Unit inkorporat f’oġġetti miksuba f’pajjiżi terzi li l-Unjoni jkollha arranġamenti kummerċjali preferenzjali magħhom u li jiġu importati fl-Unjoni ukoll se jkun “mhux oriġinarju”. Ir-Renju Unit, għalhekk, se jkun pajjiż terz għall-fini tar-regola tat-trasport dirett/tan-nuqqas ta’ manipulazzjoni u n-negozji għandhom jadattaw il-loġistika tagħhom skont dan.
Barra minn hekk, in-negozji tal-UE għandhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proċeduri rilevanti tal-VAT u jħejju għall-applikazzjoni tagħhom. Huma għandhom iqisu żieda fl-obbligi amministrattivi u dewmien potenzjali fejn rilevanti. Dan jista’ jinvolvi bidliet sinifikanti fl-organizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u l-proċessi tal-kontabilità eżistenti.
L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE għandhom iħejju għall-piż addizzjonali li jinħoloq minn dawn il-bidliet, kemm f’termini ta’ persunal u ta’ taħriġ, u jżidu s-sensibilizzazzjoni, filwaqt li jkunu mmirati b’mod partikolari lejn intrapriżi żgħar u medji.
A.3. Ċertifikati u awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti, rekwiżiti ta’ stabbiliment, tikkettar u immarkar
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku, inkluż fis-Suq Uniku għall-oġġetti. L-oġġetti jistgħu jiġu nnegozjati liberament bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit mingħajr ma jkunu soġġetti għal kontrolli grazzi għall-eżistenza ta’ qafas regolatorju uniku tal-Unjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti, inklużi regoli tekniċi armonizati, standards tas-sikurezza u ambjentali, u rikonoxximent reċiproku. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, bħall-aġenziji tal-UE, jissorveljaw il-funzjonament tajjeb ta’ dan il-qafas.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-Unjoni u r-Renju Unit se jkunu żewġ spazji regolatorji u legali separati.
Dan ifisser li l-prodotti kollha esportati mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit se jkollhom jikkonformaw mar-regoli u mal-istandards tar-Renju Unit u se jkunu soġġetti għal kwalunkwe verifika ta’ konformità regolatorja u kwalunkwe kontroll tal-importazzjonijiet applikabbli. Bl-istess mod, il-prodotti kollha importati mir-Renju Unit lejn l-Unjoni se jkollhom jikkonformaw mar-regoli u l-istandards tal-Unjoni u se jkunu soġġetti għall-verifiki kollha tal-konformità regolatorja u għall-kontrolli fuq l-importazzjonijiet għall-finijiet tas-sikurezza, tas-saħħa u finijiet oħra tal-politika pubblika.
In-negozji tal-UE li attwalment jiddistribwixxu prodotti li ġejjin mir-Renju Unit se jsiru esportaturi jew importaturi għall-prodotti li jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Dan ifisser li jridu jikkonformaw mal-obbligi ta’ esportatur jew importatur skont ir-regoli tal-Unjoni applikabbli.
Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoin tal-prodotti, min-naħa tal-Unjoni:
·Iċ-ċertifikati jew l-awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit jew minn korpi bbażati fir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fis-suq tal-Unjoni. Dan ifisser, pereżempju, li vettura bil-mutur b’approvazzjoni tat-tip maħruġa mir-Renju Unit ma tistax tibqa’ titqiegħed fis-suq tal-Unjoni. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun teħtieġ ċertifikazzjoni minn Korp Notifikat tal-UE – eżempju għal xi tagħmir mediku, makkinarju, tagħmir ta’ protezzjoni personali jew prodotti għall-bini - il-prodotti ċertifikati minn korpi bbażati fir-Renju Unit mhux se jibqgħu jitħallew jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.
·Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni teħtieġ reġistrazzjoni ta’ prodotti f’bażijiet tad-data, jista’ jkun li dan ikollu jsir minn importatur fl-Unjoni jew rappreżentant awtorizzat tal-manifattur tar-Renju Unit.
·Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi rekwiżit li jridu jkunu stabbiliti fl-Unjoni għal ċertu operaturi ekonomiċi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi (eż. rappreżentanti awtorizzati ta’ manifatturi ta’ pajjiż terz jew “persuni responsabbli” għal konformità regolatorja), l-istabbiliment fir-Renju Unit ma jibqax jiġi rikonoxxut fl-Unjoni. Dan ifisser li se tkun meħtieġa rilokazzjoni tar-rappreżentant awtorizzat/il-persuna responsabbli mir-Renju Unit lejn l-Unjoni, jew ikollhom jinħatru rappreżentant awtorizzat /persuna responsabbli ġodda li jkunu stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.
·L-immarkar jew it-tikettar tal-oġġetti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni, li jirreferu għal korpi jew persuni stabbiliti fir-Renju Unit, mhux se jibqa’ konformi mar-rekwiżiti tat-tikkettar tal-Unjoni.
Fl-aħħar nett, ir-regoli tal-Unjoni li jipprojbixxu jew jirrestrinġu ċerti importazzjonijiet/esportazzjonijiet ta’ oġġetti
għal raġunijiet ta’ politika pubblika bħall-protezzjoni tas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent se japplikaw għal negozju mar-Renju Unit, bħal fi kwalunkwe pajjiż terz.
Eżempji ta’ konformità settorjali
|
Prodotti kimiċi
Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-regoli tal-Unjoni dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH)
mhux se jibqgħu japplikaw fir-Renju Unit.
Ir-reġistrazzjonijiet miżmuma mill-manifatturi u mill-produtturi stabbiliti fir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni Ewropea. Dawk l-entitajiet se jkollhom jiżguraw li s-sustanzi tagħhom jiġu rreġistrati ma’ manifattur jew importatur fl-Unjoni Ewropea jew jaħtru “Rappreżentant Uniku” fl-Unjoni Ewropea bħala reġistrant għas-sustanza.
L-utenti downstream se jkollhom jivverifikaw jew is-sustanzi li jużaw humiex irreġistrati ma’ reġistrant stabbilit fl-Unjoni Ewropea. Jekk dan mhuwiex il-każ, jenħtieġ li huma:
·jadattaw il-katina ta’ provvista tagħhom skont dan (jiġifieri jidentifikaw fornitur alternattiv);
·jivverifikaw jekk ir-reġistrant tar-Renju Unit li jittrattaw miegħu hux bi ħsiebu jaħtar “Rappreżentant Uniku” fl-Unjoni Ewropea; jew
·jirreġistraw is-sustanza fil-kapaċità tal-importatur.
|
Il-prodotti tas-saħħa (tagħmir mediku u prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem jew veterinarju)
Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit se joħroġ mis-sistema regolatorja tal-Unjoni għal prodotti mediċinali u tagħmir mediku.
Għalhekk:
·id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq jeħtieġ li jkunu stabbiliti fl-Unjoni Ewropea;
·l-ittestjar u s-siti ta’ ħruġ tal-lottijiet jeħtieġ li jkunu jinsabu fl-Unjoni Ewropea;
·il-persuni kkwalifikati responsabbli għall-farmakoviġilanza u għall-ħruġ tal-lottijiet (inklużi prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni) jeħtieġ li jkunu stabbiliti fl-Unjoni Ewropea;
·kwalunkwe prova klinika awtorizzata fl-Unjoni jeħtieġ li jkollha sponsor jew rappreżentant legali stabbilit fl-Unjoni Ewropea;
·i-informazzjoni u t-tikkettar iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-kotikkettar tal-mediċini skont it-termini tal-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni mogħtija fir-Renju Unit;
·iċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir mediku se jkollha titwettaq minn korpi notifikati stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.
|
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
In-negozji tal-UE li jqiegħdu oġġetti fis-suq tar-Renju Unit se jkollhom jiżguraw li jikkonformaw mar-regoli kollha rilevanti tar-Renju Unit mill-1 ta’ Jannar 2021.
Fir-rigward tal-proċessi tal-awtorizzazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni, filwaqt li l-miżuri preparatorji kien imisshom ittieħdu fl-2019, in-negozji tal-UE għandhom jerġgħu jivverifikaw il-konformità ħafna qabel l-1 ta’ Jannar 2021.
