IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.3.2020
COM(2020) 103 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali
1.Introduzzjoni
Il-25 miljun intrapriża żgħar u medji (SMEs) tal-Ewropa huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE. Jimpjegaw madwar 100 miljun persuna, jirrappreżentaw aktar minn nofs il-PDG tal-Ewropa u għandhom rwol ewlieni fiż-żieda tal-valur f’kull settur tal-ekonomija. L-SMEs joffru soluzzjonijiet innovattivi għal sfidi bħal pereżempju t-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-koeżjoni soċjali u jgħinu biex din l-innovazzjoni tinfirex fir-reġjuni tal-Ewropa. Għalhekk huma ta’ importanza ċentrali fit-tranżizzjonijiet tewmin tal-UE għal ekonomija sostenibbli u diġitali. Huma essenzjali għall-kompetittività u għall-prosperità, għas-sovranità ekonomika u teknoloġika u għar-reżiljenza għax-xokkijiet esterni tal-Ewropa. B’hekk, l-SMEs huma parti ċentrali tal-kisba tal-istrateġija industrijali tal-UE.
L-SMEs huma fil-qalba tan-nisġa ekonomika u soċjali tal-Ewropa. Jipprovdu tnejn minn kull tliet impjiegi, joffru opportunitajiet ta’ taħriġ fir-reġjuni u fis-setturi kollha inkluż għall-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, u jappoġġaw il-benessri tas-soċjetà, inkluż fiż-żoni imbiegħda u rurali. Kull ċittadin Ewropew jaf lil xi ħadd li huwa imprenditur jew jaħdem għal imprenditur. L-isfidi ta’ kuljum tal-SMEs Ewropej biex jikkonformaw mar-regoli u biex ikollhom aċċess għall-informazzjoni, għas-swieq u għall-finanzi għalhekk huma sfidi għall-Ewropa kollha kemm hi.
L-SMEs huma diversi ħafna f’termini ta’ mudelli tan-negozju, daqs, età u profili tal-imprendituri, u jużaw ġabra ta’ talenti differenti ta’ nisa u ta’ rġiel. Ivarjaw minn professjonijiet liberi u mikrointrapriżi fis-settur tas-servizzi sa kumpaniji industrijali medji, mis-snajja’ tradizzjonali san-negozji l-ġodda li jużaw teknoloġija avvanzata. Din l-istrateġija tirrikonoxxi l-ħtiġijiet differenti tagħhom, u tgħin lill-kumpaniji mhux biss jikbru u jespandu, iżda wkoll biex ikunu kompetittivi, reżiljenti u sostenibbli. Għalhekk tistabbilixxi approċċ ambizzjuż, komprensiv u trasversali, ibbażat fuq miżuri orizzontali li jgħinu lit-tipi kollha ta’ SMEs kif ukoll azzjonijiet li jimmiraw lejn il-ħtiġijiet speċifiċi.
L-istrateġija tippreżenta azzjonijiet ibbażati fuq it-tliet pilastri li ġejjin:
·Il-bini tal-kapaċitajiet u l-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni;
·It-tnaqqis tal-piż regolatorju u t-titjib tal-aċċess għas-suq; u
·It-titjib fl-aċċess għall-finanzjament.
L-objettiv huwa li jiġi liberat il-potenzjal ta’ kull tip ta’ SME tal-Ewropa biex iwasslu għat-tranżizzjonijiet tewmin. L-istrateġija għandha l-għan li żżid b’mod konsiderevoli l-għadd ta’ SMEs li jadottaw prattiki kummerċjali sostenibbli kif ukoll l-għadd ta’ SMEs li jużaw it-teknoloġiji diġitali. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan huwa li l-Ewropa ssir l-aktar post attraenti biex wieħed jibda negozju żgħir, u jkabbru u jespandih fis-suq uniku.
Biex tagħti riżultati, l-istrateġija trid titmexxa b’mod konġunt minn azzjonijiet fil-livell tal-UE u impenn qawwi tal-Istati Membri. L-involviment attiv tal-komunità tal-SMEs u tal-kumpaniji nnifishom se jkun kruċjali. Għalhekk l-istrateġija se tkun mirfuda minn sħubija robusta għat-twettiq bejn l-UE u l-Istati Membri, inkluż l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Jenħtieġ ukoll li l-imprendituri jieħdu l-opportunità tal-programmi ta’ investiment tal-UE biex in-negozji tagħhom isiru aktar diġitali u sostenibbli, kif ukoll biex jikbru fis-suq uniku u lil hinn minnu.