L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE għandhom iżidu s-sensibilizzazzjoni, u jimmiraw b’mod partikolari lejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju b’mod partikolari.
B.Kummerċ tas-servizzi
Matul il-perjodu tat-tranżizzjoni, ir-Renju Unit jipparteċipa fis-suq uniku tal-UE, inkluż is-Suq Uniku għas-servizzi. Għalhekk, in-negozji tar-Renju Unit jibbenefikaw mil-libertà tal-istabbiliment u mill-possibbiltà li jipprovdu servizzi fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE. Huma jibbenefikaw minn ambjent regolatorju u superviżorju komuni, li jfassal il-miżuri eventwali li jistgħu jadottaw l-awtoritajiet nazzjonali. Dan l-ambjent jippermetti wkoll lill-fornituri tas-servizzi jibbenefikaw minn sistema avvanzata tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.
Barra minn hekk, f’ċerti oqsma regolati fil-livell tal-Unjoni, l-iskambju transfruntier ta’ servizzi jibbenefika mill-approċċ tal-pajjiż ta’ oriġini jew mill-kunċett ta’ “passaportar”, li jimplika li l-awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru wieħed abbażi tar-regoli tal-Unjoni tkun biżżejjed għall-aċċess għas-Suq Uniku tal-UE kollu minħabba l-armonizzazzjoni tal-istandards, ir-regoli tekniċi u l-oqfsa regolatorji u superviżorji. Dawn il-prinċipji jirfdu l-moviment liberu ta’ ċerti servizzi bejn il-pajjiżi tal-UE, pereżempju fl-oqsma finanzjarji, awdjoviżivi jew tat-trasport.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, kif previsti mit-trattati tal-Unjoni, mhux se jkunu ta’ benefiċċju aktar għall-individwi u n-negozji mir-Renju Unit li joperaw fl-Unjoni Ewropea jew l-individwi u n-negozji tal-UE li joperaw fir-Renju Unit.
L-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet tar-Renju Unit taħt il-qafas tas-Suq Uniku tal-UE mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan għandu rilevanza partikolari għall-oqsma tas-servizzi finanzjarji, it-trasport, il-midja awdjoviżiva u s-servizzi tal-enerġija.
Sabiex ikollhom aċċess għas-suq tal-Unjoni, il-fornituri tas-servizzi tar-Renju Unit u l-professjonisti stabbiliti fir-Renju Unit se jkollhom bżonn juru konformità ma’ kwalunkwe regola, proċedura u/jew awtorizzazzjoni li tikkundizzjona l-provvista ta’ servizzi fl-Unjoni Ewropea minn barranin u/jew kumpaniji stabbiliti barra mill-Unjoni. Dawk ir-rekwiżiti jistgħu jiġu stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew, aktar ta’ spiss, f’reġimi nazzjonali, iżda se jiġu kkundizzjonati mill-impenji meħuda mill-Unjoni Ewropea taħt il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kif ukoll fi ħdan il-ftehim dwar ir-relazzjoni futura mar-Renju Unit.
B’mod simili, il-fornituri tas-servizzi tal-UE u l-professjonisti stabbiliti fl-Unjoni u li joperaw fir-Renju Unit se jkollhom bżonn juru konformità mar-regoli kollha rilevanti tar-Renju Unit.
B.1. Servizzi finanzjarji
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku tal-UE, inkluż fis-Suq Uniku għas-servizzi finanzjarji. Għalhekk, attwalment, is-servizzi finanzjarji jistgħu jiġu pprovduti mir-Renju Unit lejn l-UE b’awtorizzazzjoni unika jew “passaport”, maħruġa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, għal kull qasam ta’ servizzi finanzjarji rilevanti. L-operaturi tal-Unjoni jistgħu jużaw il-“passaporti” tal-istat tagħhom biex jipprovdu servizzi finanzjarji lejn ir-Renju Unit u fih.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-awtorizzazzjonijiet biex jiġu pprovduti servizzi mir-Renju Unit lejn l-UE kollha mhux se jibqgħu japplikaw. Il-provvista ta’ servizzi finanzjarji mir-Renju Unit lejn l-UE se tkun possibbli soġġett għar-regoli tal-pajjiż terz rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat. In-negozji, banek jew investituri li attwalment jiddependu fuq dawn is-servizzi għandhom ikunu konxji ta’ din il-bidla u jħejju ruħhom b’mod xieraq. Il-fornituri tas-servizzi finanzjarji tal-UE b’operazzjonijiet fir-Renju Unit għandhom iħejju ruħhom ukoll biex jirrispettaw ir-regoli kollha rilevanti tar-Renju Unit.
Skont l-oqfsa tal-ekwivalenza previsti f’ċerti atti legali tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea għandha l-possibbiltà li tiffaċilita l-interazzjonijiet speċifiċi bejn l-Unjoni u s-sistemi finanzjarji tar-Renju Unit billi tirrikonoxxi li r-reġimi regolatorji u superviżorji rilevanti tar-Renju Unit huma ekwivalenti għal-leġislazzjoni u r-rekwiżiti korrispondenti tal-Unjoni. Huwa biss għadd limitat ta’ dawn l-ekwivalenzi li jippermetti lid-ditti tal-pajjiżi terzi jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-klijenti tal-UE. Eżempji jinkludu l-oqsma tad-depożitorju ċentrali tat-titoli, u kontropartijiet tal-ikklerjar ċentrali (CCPs). Speċifikament għad-ditti tal-investiment, se jidħol fis-seħħ qafas tal-ekwivalenza ġdid u mtejjeb f’nofs l-2021. Fil-biċċa l-kbira tal-oqsma, bħal dawk tal-assigurazzjoni, tas-self bankarju kummerċjali jew tat-teħid ta’ depożiti, l-ekwivalenza ma tippermettix lid-ditti ta’ pajjiżi terzi jipprovdu servizzi lejn l-UE, iżda tipprovdi ħelsien prudenzjali jew ta’ rapportar lid-ditti tal-UE.
Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-Unjoni ma jirreplikawx il-benefiċċji tas-Suq Uniku għar-Renju Unit peress li l-obbligi u s-salvagwardji tal-ekosistema tas-Suq uniku tal-UE se jieqfu japplikaw fir-Renju Unit. Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jistgħu jiġu rtirati unilateralment fi kwalunkwe ħin, b’mod partikolari jekk l-oqfsa tal-pajjiżi terzi jiddevjaw u l-kundizzjonijiet għall-ekwivalenza ma jibqgħux issodisfati.
Peress li l-oqfsa tal-ekwivalenza tal-Unjoni huma unilaterali, la l-valutazzjonijiet tal-ekwivalenza u lanqas id-deċiżjonijiet eventwali għall-għoti tal-ekwivalenza ma huma parti min-negozjati mar-Renju Unit. L-interkonnessjoni attwali bejn l-UE u s-suq tar-Renju Unit tirrikjedi li l-Kummissjoni, meta tivvaluta l-ekwivalenza, tkun partikolarment konxja tar-riskji għall-UE f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja, trasparenza tas-suq, integrità tas-suq, protezzjoni tal-investituri u kundizzjonijiet ekwi. Barra minn hekk, l-intenzjoni ddikkjarata mill-gvern tar-Renju Unit li jiddevja mill-oqfsa regolatorji u superviżorji tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni teħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-ekwivalenza tar-Renju Unit f’kull qasam minn issa ’l quddiem.
Id-Dikjarazzjoni Politika dwar ir-relazzjoni futura tgħid li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-Renju Unit se jipprovaw jikkonkludu l-valutazzjonijiet ta’ ekwivalenza rispettivi tagħhom qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2020. Il-Kummissjoni kkondividiet mar-Renju Unit kwestjonarji li jkopru 28 qasam ta’ ekwivalenza. Sa tmiem Ġunju, ġew irritornati biss 4 kwestjonarji. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi l-valutazzjonijiet tal-ekwivalenza tagħha sa tmiem Ġunju. Il-Kummissjoni se tkompli l-valutazzjonijiet abbażi ta’ aktar tweġibiet li qed tirċievi bħalissa. Il-valutazzjonijiet jistgħu jwasslu, f’kull qasam, għal deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jew nuqqas ta’ ekwivalenza. Il-Kummissjoni se tieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva, inkluż l-interess tal-UE.