L-istrateġija tibni fuq is-sisien b’saħħithom ħafna tal-qafas ta’ politika dwar l-SMEs u l-programmi ta’ appoġġ għall-SMEs eżistenti tal-UE, b’mod partikolari s-“Small Business Act” tal-2008, l-Inizjattiva għan-Negozji l-ġodda u għan-Negozji li qed jespandu tal-2016, il-Programm għall-Kompetittività għall-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju (COSME), u l-azzjonijiet ta’ appoġġ għall-SMEs iffinanzjati bil-programm Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Se tkun strumentali fl-implimentazzjoni ta’, fost l-oħrajn, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija Ewropea għad-Data u l-Pilastru Soċjali Ewropew.
L-istrateġija hija parti mill-pakkett dwar l-industrija li jinkludi l-Komunikazzjoni u r-Rapport ta’ akkumpanjament dwar l-Identifikazzjoni u l-Indirizzar tal-Ostakli għas-Suq Uniku (il-“Komunikazzjoni dwar l-Ostakli għas-Suq Uniku”), il-Pjan ta’ Azzjoni fit-Tul għal Implimentazzjoni u Infurzar aħjar tar-Regoli tas-Suq Uniku (il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Infurzar”) u l-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa (l-“Istrateġija Industrijali”). Tibni fuq bosta sejbiet mill-Komunikazzjoni dwar l-Ostakli għas-Suq Uniku fir-rigward tal-ostakli li jiffaċċjaw l-SMEs li jridu joperaw bejn il-fruntieri. It-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE huma kruċjali biex jiffaċilitaw it-tkabbir tal-SMEs fi ħdan is-suq uniku. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Infurzar jistabbilixxi bosta inizjattivi biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. L-Istrateġija Industrijali tenfasizza r-rwol tal-SMEs għal industrija Ewropea kompetittiva u innovattiva.
2.Il-bini tal-kapaċitajiet u l-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni
Is-sostenibbiltà kompetittiva hija l-prinċipju gwida tal-Ewropa għall-ġejjieni. Il-kisba ta’ ekonomija diġitali newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u aġli teħtieġ il-mobilizzazzjoni sħiħa tal-SMEs. Din it-tranżizzjoni lejn Ewropa ekonomikament, ambjentalment u soċjalment aktar sostenibbli trid timxi id f’id ma’ tranżizzjoni lejn id-diġitalizzazzjoni. Għal dan, miżuri mfassla apposta huma prerekwiżit biex jiġi żviluppat saff ta’ ekonomija ta’ SMEs prosperużi kif ukoll biex dawk l-SMEs li jixtiequ jespandu jingħataw opportunitajiet ta’ tkabbir. Huwa meħtieġ investiment fl-UE kollha sabiex tinħoloq l-infrastruttura tan-negozju u tal-innovazzjoni xierqa għall-SMEs.
SMEs li qed imexxu t-tranżizzjoni sostenibbli
Bosta SMEs huma mgħammra sew, filwaqt li huma flessibbli, jużaw teknoloġija avvanzata, innovattivi u impenjati lejn il-valuri li jsostnu lis-sostenibbiltà u lill-ekonomija ċirkolari. Kważi kwart tal-SMEs fl-Ewropa diġà qed jippermettu li ssir it-tranżizzjoni billi joffru prodotti jew servizzi ekoloġiċi u bosta SMEs (inkluż l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali) diġà qed jagħmlu ħafna għall-komunitajiet fejn huma bbażati. Hemm ukoll sfidi kbar. L-SMEs jitħabtu mat-tranżizzjoni lejn mudelli kummerċjali aktar sostenibbli. Terz tal-SMEs jirrapportaw li jħabbtu wiċċhom ma’ proċeduri amministrattivi u legali kumplessi meta jippruvaw jagħmlu n-negozju tagħhom aktar effiċjenti fir-riżorsi. Madankollu, hekk kif is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji relatati mal-klima u pressjonijiet ambjentali oħrajn tikber u l-preferenzi tal-konsumaturi jinbidlu, din it-tranżizzjoni lejn prattiki u imġiba kummerċjali sostenibbli hija kruċjali għall-kompetittività u għat-tkabbir kontinwi tal-SMEs. Huwa essenzjali li jiġu appoġġati l-SMEs f’dan il-proċess u jiġu mgħammra bi strumenti biex jifhmu r-riskji ambjentali u jimmitigaw dawk li jkopru setturi speċifiċi, inkluż l-kostruzzjoni, il-plastik, l-elettronika u l-agroalimentazzjoni.
Is-600 membru u aktar tan-Netwerk Enterprise Europe (EEN) joffru servizzi mfassla apposta għall-SMEs. Bosta membri tal-EEN diġà qed jgħinu lill-SMEs biex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà. Fuq il-bażi ta’ dan, l-EEN se jipprovdi Konsulenti tas-Sostenibbiltà Ddedikati u servizzi oħra għas-sostenibbiltà. Dawn se jivvalutaw il-ħtiġijiet tal-SMEs u jipprovdu pariri dwar investiment fi proċessi u infrastruttura aktar effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari, filwaqt li jsibu sħab kummerċjali aktar rilevanti, u jħeġġu l-kollaborazzjoni bejn il-pari. Barra minn hekk, iċ-Ċentru Ewropew tal-Għarfien dwar l-Użu Effiċjenti fir-Riżorsi (EREK) se jkompli jgħin lill-SMEs jiffrankaw fil-kostijiet relatati mal-enerġija, il-materjali u l-ilma. Is-soluzzjonijiet proposti mill-kumpanniji tas-servizzi tal-enerġija (ESCOs) li għandhom in-know-how flimkien ma’ soluzzjonijiet tekniċi u ta’ finanzjament jistgħu jkunu ta’ benefiċċju lill-SMEs.
It-teknoloġija ekoloġika bdiet fl-Ewropa u t-tmexxija tal-Ewropa se tiddependi fuq l-SMEs biex jixprunaw l-innovazzjonijiet fis-settur ekoloġiku. Dan se jiġi appoġġat permezz tal-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Bħala parti mill-pilotaġġ aktar wiesa’ tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) biex jippromwovi l-innovazzjoni fixkiela speċjalment mill-SMEs, fl-2020 biss il-Kummissjoni se talloka mill-inqas EUR 300 miljun lil negozji ġodda u SMEs b’potenzjal għoli biex jiksbu innovazzjoni rivoluzzjonarja fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku. L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) se jiżgura li l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) tiegħu jkunu aktar miftuħa għall-SMEs u se jżid l-opportunità tagħhom biex jipparteċipaw f’ekosistemi tal-innovazzjoni lokali b’mod partikolari f’reġjuni li għadhom lura f’termini ta’ innovazzjoni. Dan se jiġi implimentat permezz ta’ strument ta’ sensibilizzazzjoni ddedikat (l-iskema ta’ innovazzjoni reġjonali) li se jsaħħaħ l-ekosistemi fejn huwa l-aktar importanti.
L-għoti tas-setgħa lill-SMEs biex jisfruttaw il-benefiċċji tat-tranżizzjoni diġitali
Komunità prosperuża ta’ SMEs li jużaw teknoloġiji u data diġitali biss tista’ tippożizzjona lill-Ewropa fuq quddiem fit-tiswir tal-ekonomija diġitali. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tipprovdi opportunitajiet kbar biex l-SMEs itejbu l-effiċjenza tal-proċess tal-produzzjoni u l-abbiltà li jinnovaw il-prodotti u l-mudelli kummerċjali. L-użu ta’ teknoloġija fixkiela avvanzati, bħal pereżempju il-blockchain u l-Intelliġenza Artifiċjali (IA), il-Cloud u l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (HPC), jista’ jsaħħaħ ħafna l-kompetittività tagħhom.
Iżda l-SMEs għadhom ma jibbenefikawx bis-sħiħ mid-data, is-sinsla tal-ekonomija diġitali. Ħafna minnhom għadhom mhumiex konxji mill-valur tad-data li joħolqu, u mhumiex protetti jew imħejjija biżżejjed għall-ekonomija li jmiss, aġli mil-lat ta’ data. 17 % biss tal-SMEs integraw b’suċċess it-teknoloġiji diġitali fin-negozji tagħhom, meta mqabbla ma’ 54 % tal-kumpaniji l-kbar. L-SMEs tradizzjonali ta’ spiss huma inċerti fl-għażla tagħhom ta’ strateġija kummerċjali diġitali, għandhom problemi biex jisfruttaw ir-repożitorji kbar ta’ data disponibbli għall-kumpaniji l-kbar u jevitaw milli jużaw għodda u applikazzjonijiet avvanzati bbażati fuq l-IA. Fl-istess ħin, huma vulnerabbli ħafna għat-theddid ċibernetiku.
Sors: Eurostat/DESI 2019
It-tali SMEs se jiġu appoġġati minn netwerk ta’ massimu ta’ 240 Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali (DIH), f’kull reġjun tal-Ewropa, sostnuti minn investiment mill-Programm Ewropa Diġitali u mill-Fondi Strutturali.
L-ambizzjoni hija mhux biss li jingħataw pariri faċli għall-utent u mmirati dwar is-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni, iżda wkoll biex jiġu konnessi l-istrutturi ta’ appoġġ sabiex kull SME jkollha sors ta’ pariri fil-viċin. L-EEN se jaħdem fil-qrib mad-DIHs, ma’ Startup Europe, u ma’ oħrajn biex tiżgura appoġġ u servizz ta’ għotja ta’ pariri bla xkiel, inkluż mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u mal-istrutturi ta’ appoġġ. It-trasferiment tal-aħjar prattiki, tan-know-how u tal-ħiliet jista’ jsir ukoll direttament mill-SMEs diġitali lill-SMEs minn oqsma oħrajn.