F’għadd ta’ oqsma, il-Kummissjoni ma bdietx valutazzjoni, jew minħabba li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza diġà ngħataw jew minħabba li, pereżempju, il-qafas legali tal-UE għadu mhux kompletament fis-seħħ. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni mhijiex se tadotta deċiżjoni ta’ ekwivalenza fi żmien qasir jew medju.
Fuq il-bażi tal-analiżi mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, u tat-tħejjija meħuda mid-ditti tas-servizzi finanzjarji, il-Kummissjoni identifikat qasam wieħed biss li jista’ jippreżenta riskji għall-istabbiltà finanzjarja, jiġifieri l-kontropartijiet ċentrali tal-ikklerjar (CCPs) tad-derivattivi. Għalhekk, fuq żmien qasir u sabiex jiġu indirizzati r-riskji eventwali għall-istabbiltà finanzjarja, il-Kummissjoni qed tqis l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ekwivalenza b’limitu ta’ żmien għar-Renju Unit f’dan il-qasam.
Deċiżjoni fi żmien limitat tippermetti lis-CCPs ibbażati fl-UE jkomplu jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jikklerjaw negozji rilevanti fil-perjodu qasir u medju u lill-membri tal-ikklerjar tal-UE li jieħdu u jimplimentaw il-passi meħtieġa, inkluż billi jnaqqsu l-esponiment sistemiku tagħhom għall-infrastrutturi tas-suq tar-Renju Unit.
Sabiex issaħħaħ is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tal-ikklerjar li huma ta’ importanza sistemika għall-Unjoni, attwalment l-UE qed timplimenta r-Regolament EMIR 2.2. Il-Kummissjoni qed tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni li se jiddeterminaw il-grad ta’ riskju sistemiku ta’ CCPs ta’ pajjiż terz u l-miżuri meħtieġa biex tissaħħaħ is-superviżjoni ta’ tali CCPs, kif ukoll il-ħtieġa eventwali ta’ miżuri ulterjuri biex jimmitigaw dawk ir-riskji.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
L-operaturi tal-assigurazzjoni, il-banek, id-ditti tal-investiment, iċ-ċentri tan-negozjar u fornituri oħrajn ta’ servizzi finanzjarji għandhom jiffinalizzaw u jimplimentaw il-miżuri preparatorji tagħhom mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 biex ikunu lesti għall-bidliet li se jseħħu taħt ix-xenarji kollha, inkluż meta l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ma jkunux ħadu deċiżjoni dwar l-ekwivalenza fil-qasam tagħhom.
In-negozji tal-Unjoni, banek jew investituri li attwalment jiddependu fuq il-fornituri tas-servizzi tar-Renju Unit għandhom jikkunsidraw kif dan jista’ jaffettwa l-operazzjonijiet tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex iħejju għax-xenarji kollha possibbli. Il-fornituri tas-servizzi finanzjarji tal-UE b’operazzjonijiet fir-Renju Unit għandhom iħejju ruħhom ukoll biex jirrispettaw ir-regoli kollha rilevanti tar-Renju Unit. Il-membri tal-ikklerjar tal-UE ta’ CCPs tar-Renju Unit u l-klijenti tagħhom għandhom jieħdu passi attivi biex iħejju għax-xenarji kollha, inkluż billi jnaqqsu l-esponiment sistematiku tagħhom għall-infrastrutturi tas-suq tar-Renju Unit.
L-UE u s-superviżuri u r-regolaturi nazzjonali se jkollhom ikomplu bid-djalogu tagħhom mal-partijiet ikkonċernati bil-għan li jiżguraw li l-azzjonijiet kollha meħtieġa għat-tlestija jittieħdu sa tmiem l-2020.
B.2. Servizzi tat-trasport
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku, inkluż is-Suq Uniku għas-servizzi tat-trasport. Għalhekk, attwalment, is-servizzi tat-trasport, is-servizzi tat-trasport bl-ajru, u s-servizzi tat-trasport bit-triq jistgħu jitwettqu fl-Unjoni Ewropea kollha b’liċenzja waħda, maħruġa minn Stat Membru wieħed. Dan jibbenefika wkoll lill-operaturi tal-UE fir-Renju Unit matul il-perjodu tat-tranżizzjoni.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-kumpaniji tar-Renju Unit mhux se jkunu jistgħu jwettqu servizzi tat-trasport fl-Unjoni bħala parti mis-Suq Uniku. Il-possibiltajiet u l-kundizzjonijiet għall-UE u l-operaturi tat-trasport tar-Renju Unit li jwettqu servizzi bejn l-Unjoni Ewropew u r-Renju Unit se jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq in-negozjati dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tat-trasport.
Madankollu, fi kwalunkwe każ, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-liċenzji maħruġa għal impriżi tal-ferroviji mir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni Ewropea, u ċ-ċertifikati u l-liċenzji maħruġa fir-Renju Unit biex jitħarrġu s-sewwieqa mhux se jibqgħu validi għall-operat ta’ lokomottivi u ferroviji fis-sistema tal-ferroviji tal-UE.
L-impriżi ferrovjarji mill-Unjoni Ewropea jew mir-Renju Unit li jipprovdu servizzi transfruntiera bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea se jkollhom jikkonformaw mar-rekwiżiti legali applikabbli kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fir-Renju Unit. Dan jirrigwarda l-liċenzja u ċ-ċertifikat ta’ sikurezza għall-impriża ferrovjarja, l-awtorizzazzjoni tal-materjal mobbli u l-persunal (sewwieqa tal-ferroviji). Il-partijiet interessati kkonċernati, għalhekk, għandhom jiżguraw li jkollhom liċenzji validi fl-Unjoni Ewropea għas-setturi tas-servizzi transfruntiera li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, u liċenzji validi fir-Renju Unit għat-taqsimiet tas-servizzi transfruntiera li jinsabu fit-territorju tar-Renju Unit.
Fi kwalunkwe każ, mill-1 ta’ Jannar 2021, trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzji operattivi mogħtija mill-awtorità tal-ħruġ tal-liċenzji tar-Renju Unit għall-ġarr kummerċjali bl-ajru ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija, mhux se jkunu jistgħu jipprovdu aktar servizzi tat-trasport bl-ajru fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
It-trasportaturi tal-ajru tal-UE u d-detenturi taċ-ċertifikati tas-sikurezza tal-avjazzjoni se jkollhom jiżguraw u jżommu konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni, inklużi r-rekwiżiti tal-linji tal-ajru dwar il-post prinċipali tan-negozju u s-sjieda u l-kontroll tal-maġġoranza tal-UE, kif ukoll mal-acquis tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni.
Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, mill-1 ta’ Jannar 2021, l-operaturi tat-trasport bit-triq li huma stabbiliti fir-Renju Unit mhux se jibqa’ jkollhom liċenzja Komunitarja. Huma, għalhekk, mhux se jibqgħu jibbenefikaw mid-drittijiet ta’ aċċess awtomatiku għas-Suq Uniku li tinvolvi tali liċenzja, jiġifieri d-dritt tal-operaturi tal-UE li jwettqu vjaġġi u li jġorru oġġetti madwar l-Unjoni.
Id-drittijiet tal-aċċess li l-operaturi tal-UE u l-operaturi tar-Renju Unit se jkollhom għas-swieq rispettivi ta’ xulxin se jiddependu fuq l-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit. Jekk ma jkunx hemm ftehim, il-kwoti limitati diġà disponibbli taħt il-mekkaniżmu tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) se jkunu disponibbli għall-operaturi tal-UE biex iwettqu vjaġġi lejn ir-Renju Unit, u għall-operaturi tar-Renju Unit biex iwettqu vjaġġi lejn l-UE.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
In-negozji kollha tat-trasport li jwettqu operazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit iridu jiżguraw konformità rispettivament mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni tal-UE u tar-Renju Unit mill-1 ta’ Jannar 2021.
Id-drittijiet ta’ aċċess għat-trasport bl-ajru u bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit se jiddependu ħafna fuq l-eżitu tan-negozjati mar-Renju Unit.