Bħalma tħabbar fl-Istrateġija Ewropea għad-Data, il-Kummissjoni se taħdem fuq l-aċċessibbiltà usa’ tad-data u fuq l-iffaċilitar tal-flussi ta’ data bejn in-negozji u l-gvernijiet billi tistabbilixxi spazji komuni Ewropej tad-data għall-kondiviżjoni affidabbli u sikura tad-data. Aċċess ġust għall-kumpaniji kollha, speċjalment għall-SMEs, se jkun żgurat. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-kwistjonijiet potenzjali fid-drittijiet tal-użu għad-data koġenerata, b’mod partikolari mill-Internet tal-Oġġetti industrijali, sabiex tevita l-possibbiltà li jkun hemm xi żvantaġġi għall-SMEs. Barra minn hekk, se tindirizza l-użu tal-cloud computing mill-SMEs, pereżempju permezz ta’ suq iddedikat għas-servizzi tal-cloud li jiżgura kundizzjonijiet kuntrattwali ġusti.
Nagħtu spinta lit-talent u lill-proprjetà intellettwali
L-SMEs jistgħu wkoll isibuha diffiċli biex jiżviluppaw strateġiji tal-proprjetà intellettwali (IP) biex jipproteġu l-investimenti tagħhom fir-R&Ż u jkabbru l-kapital tat-tkabbir, anki jekk dawn huma kruċjali fit-tranżizzjonijiet tewmin. 9 % biss tal-SMEs jipproteġu l-IP tagħhom, minħabba li mhumiex konxji tal-inizjattivi tal-IP tal-UE u dawk nazzjonali jew inkella għax jibżgħu mill-kumplessità u l-ispiża biex jixtruhom u jinfurzawhom. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Proprjetà Intellettwali li jmiss se jipproponi miżuri biex is-sistema tal-IP issir aktar effettiva għall-SMEs, permezz ta’ azzjonijiet biex jiġu simplifikati l-proċeduri ta’ reġistrazzjoni tal-IP (eż. ir-riforma tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-disinni industrijali), biex jittejjeb l-aċċess għall-pariri strateġiċi dwar l-IP (eż. billi t-tali pariri jsiru standard fil-finanzjament R&Ż kollu fil-livell tal-UE), u biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-IP bħala spinta biex jiksbu aċċess għall-finanzjament.
Fit-tranżizzjoni diġitali kif ukoll f’dik tas-sostenibbiltà, kemm in-negozji l-ġodda u kemm l-SMEs stabbiliti jiffaċċaw nuqqas ta’ impjegati tas-sengħa. Ta’ spiss ma jkollhomx l-istess riżorsi bħal dawk tal-kumpaniji l-kbar biex jinvestu fit-taħriġ tal-impjegati tagħhom. Aktar minn 70 % tad-ditti jirrapportaw l-aċċess għat-talent bħala ostaklu għal investiment ġdid fl-UE kollha. Id-disponibbiltà ta’ persunal tas-sengħa jew maniġers b’esperjenza tibqa’ l-aktar problema importanti għal kwart mill-SMEs tal-UE. In-nuqqas ta’ ħiliet huwa partikolarment kbir għad-diġitalizzazzjoni u għat-teknoloġiji l-ġodda, minħabba li 35 % tal-forza tax-xogħol għandhom ħiliet diġitali baxxi jew ma għandhom l-ebda ħila diġitali.
L-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom rwol ċentrali u l-UE tista’ tgħin aktar billi tindirizza dawn l-isfidi, tiffaċilita l-aċċess għat-taħriġ, u tgħin biex tqabbel id-domanda għat-talenti mill-SMEs mal-provvista tas-suq tax-xogħol. L-edukazzjoni u t-taħriġ imprenditorjali li jsaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet fin-negozju għandhom rwol ewlieni biex l-SMEs isiru xierqa għas-suq uniku. L-attivitajiet edukattivi u ta’ titjib tal-ħiliet huma essenzjali għall-maniġers u għall-impjegati kollha tal-SMEs, b’fokus partikolari fuq l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet biex ikunu fondaturi u biex jitjieb il-bilanċ bejn is-sessi fost dawk li qed joħolqu u li qed imexxu n-negozji.
Bl-appoġġ tal-Programm Ewropa Diġitali, il-Kummissjoni se tiżviluppa Crash Courses Diġitali biex l-impjegati tal-SMEs isiru profiċjenti f’oqsma bħall-IA, iċ-ċibersigurtà jew il-blockchain, u jibnu fuq l-esperjenzi tal-pjattaforma tal-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali. Id-DIHs se jaġixxu bħala intermedjarji bejn l-SMEs u l-universitajiet/il-fornituri tat-taħriġ fil-livell lokali. L-attivitajiet ta’ inkubazzjoni se jgħinu lill-SMEs isiru parti mill-ekosistemi mmexxija mid-data.
Il-Kummissjoni se tvara wkoll programm għal “volontiera diġitali” biex tippermetti liż-żgħażagħ tas-sengħa u lill-persuni akbar fl-età bl-esperjenza jikkondividu l-kompetenzi diġitali tagħhom man-negozji tradizzjonali. Barra minn hekk se tappoġġa u tagħmel interkonnessjoni bejn l-intermedjarji tal-SMEs bħal pereżempju l-clusters, l-EEN u l-EREK biex tgħin fit-titjib tal-ħiliet tal-persunal tal-SMEs fil-qasam tas-sostenibbiltà.
Il-Kummissjoni se taġġorna l-Aġenda tal-Ħiliet għall-Ewropa, inkluż billi tvara Patt għall-Ħiliet. Se tinkludi komponent iddedikat għall-SMEs. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) huma partikolarment rilevanti biex l-SMEs jiżguraw li l-forza tax-xogħol tagħhom ikollha l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, l-Istati Membri u r-reġjuni se jitħeġġu biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew Plus futur u l-possibbiltajiet il-ġodda biex jinvestu l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali fl-iżvilupp tal-ħiliet għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, għat-tranżizzjoni industrijali u għall-intraprenditorija.
L-ekonomija kollaborattiva toħloq opportunitajiet f’oqsma bħall-mobbiltà u l-akkomodazzjoni għall-pjattaformi innovattivi tal-SMEs li jintermedjaw bejn il-fornituri ta’ servizzi u r-reċipjenti ta’ servizzi u għall-fornituri ta’ servizzi tal-SMEs li jiksbu aċċess għal ċrieki usa’ ta’ klijenti. Wara l-Komunikazzjoni tagħha tal-2016 dwar l-ekonomija kollaborattiva, il-Kummissjoni se tkompli tesplora inizjattiva possibbli li tiffoka fuq servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni fuq żmien qasir (l-akbar settur tal-ekonomija kollaborattiv) biex tippromwovi l-iżvilupp ibbilanċjat u responsabbli tal-ekonomija kollaborattiva fis-suq uniku kollu b’rispett sħiħ tal-interess pubbliku.
AZZJONIJIET EWLENIN
·Il-Kummissjoni se ttejjeb in-Netwerk Enterprise Europeinkluż b’ Konsulenti tas-Sostenibbiltà ddedikati u servizzi oħra għas-sostenibbiltà.
·Il-Kummissjoni se tiżviluppa Crash Courses Diġitali biex l-impjegati tal-SMEs isiru profiċjenti f’oqsma bħal pereżempju l-IA, iċ-ċibersigurtà jew il-blockchain.
·Il-Kummissjoni se tvara programm ta’ “volontiera diġitali” biex tippermetti liż-żgħażagħ tas-sengħa u lill-persuni akbar fl-età bl-esperjenza jikkondividu l-kompetenzi diġitali tagħhom man-negozji tradizzjonali.
·Il-Kummissjoni se taġġorna l-Aġenda tal-Ħiliet għall-Ewropa, inkluż Patt għall-Ħiliet b’komponent iddedikat għall-SMEs, u se tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-mira li timmodernizza l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
·Il-Kummissjoni se tespandi l-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali b’rabta ma’ Startup Europe u l-EEN u tipprovdi servizz bla xkiel fi ħdan l-ekosistemi lokali u reġjonali.
·Il-Kummissjoni se talloka mill-inqas EUR 300 miljun biex tħeġġeġ l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku taħt l-EIC.
·Għall-SMEs li jiffokaw l-attivitajiet tagħhom fuq servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni fuq żmien qasir, il-Kummissjoni se tkompli tesplora l-possibbiltà ta’ inizjattiva ta’ ekonomija kollaborattiva.
3.It-tnaqqis tal-piż regolatorju u t-titjib tal-aċċess għas-suq
Is-suq uniku huwa suq importanti għall-SMEs Ewropej. Jirrappreżenta 70 % tal-valur tal-esportazzjoni tal-oġġetti tal-SMEs, u 80 % tal-SMEs kollha li jesportaw ibigħu lil Stati Membri oħrajn. Madankollu, l-għadd ta’ SMEs li jesportaw lil Stati Membri oħrajn jista’ jkun ogħla: pereżempju, 17 % biss tal-SMEs fis-settur tal-manifattura jesportaw fi ħdan is-suq uniku. Il-Komunikazzjoni dwar l-Ostakli għas-Suq Uniku turi li dawk li huma l-aktar affettwati mill-ostakli kontinwi huma l-SMEs.