Fi kwalunkwe każ, l-operaturi tat-trasport se jiġu affettwati mill-bidliet fil-formalitajiet meħtieġa meta wieħed ikun qed jaqsam il-fruntiera bejn ir-Renju Unit u l-UE. Lill hinn mir-regoli tat-trasport speċifiċi, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE għandhom iżidu s-sensibilizzazzjoni, immirata partikolarment lejn l-SMEs, dwar kif il-formalitajiet fil-fruntieri se jaffettwaw l-operaturi tat-trasport u tal-loġistika, kif ukoll passiġġieri u ħaddiema transfruntiera. Dan jinkludi wkoll kontrolli fuq il-fruntieri fuq persuni – li jimplika l-verifika tar-rekwiżiti ta’ dħul u ta’ soġġorn, l-istampar tal-passaporti u r-rekwiżiti tal-viża jekk applikabbli.
B.3. Servizzi awdjoviżivi
Matul il-perjodu tat-tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku għal servizzi awdjoviżivi. Għalhekk, attwalment, japplika l-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, fejn kwalunkwe fornitur ta’ servizz li huwa stabbilit fi Stat Membru u konformi mar-regoli tal-regolatur nazzjonali tal-istat jibbenefika mir-regola dwar il-libertà ta’ akkoljenza u jkun kapaċi jxandar il-kontenut lil kwalunkwe Stat Membru ieħor mingħajr ma jkollu għalfejn ifittex approvazzjoni minn dak l-Istat Membru.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, in-negozji stabbiliti fir-Renju Unit mhux se jibqgħu jibbenefikaw mill-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.
Riżultat ta’ dan, il-fornituri tas-servizzi tal-media awdjoviżiva bbażati fir-Renju Unit se jkollhom bżonn jikkonformaw ma’ kull wieħed mir-regoli tal-Istat Membru rilevanti li fih jixtiequ jipprovdu s-servizzi tagħhom.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
Il-fornituri tas-servizzi tal-media awdjoviżiva stabbiliti fir-Renju Unit u li jipprovdu servizzi tal-media awdjoviżiva lill-Unjoni Ewropea għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw konformità ma’ kull wieħed mir-reġimi nazzjonali fejn biħsiebhom jipprovdu servizzi. Il-fornituri tal-UE li jixtiequ jipprovdu servizzi fir-Renju Unit se jkollhom jobdu r-regoli tar-Renju Unit.
B.4. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku tal-UE, fejn jibbenefikaw mil-libertà ta’ stabbiliment, mill-moviment liberu tal-persuni u mill-provvista ta’ servizzi b’xejn. Għalhekk, attwalment, iċ-ċittadini tar-Renju Unit u ċ-ċittadini tal-UE li għandhom kwalifika fir-Renju Unit jibbenefikaw minn reġim ta’ rikonoxximent simplifikat – f’xi każijiet awtomatiku f’pajjiżi oħra tal-UE, li jippermetti lill-professjonisti bħal tobba, infermiera, dentisti, spiżjara, veterinarji, avukati, periti jew inġiniera jiċċaqilqu u jipprovdu servizzi fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ kopert mir-regoli tal-Unjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, u r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba fl-Istati Membri tal-UE mir-Renju Unit se jkunu kwistjoni ta’ liġi tar-Renju Unit.
Iċ-ċittadini tar-Renju Unit, irrispettivament minn fejn ikunu kisbu l-kwalifiki tagħhom, u ċ-ċittadini tal-UE bi kwalifiki miksuba fir-Renju Unit se jkollhom bżonn li jkunu rikonoxxuti fl-Istat Membru rilevanti abbażi tar-regoli ta’ dak il-pajjiż għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u/jew kwalifiki ta’ pajjiż terz minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
Pariri lil persuni, negozji u amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
Il-persuni kkonċernati għandhom ifittxu li jiksbu rikonoxximent tal-kwalifika tar-Renju Unit tagħhom fl-Unjoni Ewropea qabel l-1 ta’ Jannar 2021 sabiex ikunu mħejjija għat-tmiem tal-perjodu tat-tranżizzjoni. Id-deċiżjonijiet tan-negozji għandhom iqisu li minn Jannar 2021, wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, tali rikonoxximent se jsir fl-Istat Membru rilevanti fuq il-bażi tar-regoli ta’ dak il-pajjiż għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz u/jew il-kwalifiki ta’ pajjiż terz.
C.Enerġija
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-suq integrat tal-enerġija tal-Unjoni. Għalhekk, in-negozjar bejn l-UE u r-Renju Unit ta’ prodotti tal-enerġija permezz ta’ interkonnetturi tal-elettriku u tal-gass huwa attwalment ġestit permezz ta’ pjattaformi speċjalizzati tal-Unjoni.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, għalkemm l-interkonnetturi tal-elettriku u tal-gass naturalment xorta jistgħu jintużaw, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ jipparteċipa fil-pjattformi speċjalizzati tal-Unjoni. Minflok, se jintużaw soluzzjonijiet alternattivi biex jinnegozjaw l-elettriku fuq l-interkonnetturi mal-Gran Brittanja. Dawn għandhom jippermettu l-kummerċ tal-elettriku jkompli, għalkemm mhux bl-istess livell ta’ effiċjenza bħal fis-Suq Uniku llum.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
In-negozji u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom iqisu li, minn Jannar 2021, l-iskambji fuq l-interkonnetturi tal-elettriku mal-Gran Brittanja mhux se jiġu mmaniġġjati permezz tal-pjattaformi tal-Unjoni u se jsiru fluss tal-enerġija ta’ pajjiż terz. Il-partijiet interessati kkonċernati għandhom iqisu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw għall-ambjenti regolatorju l-ġdid.
D.Ivvjaġġar u turiżmu
Kontrolli fuq persuni
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, iċ-ċittadini tar-Renju Unit jiġu ttrattati bħala ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk, bħalissa ċ-ċittadini tar-Renju Unit jibbenefikaw mill-moviment liberu meta jidħlu fl-Unjoni Ewropea u ż-żona Schengen.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jivvjaġġaw lejn l-Unjoni Ewropea u ż-żona Schengen se jiġu trattati bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u għalhekk huma soġġetti għal kontrolli bir-reqqa fil-fruntiera taż-żona Schengen. Dan ifisser li s-soġġorn maħsub fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE ma jistax ikollu tul ta’ żmien ta’ aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, u ċ-ċittadini tar-Renju Unit se jkollhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Apparti hekk, ma jistgħu jibqgħux jużaw il-korsiji tal-UE/ŻEE/CH riżervati għal persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu meta jaqsmu l-fruntiera.
Ir-rekwiżiti tal-viża
Miżuri leġiżlattivi reċenti tal-UE dwar l-istat ta’ tħejjija żguraw li, mill-1 ta’ Jannar 2021, iċ-ċittadini tar-Renju Unit se jibqgħu eżentati mir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea għal soġġorni għal żmien qasir (sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum). Din l-eżenzjoni mill-viża ma tipprovdix għad-dritt ta’ xogħol fl-Unjoni u hija soġġetta għall-mekkaniżmu ta’ reċiproċità li japplika għal pajjiżi terzi, jiġifieri tista’ tiġi sospiża jekk iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jibqgħux jingħataw aċċess mingħajr viża għar-Renju Unit għal soġġorni qosra.
Ir-regoli tal-viża se jinbidlu wkoll għal ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fir-Renju Unit meta jivvjaġġaw lejn l-Unjoni. Pereżempju, mill-1 ta’ Jannar 2021, id-dokumenti ta’ residenza tar-Renju Unit mhux se jibqgħu jeżentaw lid-detentur mir-rekwiżiti tal-viża għal tranżitu fl-ajruport fl-Unjoni, u l-istudenti tal-iskola residenti fir-Renju Unit mhux se jibqgħu jibbenefikaw awtomatikament minn aċċess mingħajr viża għall-Unjoni meta jmorru fuq ħarġiet tal-iskola.