Il-konformità ma’ regolamenti, standards, tikketti u formalitajiet amministrattivi taffettwa lill-SMEs aktar milli taffettwa lill-kumpaniji akbar minħabba r-riżorsi umani u finanzjarji limitati. Pereżempju, fis-settur tas-servizzi tan-negozju, il-kostijiet imġarrba mill-SMEs meta jikkonformaw mal-formalitajiet amministrattivi jistgħu jilħqu EUR 10 000. Minkejja l-progress li sar mill-adozzjoni tas-“Small Business Act”, l-impatt kumulattiv tar-regolamentazzjoni għadha problema kbira għall-SMEs.
Sors: Stħarriġ tan-Negozju tal-2019 tal-Eurochambres
L-SMEs Ewropej jesperjenzaw il-leġiżlazzjoni bħala kumplessa u ta’ piż, speċjalment minħabba l-proċeduri differenti fl-Istati Membri. Dawn l-ostakli jiskoraġġixxu lil ħafna minnhom milli jwettqu kummerċ bejn il-fruntieri u milli jespandu. Dawk li ma jkunux skoraġġuti, ta’ spiss jużaw pjattaformi kbar bħala intermedjarji, u dan iwassal għal livelli mhux indaqs ta’ setgħa ta’ negozjar.
L-indirizzar ta’ dawn l-ostakli hija responsabbiltà konġunta tal-UE u tal-Istati Membri. Ħafna mill-piż jiġi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u huwa importanti li jiġi vvalutat l-impatt ta’ “miżuri favur il-gold-plating” fuq l-SMEs. Flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri jridu jkomplu applikazzjoni rigoruża tal-prinċipji “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, “ta’ darba biss” u “diġitali b’mod awtomatiku”.
Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni hija impenjata biex tnaqqas il-piż fuq l-SMEs u biex tagħtihom aktar setgħa tul iċ-ċiklu tar-Regolamentazzjoni Aħjar. Taħt il-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni tiskrinja sistematikament il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE bl-għan li tnaqqas il-piżijiet u tissimplifika l-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni se tuża b’mod aktar sistematiku l-kontrolli tal-idoneità biex teżamina l-modi kif tista’ tiddiġitalizza, tissimplifika u tikseb l-objettivi bl-inqas kost għall-benefiċċju tal-SMEs. Barra minn hekk, il-“Pjattaforma Fit for Future” il-ġdida se tiskrinja l-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti biex tidentifika l-potenzjal għas-simplifikazzjoni u għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv.
Għal-leġiżlazzjoni ġdida, il-programm REFIT se jiġi kkomplementat u rinforzat bl-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ “Onein, Oneout” (OI-OO). L-iskop huwa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tipproduċi benefiċċji mingħajr ma timponi piżijiet mhux meħtieġa fuq iċ-ċittadini u n-negozji. It-Test tal-SMEs diġà huwa parti mill-valutazzjoni regolari u se jkompli jiġi applikat għall-proposti rilevanti kollha tal-Kummissjoni.
L-SMEs huma b’mod partikolari affettwati mill-kostijiet maħluqa mil-leġiżlazzjoni, minħabba r-riżorsi umani u finanzjarji limitati tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni ġdida tkun favur l-SMEs, ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE se jiffiltra l-inizjattivi tal-UE, b’kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-SMEs, biex jindika lill-Kummissjoni dawk li jistħoqqilhom attenzjoni partikolari mill-perspettiva tal-SMEs. F’dan il-kuntest, ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE se jikkontribwixxi wkoll l-għarfien espert nazzjonali tan-netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs. L-ambizzjoni hi li kull leġiżlazzjoni futura, fil-livelli Ewropej u nazzjonali, issir bil-kunsiderazzjoni tal-utent finali, billi jiġu identifikati l-ostakli potenzjali u jiġu mmitigati minn kmieni fil-proċess, pereżempju bl-użu tal-għodod diġitali. Ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE se jkollu wkoll rwol speċifiku fil-“Pjattaforma Fit for Future” il-ġdida billi jipprovdi l-perspettiva tal-SMEs fl-identifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti li hija partikolarment ta’ piż fuq l-SMEs. Ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE se jissuġġerixxi lill-Kummissjoni soluzzjonijiet faċli għall-utent li jistgħu jitqiesu biex wieħed jikkonforma mal-leġiżlazzjoni.
L-iżgurar tal-konformità mar-regoli tas-suq uniku huwa ta’ importanza partikolari għall-SMEs, minħabba li ta’ spiss huma affettwati b’mod sproporzjonat mir-restrizzjonijiet bejn il-fruntieri. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Infurzar jistabbilixxi lista ta’ inizjattivi li għandhom l-għan li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, inkluż it-Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku b’kontribut mir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE u tan-netwerk ta’ Rappreżentanti nazzjonali. Il-Kummissjoni se timmonitorja lill-Istati Membri u taħdem flimkien magħhom, u mhux se teżita milli tieħu azzjoni ta’ infurzar b’saħħitha fejn ikun meħtieġ biex tiżgura li s-suq uniku jibbenefika lill-SMEs. L-SMEs jiffaċċjaw kostijiet ta’ konformità mar-regoli tat-taxxa proporzjonalment ogħla mill-intrapriżi akbar u n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa jibqa’ wieħed mill-ostakli ewlenin li jiffaċċjaw in-negozji meta joperaw bejn il-fruntieri.
Barra minn hekk, l-infurzar rigoruż tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni jiżgura li l-kumpaniji kollha attivi fis-suq uniku, b’mod partikolari l-SMEs, ikunu jistgħu jikkompetu u jinnovaw fuq il-merti tagħhom, u jipprevjenu l-abbuż tas-saħħa fis-suq u l-konċentrazzjoni tal-ġid fuq xi ftit negozji kbar.
Inneħħu l-ostakli permezz ta’ sħubijiet u esperimentazzjoni ta’ politiki
Sfida ewlenija fl-Ewropa hija nuqqas relattiva ta’ negozji li qed jespandu b’suċċess. Fl-Istati Uniti, hemm tliet darbiet aktar negozji li qed jespandu milli fl-Ewropa
. In-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu Ewropej jiffaċċjaw bosta sfidi “fuq il-post” peress li jattiraw u jżommu t-talent, jiżguraw l-opportunitajiet fis-suq u jżidu d-dħul. Bosta Stati Membri indirizzaw b’suċċess dawn l-isfidi u diġà hemm bosta prattiki tajbin fis-seħħ. Il-multiplikazzjoni ta’ dawn il-prattiki fl-UE kollha tista’ tagħti spinta kbira lill-iżvilupp tan-negozji l-ġodda u lit-tkabbir tal-SMEs.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, bħall-Forum tal-EIC, se tippromwovi l-aħjar prattiki u tvara inizjattiva politika ġdida, Standard tal-UE għan-Negozji l-Ġodda li jaqa’ taħt il-kompetenzi nazzjonali, filwaqt li tistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw it-tali prattiki fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali. L-ambizzjoni hija li l-Ewropa ssir l-aktar kontinent attraenti għan-Negozji l-Ġodda u għan-Negozji li qed jespandu. L-inizjattiva se tiffoka fuq li jsir aktar faċli biex wieħed jibda negozju ġdid jew jespandi n-negozju tiegħu bejn il-fruntieri, is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-proċeduri għall-applikazzjonijiet tal-viża u tal-permessi ta’ residenza għat-talent li ġej minn pajjiż terz, li tagħmel l-għotja tal-opzjonijiet ta’ stokk għall-impjegati aktar attraenti, li tippromwovi l-bini tal-impriżi u t-trasferiment tat-teknoloġija mill-universitajiet, li żżid l-aċċess għall-finanzjament għall-espansjoni tan-negozji, u li tippromwovi l-għodod u l-pjattaformi diġitali bejn il-fruntieri. Biex tikkomplementa dan, il-Kummissjoni se tikkonsulta u tivvaluta l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali dwar id-dritt soċjetarju biex tiffaċilita l-espansjoni bejn il-fruntieri u l-espansjoni tal-SMEs.
Xi soluzzjonijiet innovattivi ħafna jispiċċaw ma jintużawx minħabba regolamenti li jistgħu jkunu skaduti jew mhux adatti sew għat-teknoloġiji li qed jevolvu b’pass mgħaġġel. Mod li bih din il-problema tista’ tiġi indirizzata huwa permezz ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja. Dan jippermetti li s-soluzzjonijiet innovattivi li jkunu għadhom mhux previsti fir-regolamenti jew fil-linji gwida jiġu ttestjati direttament flimkien ma’ superviżuri u regolaturi, sakemm ikun hemm il-kundizzjonijiet xierqa, pereżempju biex jiġi żgurat it-trattament indaqs. L-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja jipprovdi informazzjoni aġġornata lir-regolaturi u lis-superviżuri dwar it-teknoloġija l-ġdida u esperjenza fl-użu tagħha, filwaqt li jippermetti l-esperimentazzjoni ta’ politiki. Xi Stati Membri diġà esperimentaw f’ambjenti bħal dawn għal servizzi finanzjarji innovattivi.