Ivvjaġġar b’annimali domestiċi
Matul il-perjodu tat-tranżizzjoni, is-sidien tal-annimali domestiċi li jkunu residenti fir-Renju Unit jistgħu jużaw il-“passaport tal-UE għall-annimali domestiċi” biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea bl-annimali domestiċi tagħhom.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, passaport tal-UE għall-annimali domestiċi maħruġ lil sid ta’ annimal domestiku li jkun residenti fir-Renju Unit mhux se jibqa’ dokument validu għall-ivvjaġġar b’annimali domestiċi mir-Renju Unit għal kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-UE. Ir-rekwiżiti għal annimali domestiċi li jakkumpanjaw lil dawk li jkunu qed jivvjaġġaw mir-Renju Unit fil-futur se jiġu stabbiliti mill-Unjoni.
Liċenzi tas-sewqan
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, tapplika l-liġi tal-Unjoni dwar ir-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, attwalment, id-detenturi ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa fir-Renju Unit jistgħu jkomplu jsuqu fl-UE mingħajr dokumentazzjoni addizzjonali.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mir-Renju Unit mhux se jibqgħu jibbenefikaw mir-rikonoxximent reċiproku skont il-liġi tal-Unjoni. Ir-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mir-Renju Unit se jiġu regolati fil-livell tal-Istati Membri. Fi Stati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1949 dwar it-Traffiku fit-Toroq, din il-Konvenzjoni se tapplika. Għal iktar informazzjoni għandha tiġi kkonsultata l-awtorità responsabbli tal-Istati Membri rispettivi.
Ir-roaming
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-liġi tal-Unjoni dwar ir-roaming tapplika fir-rigward tar-Renju Unit. Għalhekk, attwalment, ir-regolament li jiżgura roaming mingħajr imposti addizzjonali japplika fir-rigward tar-Renju Unit u fih.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-aċċess għar-Renju Unit għal konsumaturi tar-Renju Unit għal Roaming daqslikieku f’pajjiżek fl-Unjoni Ewropea mhux se jibqa’ garantit bil-liġi tal-Unjoni; lanqas ma jiġi garantit li l-konsumaturi tal-Unjoni jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit.
Kemm l-operaturi mobbli tar-Renju Unit kif ukoll dawk tal-UE, għalhekk, se jkunu jistgħu japplikaw ħlas addizzjonali fuq il-klijenti tar-roaming.
Drittijiet tal-passiġġieri
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru, bil-ferrovija, bil-karozza tal-linja, bil-kowċ u bil-vapur, inkluża l-assistenza għal passiġġieri b’diżabbiltà jew mobilità mnaqqsa, ikomplu japplikaw għall-passiġġieri li jitilqu mir-Renju Unit lejn Stat Membru tal-UE, irrispettivament minn jekk it-trasportatur ikunx fir-Renju Unit jew trasportatur tal-Unjoni.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bejn l-UE u r-Renju Unit se jiġi affettwat. Skont il-mod tat-trasport, il-passiġġieri ma jistgħux jibqgħu protetti bid-drittijiet tal-passiġġieri tal-passiġġieri tal-UE meta jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit jew minnu.
Pariri lil persuni, negozji u amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
Meta jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mir-Renju Unit, il-persuni li jkunu qed jivvjaġġaw għandhom iqisu l-bidliet relatati mal-kontrolli fuq il-fruntieri, mar-rekwiżiti ta’ viża, mal-passaporti ta’ annimali domestiċi, mal-liċenzji tas-sewqan u mat-tariffi tar-roaming.
In-negozji li jipprovdu servizzi tal-ivvjaġġar jenħtieġ li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-bidliet, u jista’ jkun li jkollhom bżonn jadattaw il-proċessi skont dan.
L-awtoritajiet nazzjonali jridu jiżguraw li jkun hemm biżżejjed persunal disponibbli fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, u jekk ikun meħtieġ, jadattaw l-infrastruttura. Għandhom jiżguraw ukoll li l-passiġġieri u l-vjaġġaturi jkunu infurmati tajjeb dwar kwalunkwe bidla fid-drittijiet u l-obbligi tagħhom.
E.Il-koordinazzjoni tal-mobilità u tas-sigurtà soċjali
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ikomplu jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni. Iċ-ċittadini tal-UE għadhom jistgħu jużaw ukoll id-drittijiet tal-moviment liberu biex imorru u jaħdmu, jistudjaw, jibdew negozju jew jgħixu fir-Renju Unit. Ir-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali japplikaw ukoll u – skont it-termini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ – ikomplu japplikaw, anki wara tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni, għal persuni li kienu f’sitwazzjoni transfruntiera li tinvolvi r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipproteġi wkoll id-drittijiet ta’ residenza u d-drittijiet ta’ xogħol ta’ ċittadini tal-UE li jirrisjedu legalment fir-Renju Unit u ċittadini tal-UE li jirrisjedu legaliment fi Stat Membru tal-UE wara tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni u l-membri tal-familji tagħhom.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-moviment liberu bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit se jintemm. Dan se jkollu riperkussjonijiet fuq il-faċilità tal-mobilità għaċ-ċittadini kollha tal-UE li mhumiex benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u li jixtiequ jibqgħu fir-Renju Unit għal perjodi itwal, kemm jekk huma studenti, ħaddiema, persuni rtirati jew il-membri tal-familja tagħhom. Il-movimenti kollha tagħhom lejn ir-Renju Unit se jkunu rregolati mil-liġijiet dwar l-immigrazzjoni tar-Renju Unit. Il-Kumpaniji tar-Renju Unit li jixtiequ jirreklutaw ċittadini tal-UE jistgħu jsegwu regoli tal-UE li ma japplikawx illum skont ir-reġim tal-Unjoni. Il-movimenti kollha lejn l-UE ta’ ċittadini tar-Renju Unit li mhumiex benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ se jkunu rregolati mir-regoli dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Il-kumpaniji tal-UE li jixtiequ jirreklutaw iċ-ċittadini tar-Renju Unit se jkollhom isegwu r-regoli rilevanti għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi tal-Unjoni u l-Istati Membri rispettivi tagħhom.
Għal dawk iċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw xi forma ta’ mobbiltà skont ir-reġim il-ġdid tar-Renju Unit, il-koordinazzjoni attwali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali prevista mir-regolamenti tal-Unjoni mhux se tibqa’ tapplika. L-istess jgħodd għal ċittadini tar-Renju Unit fl-UE, sakemm ma jkunux koperti minn regoli speċifiċi tal-Unjoni relatati ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Mhux se jkun hemm l-istess protezzjoni ta’ sigurtà soċjali transfruntiera bħal taħt ir-regoli attwali tal-Unjoni, peress li r-regoli tal-Unjoni mhux se jibqgħu japplikaw. Anki f’każ ta’ ftehim ta’ sħubija futur mar-Renju Unit, ċerti drittijiet ta’ sigurtà soċjali biss setgħu potenzjalment jiġu żgurati. It-termini eżatti li se japplikaw jiddependu fuq l-eżitu tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit dwar is-sħubija futura, pereżempju dwar l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa jew id-drittijiet tal-pensjoni.
F.Id-dritt tal-kumpaniji u d-dritt ċivili
F.1. Kumpaniji rreġistrati fir-Renju Unit
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku, li jinkludi l-libertà fundamentali ta’ stabbiliment. Għalhekk, bħalissa, kumpanija tista’ tiġi rreġistrata fir-Renju Unit filwaqt li jkollha l-amministrazzjoni ċentrali tagħha jew il-post prinċipali tan-negozju fi Stat Membru tal-UE.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-kumpaniji inkorporati fir-Renju Unit se jkunu kumpaniji ta’ pajjiżi terzi u mhux se jkunu awtomatikament rikonoxxuti skont l-Artikolu 54 tat-TFUE. Ir-rikonoxximent tagħhom se jsir soġġett għal-liġi nazzjonali għal kumpaniji inkorporati ta’ pajjiżi terzi.
Fergħat fl-Istati Membri tal-UE ta’ kumpaniji inkorporati fir-Renju Unit se jkunu fergħat ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi. Il-kumpaniji sussidjarji tal-kumpaniji tar-Renju Unit fl-Unjoni huma, fil-prinċipju, kumpaniji tal-UE u se jkomplu jkunu koperti mil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-Unjoni u nazzjonali.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
F’każ li kumpaniji inkorporati fir-Renju Unit jixtiequ jsiru kumpaniji tal-UE, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jinkorporaw fi Stat Membru tal-UE.
F.2. Għażla kuntrattwali tal-ġuriżdizzjoni
Matul il-perjodu tat-tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem f’elementi taż-żona ġudizzjarja ċivili Ewropea. Għalhekk, attwalment, sentenzi kemm f’materji ċivili kif ukoll kummerċjali li jingħataw minn qorti tar-Renju Unit huma infurzabbli malajr fl-Unjoni Ewropea. Fil-prattika, il-kuntratti kummerċjali spiss jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit għal litigazzjoni.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-regoli tal-Unjoni li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u l-infurzar transkonfinali tas-sentenzi fl-UE u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni mhux se jibqgħu japplikaw. Jekk ir-Renju Unit jaderixxi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum b’mod separat wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, din il-Konvenzjoni tapplika biss għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija minn qrati indikati fi ftehimiet esklussivi dwar l-għażla tal-forum li ġew konklużi wara li r-Renju Unit ikun sar parti minn dik il-Konvenzjoni. Għalhekk, għalissa, ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tar-Renju Unit se jkunu rregolati mir-regoli nazzjonali tal-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent/l-eżekuzzjoni.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
In-negozji kollha jingħataw il-parir li jikkunsidraw din is-sitwazzjoni meta jivvalutaw l-għażliet kuntrattwali ta’ ġuriżdizzjoni internazzjonali.
In-negozji għandhom ikunu konxji li s-sentenzi mogħtija minn qorti tar-Renju Unit jistgħu ma jkunux aktar infurzabbli malajr fl-Unjoni Ewropea meta mqabbla mas-sitwazzjoni tal-lum.
G.Aspetti oħra: id-data, id-drittijiet diġitali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
G.1. Il-proprjetà intellettwali
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku tal-UE. Għalhekk, attwalment, detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, bħal trademark tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jinvoka tali trademark biex jopponi l-konsenja tal-merkanzija mir-Renju Unit lejn l-Unjoni Ewropea, sakemm il-merkanzija tkun tqiegħdet fuq is-suq tar-Renju Unit taħt dik it-trademark mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu (“prinċipju ta’ eżawriment” tad-drittijiet mogħtija mid-dritt ta’ proprjetà intellettwali), u viċi versa.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, in-negozjanti fl-Unjoni Ewropea ma jistgħux jibqgħu jinvokaw l-eżawriment fil-konfront tad-detenturi tad-drittijiet meta jixtru prodotti mir-Renju Unit.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
In-negozji involuti f’kummerċ parallel mir-Renju Unit għandhom jerġgħu jżuru l-arranġamenti kummerċjali tagħhom.
Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2021, filwaqt li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-UE eżistenti (trademarks tal-UE, disinji Komunitarji, drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti u indikazzjonijiet ġeografiċi) jibqgħu protetti skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, kwalunkwe dritt unitarju ġdid tal-UE se jkollu kamp ta’ applikazzjoni territorjali mnaqqas minħabba li mhux se jibqa’ jkollhom effett fir-Renju Unit.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
Il-partijiet ikkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni fir-Renju Unit ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali futuri, fejn rilevanti.
G.2. Trasferimenti u protezzjoni tad-data
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit huwa marbut mill-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni. Għalhekk, bħalissa, id-data personali tista’ tiġi trażmessa mill-Unjoni Ewropea lir-Renju Unit mingħajr restrizzjonijiet.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, it-trasferimenti ta’ data personali lejn ir-Renju Unit jistgħu jkomplu, iżda se jkollhom jikkonformaw ma’ regoli u salvagwardji speċifiċi tal-Unjoni relatati mat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi, kif stabbilit fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) jew fid-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi.
B’mod partikolari, il-Kapitolu V tal-GDPR jipprevedi għadd ta’ għodod li jiżguraw li, meta tiġi trasferita data personali lil pajjiżi terzi, il-livell ta’ protezzjoni ta’ persuni fiżiċi garantiti fi ħdan l-Unjoni, ma jiġix imminat. Fost dawk l-għodod, l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta deċiżjoni unilaterali “ta’ adegwatezza”, abbażi tal-Artikolu 45 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, jekk tqis li l-pajjiż terz joffri livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data.
Kif enfasizzat fid-Dikjarazzjoni Politika, l-UE se tuża l-aħjar sforzi tagħha biex tikkonkludi l-valutazzjoni tar-reġim tar-Renju Unit sa tmiem l-2020 bil-ħsieb li possibbilment tiġi adottata deċiżjoni jekk ir-Renju Unit jissodisfa l-kundizzjonijiet applikabbli. Il-Kummissjoni bħalissa qed twettaq din il-valutazzjoni u organizzat għadd ta’ laqgħat tekniċi mar-Renju Unit biex tiġbor l-informazzjoni sabiex tinforma l-proċess. Min-naħa tar-Renju Unit, l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tiegħu kkonferixxa l-adegwatezza lill-Istati Membri tal-UE sa tmiem l-2024, bil-ħtieġa li jerġa’ jiġi eżaminat sa dik id-data.
Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri
In-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ta’ kwalunkwe trasferiment ta’ data personali lejn ir-Renju Unit mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, irrispettivament mix-xenarju fejn se tittieħed deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-UE fir-rigward tar-Renju Unit. Il-konformità tista’ tinkiseb billi jkun hemm fis-seħħ salvagwardji xierqa kif previst mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, inklużi regoli korporattivi vinkolanti, jew permezz ta’ derogi speċifiċi.
G.3. Isem tad-dominju .eu
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-liġi tal-Unjoni dwar l-ismijiet tad-dominju tal-ogħla livell.eu tapplika fir-rigward tar-Renju Unit. In-negozji stabbiliti fir-Renju Unit u ċ-ċittadini u r-residenti tar-Renju Unit jibqgħu eliġibbli biex jirreġistraw u jżommu isem tad-dominju tad-.eu.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, in-negozji li huma stabbiliti fir-Renju Unit, iżda mhux fl-Unjoni Ewropea, u r-residenti tar-Renju Unit li mhumiex ċittadini tal-UE mhux se jibqgħu eliġibbli biex jirreġistraw jew biex ikollhom ismijiet ta’ dominji .eu.
Jekk dawn il-persuni ma jkunux jistgħu juru li huma għadhom eliġibbli biex ikunu detenturi ta’ ismijiet tad-dominju .eu, l-ismijiet tad-dominju tagħhom se jiġu rtirati
wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Madankollu, iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit se jkunu jistgħu jżommu l-ismijiet tad-dominji, jew jirreġistraw oħrajn ġodda, anki wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
H.Ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jibqa’ marbut bi ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea informat lis-sħab internazzjonali tagħha li r-Renju Unit huwa ttrattat, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, bħala Stat Membru, għall-finijiet ta’ dawk il-ftehimiet.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ kopert mill-ftehimiet konkużi mill-Unjoni, mill-Istati Membri li jaġġixxu f’isem l-Unjoni, jew mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha b’mod konġunt. L-Unjoni Ewropea informat lis-sħab internazzjonali tagħha dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni permezz ta’ “Note Verbale” mibgħuta wara l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
B’ konsegwenza ta’ dan, ir-Renju Unit, inklużi ċ-ċittadini tar-Renju Unit u l-operaturi ekonomiċi, mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw minn diversi mijiet ta’ ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni bħall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, il-ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku, il-ftehimiet veterinarji jew il-ftehimiet bilaterali relatati mat-trasport bl-ajru jew mas-sikurezza tal-avjazzjoni. In-negozji stabbiliti fl-Unjoni se jkomplu jibbenefikaw mill-ftehimiet internazzjonali kollha eżistenti tal-Unjoni.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-istatus tar-Renju Unit fir-rigward tal-ftehimiet multilaterali li jkun parti fihom għan-nom tiegħu stess. Pereżempju, ir-Renju Unit se jibqa’ membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għan-nom tiegħu stess u se jkun kopert mill-ftehimiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward b’mod partikolari tal-koċċessjonijiet u l-impenji tiegħu rigward il-kummerċ fl-oġġetti, servizzi jew drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.
III. It-tħejjija għal kwalunkwe xenarju
Il-bidliet deskritti fil-parti II ta’ din il-Komunikazzjoni se jseħħu fi kwalunkwe każ, kemm jekk l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jaqblu dwar sħubija ġdida ambizzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2020, u kemm jekk le.
Madankollu huwa ċar li jekk ma jintlaħaqx ftehim, dan iwassal għal tfixkil li jkun aktar estensiv mill-bidliet deskritti fil-parti II. F’każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim, it-tariffi tan-“Nazzjon l-Aktar Iffavorit” ta’ kull naħa jkunu japplikaw għall-esportazzjonijiet minn naħa l-oħra; jiġifieri oġġetti importati mir-Renju Unit lejn l-Unjoni jkunu imposti t-“Tariffa Doganali Komuni” tal-UE, filwaqt li oġġetti importati mill-Unjoni fir-Renju Unit ikunu soġġetti għal tariffi tar-Renju Unit.
Din il-Komunikazzjoni ma tfittixx li tippreġudika l-eżitu tan-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. F’dan ir-rigward, l-enfasi ewlenija tagħha hija fuq kwistjonijiet li bħalissa mhumiex qed jiġu nnegozjati. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan iħalli inċertezza konsiderevoli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, iċ-ċittadini, in-negozji u partijiet ikkonċernati oħra fl-ekonomija u s-soċjetà. Eżempju ta’ tali inċertezza huwa dak li se jiġri bil-parteċipazzjoni possibbli tar-Renju Unit f’Erasmus+ u f’Orizzont Ewropa minn Jannar 2021. Huwa biss ir-riżultat ta’ negozjati li jkunu għadhom għaddejjin li jistgħu jneħħu din l-inċertezza.
Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ftehim dwar sħubija ġdida sal-31 ta’ Diċembru 2020 ikunu sinifikanti. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li x-xenarju ta’ “ebda ftehim” fuq ir-relazzjoni futura jkun differenti mix-xenarju ta’ “ebda ftehim” matul in-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, u dan għal diversi raġunijiet:
1.L-ewwel nett, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi ċertezza legali f’għadd ta’ oqsma importanti fejn il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ħoloq inċertezza. Dan jinkludi l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju, l-istabbiliment ta’ soluzzjoni operattiva legali biex tiġi evitata fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda, il-protezzjoni kontinwa tal-istokk tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali unitarji tal-UE (inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti), u dispożizzjonijiet għall-istralċ ordnat tal-proċeduri kollha li għaddejjin bejn l-UE u r-Renju Unit (ara l-Kaxxa).
2.It-tieni nett, il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati b’ħin addizzjonali, għalkemm limitat, ħin biex iħejju ruħhom għal kwalunkwe xenarju, inkluż wieħed fejn ma jkunx hemm qbil dwar sħubija futura fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.
3.It-tielet, għadd limitat ta’ miżuri leġiżlattivi tal-Unjoni adottati fl-2019 fid-dawl ta’ tħejjija għal kwalunkwe xenarju f’termini tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, se jibqgħu fis-seħħ jew isiru applikabbli fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dawn jinkludu, pereżempju, l-elenkar tar-Renju Unit bħala pajjiż terz li ċ-ċittadini tiegħu huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni għal żmien qasir, kif ukoll it-tqassim tal-kwoti tar-rata tariffarja tad-WTO (TRQs) bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.
Filwaqt li tqis dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u se tagħmel ħilitha biex tħares l-interessi tal-Unjoni Ewropea, taċ-ċittadini tagħha u tal-ekonomija tagħha fi kwalunkwe xenarju.
KAXXA: Il-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq
Il-Ftehim dwar il-Ħruġ konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.
Huwa jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati li għandhom l-għan li jillimitaw l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u s-Suq Uniku tagħha u l-Unjoni Doganali, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:
Id-drittijiet taċ-ċittadini: Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu legalment skont id-dritt tal-Unjoni fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu legalment skont id-dritt tal-Unjoni f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE fl-istess ħin, u tal-membri tal-familja tagħhom, biex ikomplu jgħixu, jistudjaw u jaħdmu fl-Istat ospitanti rispettiv tagħhom.
Saldu finanzjarju: Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea se jonoraw l-obbligi finanzjarji kollha li ħadu meta r-Renju Unit kien membru tal-Unjoni Ewropea, anki għal impenji li jwasslu għan-nefqa attwali li tokkorri wara l-2020.
Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq: Il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq se jsir applikabbli fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jirrappreżenta soluzzjoni stabbli li se tkompli tapplika flimkien ma’ kwalunkwe ftehim dwar is-sħubija futura, soġġett għall-kunsens futur tal-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq għall-applikazzjoni kontinwa tiegħu.
Dan jipprovdi soluzzjoni legalment operattiva li tevita fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda, tipproteġi l-ekonomija tal-gżejjer kollha u l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast) fid-dimensjonijiet kollha tagħha, u tissalvagwardja l-integrità tas-Suq Uniku tal-UE kif ukoll tas-suq intern tar-Renju Unit.
F’konformità ma’ dan il-Protokoll, l-Irlanda ta’ Fuq se tibqa’ allinjata ma’ sett limitat ta’ regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-oġġetti, u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ir-regoli tal-VAT u s-sisa se japplikaw għall-oġġetti kollha li jidħlu jew jitilqu mill-Irlanda ta’ Fuq. Dan jevita kwalunkwe verifika doganali u kontrolli fuq il-gżira tal-Irlanda.
Il-verifiki u l-kontrolli se jsiru fuq oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-bqija tar-Renju Unit, pereżempju fuq prodotti tal-ikel u annimali ħajjin biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti sanitarji u fitosanitarji (“SPS”). L-oġġetti kollha li jidħlu jew jitilqu mill-Irlanda ta’ Fuq iridu jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli u l-istandards rilevanti tal-Unjoni
Id-dazji doganali tal-UE se japplikaw għal oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq sakemm il-Kumitat Konġunt ma jistabbilixxix qafas ta’ kundizzjonijiet li fihom dawn l-oġġetti jitqiesu li mhumiex f’riskju li jidħlu fis-suq uniku tal-UE. Abbażi ta’ tali qafas, l-ebda dazji doganali ma jitħallsu jekk ikun jista’ jintwera li l-oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-bqija tar-Renju Unit ma jkunux f’riskju li jidħlu fis-Suq Uniku tal-UE.
Il-formalitajiet u l-proċeduri doganali tal-Unjoni se japplikaw għal oġġetti li jiddaħħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn barra l-UE jew li jiġu esportati mill-Irlanda ta’ Fuq.
Ir-regoli tal-UE dwar il-VAT u s-sisa japplikaw għal oġġetti li jidħlu (jew joħorġu) mill-Irlanda ta’ Fuq minn (jew lejn) il-bqija tar-Renju Unit.
Kwistjonijiet marbuta mas-separazzjoni: Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jiżgura wkoll stralċ ordnat tal-arranġamenti eżistenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jkunu għaddejjin fiż-żmien tal-ħruġ:
·huwa jippermetti li l-merkanzija mqiegħda fis-suq qabel tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni jibqgħu jsiru disponibbli fis-suq tal-UE jew tar-Renju Unit sakemm jaslu għand l-utent finali tagħhom, mingħajr ħtieġa ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid, tikkettar mill-ġded jew modifiki tal-prodott;
·huwa jipprevedi proċessi għall-ġestjoni u t-terminazzjoni ta’ movimenti fi ħdan l-Unjoni ta’ oġġetti, proċeduri doganali li għadhom għaddejjin kif ukoll kwistjonijiet tal-VAT u tas-sisa;
·huwa jipproteġi d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inkluż l-istokk eżistenti ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE;
·huwa jkopri l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jkunu għaddejjin fil-mument ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jiggarantixxi d-drittijiet ta’ dawk ikkonċernati mill-proċeduri skont il-liġi tal-Unjoni;
·huwa jinkludi dispożizzjonijiet għall-istralċ ta’ kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali.
·huwa jinkludi dispożizzjonijiet għall-istralċ ta’ proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji (eż. għajnuna mill-istat u każijiet ta’ ksur);
·huwa jindirizza l-użu ta’ data u informazzjoni skambjati qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jiżgura li d-data ttrasferita qabel tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni tibqa’ protetta skont il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni;
·huwa jipprovdi għall-iskonnessjoni tar-Renju Unit minn networks, sistemi ta’ informazzjoni u bażijiet ta’ data stabbiliti abbażi tal-liġi tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni, b’mod partikolari dawk in-networks li huma aċċessibbli biss għall-Istati Membri tal-Unjoni jew għall-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen;
·huwa jittratta l-kooperazzjoni ġudizzjarja li għadha għaddejja dwar kwistjonijiet kummerċjali sabiex jiġi żgurat li wieħed ikun jista’ joqgħod fuq sentenzi tal-qorti;
·huwa jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mat-tluq tar-Renju Unit mill-Euratom.
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ġie stabbilit il-Kumitat Konġunt, li jissorvelja l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Huwa kopresedut mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič u mill-Kanċillier tad-Dukat ta’ Lancaster tar-Renju Unit, l-Onorevoli Michael Gove u ltaqa’ darbtejn (permezz ta’ telekonferenza), fit-30 ta’ Marzu u fit-12 ta’ Ġunju 2020. Il-Kumitati Speċjalizzati dwar Ġibiltà, dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini, dwar id-Dispożizzjonijiet Finanzjarji, dwar iż-Żoni ta’ Bażi Sovana f’Ċipru u dwar il-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq bdew ħidmiethom.
|
IV.Konklużjoni: it-tlestija hija essenzjali
L-Unjoni Ewropea se tagħmel l-almu tagħha biex tilħaq ftehim futur ambizzjuż mar-Renju Unit.
Madankollu, din il-Komunikazzjoni turi li, anki fil-każ tal-aktar sħubija futura ambizzjuża – abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Unjoni Ewropea għal sħubija ġdida mar-Renju Unit, adottati fil-25 ta’ Frar 2020, u abbażi tal-abbozz tat-test dwar il-Ftehim dwar is-Sħubija Ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit,
ippubblikat fis-17 ta’ Marzu 2020 – se jkun hemm bidliet u konsegwenzi estensivi u awtomatiċi għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, in-negozji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-investituri, l-istudenti u r-riċerkaturi mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dawn il-bidliet huma inevitabbli – ikun x’ikun l-eżitu tan-negozjati li għaddejjin – minħabba d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, mis-Suq Uniku tagħha u mill-Unjoni Doganali. Il-moviment liberu ta’ persuni, oġġetti u servizzi kif previst mil-liġi tal-Unjoni ma jibqax japplika fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dan se jkollu effetti fuq firxa wiesgħa b’mod partikolari għall-kummerċ transfruntier tal-prodotti u s-servizzi, kif ukoll għall-mobbiltà tan-nies.
Għalhekk, il-Kummissjoni tappella lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, liċ-ċittadini, lin-negozji u lil partijiet ikkonċernati oħra biex jiżguraw li jkunu lesti għal dawn il-bidliet inevitabbli. In-nuqqas li jittieħdu miżuri ta’ tħejjija se jżid l-impatt negattiv u l-ispejjeż għall-operazzjonijiet tagħhom fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar, huwa f’idejn in-negozji u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn li jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess u jimplimentaw l-azzjonijiet ta’ tħejjija tagħhom stess fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħhom, iżda l-ebda wieħed ma għandu jissottovaluta l-isfidi loġistiċi li se jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2021, minbarra l-bidliet legali deskritti f’din il-Komunikazzjoni.
Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex ikomplu l-attivitajiet nazzjonali tal-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni li jinkoraġġixxu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-partijiet ikkonċernati biex jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-istat tat-tlestija. Jeħtieġ li dawn l-isforzi jiġu adattati għas-sitwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri individwali. Matul ix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri kollha sabiex tirrevedi l-istat tat-tlestija tagħhom għall-aspetti kollha, u tiffaċilita l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni mill-amministrazzjonijiet pubbliċi lejn il-partijiet ikkonċernati.
Il-partijiet ikkonċernati huma mistiedna wkoll jikkonsultaw l-avviżi li ġew ippubblikati matul in-negozjati dwar l-Artikolu 50 mar-Renju Unit u biex jikkonsultaw il-paġni web dwar l-istat ta’ tħejjija tal-Kummissjoni għal aktar aġġornamenti tal-avviżi ta’ tħejjija preċedenti. Il-Kummissjoni se taħdem mal-assoċjazzjonijiet rilevanti kollha tal-partijiet interessati biex tiġbed l-attenzjoni tagħhom għal din l-informazzjoni.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tappella lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, tan-negozji u tal-kummerċ kollha, kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej, biex jiżguraw li l-membri tagħhom ikunu kompletament konxji mill-bidliet li se jseħħu irrispettivament mir-relazzjoni futura mar-Renju Unit.
Anness 1: Lista ta’ Avviżi Aġġornati dwar l-Istat tat-Tlestija għal tmiem it-tranżizzjoni
Id-59 avviż dwar l-istat tat-tlestija ġew ippubblikati mis-16 ta’ Marzu 2020 bil-ħsieb li jiġu apoġġati t-tħejjijiet tal-partijiet ikkonċernati għal tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dawn jinsabu hawn:
https://ec.europa.eu/info/european-union-and-united-kingdom-forging-new-partnership/future-partnership/getting-ready-end-transition-period
Il-lista se tkompli tiġi aġġornata fuq bażi regolari hekk kif isiru disponibbli avviżi ġodda.
·It-trasport bl-ajru
·It-tnissil tal-annimali (żooteknika)
·It-trasport ta’ annimali.
·L-immaniġġjar tal-assi
·Is-servizzi tal-midja awdjoviżiva
·L-avjazzjoni u s-sigurtà marittima
·Is-sikurezza tal-avjazzjoni
·Is-servizzi bankarji u ta’ pagament
·Il-prodotti bijoċidali
·Il-kimiċi (REACH)
·Il-provi kliniċi
·Id-dritt soċjetarju
·Il-protezzjoni tal-konsumatur u drittijiet tal-passiġġieri
·Id-drittijiet tal-awtur
·Il-prodotti kożmetiċi
·L-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu
·Il-protezzjoni tad-data
·Il-kummerċ elettroniku
·Il-firma elettronika (l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi)
·Il-komunikazzjoni elettronika, inkluż ir-roaming
·Is-sistema għall-iskambju tal-emissjonijiet
·L-ismijiet tad-dominju .eu
·L-ekotikketta tal-UE
·Il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet
·Id-dazji tas-sisa
·Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali
·L-għalf
·Il-liġi dwar l-Ikel
·L-organiżmi ġenetikament modifikati
·L-imblukkar ġeografiku
·L-indikazzjonijiet ġeografiċi
·Il-prattika tajba tal-laboratorju (GLP)
·Il-prodotti industrijali
·“Speċijiet aljeni invażivi”
·It-trasport marittimu
·Il-prodotti mediċinali (l-użu uman, veterinarju)
·Il-moviment ta’ annimali ħajjin
·L-ilmijiet minerali naturali
·Ix-xiri online u l-kunsinna sussegwenti tal-pakketti
·Produzzjoni organika
·Is-saħħa tal-pjanti
·Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti
·Il-materjal riproduttiv tal-pjanti
·Id-drittijiet fuq varjetajiet ta’ pjanti
·Il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-importazzjoni/esportazzjoni (inklużi liċenzji tal-importazzjoni/esportazzjoni)
·Il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla
·L-oġġetti pirotekniċi
·It-trasport bil-ferrovija
·Id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-opri tal-baħar personali
·Is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni
·Ir-riċiklaġġ tal-vapuri
·Is-sustanzi tal-oriġini umana (demm, tessuti u ċelluli, organi)
·Iċ-ċertifikati supplimentari ta’ protezzjoni għal prodotti mediċinali u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti
·Il-prodotti tat-tabakk
·It-trademarks u d-diżinji
·Apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr
·Value Added Tax (VAT – Oġġetti)
·Value Added Tax (VAT – Servizzi)
·Il-vjeġġi tal-iskart