Id-Direttiva dwar is-Servizzi hija strument ewlieni kontra l-ostakli fis-suq. Is-sħubijiet fost ir-reġjuni tal-fruntiera, li għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali, jistgħu jgħinu lill-SMEs jegħlbu l-ostakli fis-suq fil-provvista ta’ servizzi. Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għandha twassal għal tliet oqsma pilota bħal dawn sa tmiem l-2020, li fihom ir-reġjuni sħab itejbu, jallinjaw jew jikkoordinaw b’mod konġunt ir-regoli u l-proċeduri dwar il-provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri, pereżempju, dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema u l-użu tal-għodod diġitali.
Il-Kummissjoni se tikkomplementa dawn l-isforzi billi tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-Gateway Diġitali Unika b’mod li jkun favur l-SMEs. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jipprovdu lill-SMEs b’aċċess online faċli għall-informazzjoni, għall-proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza fir-rigward tal-mistoqsijiet kollha tagħhom b’rabta man-negozju bejn il-fruntieri, inkluż pariri dwar l-akkwist pubbliku u s-sorsi ta’ finanzjament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu interkonnessjoni tas-servizzi tagħhom f’punt uniku ta’ servizz sabiex jipprovdu lill-SMEs bi tweġiba koordinata għall-mistoqsijiet kollha bħal dawn.
Sa 71 % tal-SMEs li ppruvaw is-sistema eżistenti ta’ rikonoxximent reċiproku għall-merkanzija mhux armonizzata rċevew deċiżjoni ta’ ċaħda tal-aċċess għas-suq. Il-Kummissjoni, wara li ddiskutiet mal-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri dwar ir-rikonoxximent reċiproku, se taħdem biex tippromwovi “Alleanzi għar-Rikonoxximent Reċiproku” fost l-Istati Membri f’setturi bħal pereżempju s-supplimenti alimentari u l-ġojjellerija.
Fil-pajsaġġ industrijali divers, is-setturi tal-ispazju u tad-difiża huma kruċjali għas-sovranità strateġika u teknoloġika tal-UE u joffru potenzjal kbira għall-SMEs Ewropej. Madankollu, il-ktajjen tal-provvista tas-settur tad-difiża nbnew b’mod predominanti fuq bażi nazzjonali. Għalhekk il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri u d-dħul ta’ atturi ġodda billi timmassimizza l-potenzjal tal-Fond Ewropew għad-Difiża. B’mod partikolari dan se jinkludi sejħiet għal proposti mmirati għall-SMEs, il-bonus tal-SME ddedikat u l-kriterju għall-għoti, u l-konnessjoni tal-SMEs mal-komunità usa’ tad-difiża. Il-Fond se jgħin biex jinfetħu l-ktajjen tal-provvista tas-settur tad-difiża, filwaqt li jikkollega l-integraturi ta’ sistemi kbar mal-ekosistema kollha tad-difiża tal-SMEs fl-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni se tirreġistra wkoll il-qawwiet tal-Organizzazzjonijiet tat-Teknoloġija u r-Riċerka (RTOs) u tal-universitajiet rilevanti li jistgħu jappoġġaw lin-negozji l-ġodda u lill-SMEs innovattivi fis-settur.
Il-Kummissjoni għandha wkoll l-għan li żżid l-għadd ta’ negozji ġodda u ta’ negozji li qed jespandu ta’ suċċess fis-settur tal-ispazju, li qegħdin jikkummerċjalizzaw it-teknoloġiji tal-ispazju tal-UE. Se tippromwovi, permezz tal-Programm Spazjali tal-UE, l-emerġenza ta’ ekosistema ta’ New Space Ewropew biex trawwem l-intraprenditorija. L-Inizjattiva “CASSINI” għall-Intraprenditorija fl-Ispazju se tiġbor servizzi bħal pereżempju l-aċċellerazzjoni, l-inkubazzjoni tan-negozji, il-finanzjament ta’ avvjament u l-akkwist prekummerċjali.
L-akkwist pubbliku joffri wkoll opportunitajiet mhux sfruttati fi ħdan is-suq uniku għall-SMEs, inkluż in-negozji l-ġodda, li jsibuha diffiċli biex jikkompetu b’suċċess fl-offerti pubbliċi. Hemm żewġ tipi ta’ sfidi. Minn naħa waħda, is-settur pubbliku huwa relattivament avvers għar-riskju, u ta’ spiss jonqoslus-sett ta’ ħiliet meħtieġa biex jikseb l-innovazzjoni. Min-naħa l-oħra, bosta operaturi ekonomiċi, u b’mod partikolari l-SMEs, jaħsbu li l-proċedura tal-offerti pubbliċi hija kumplessa jew mhux adatta għalihom.
Sabiex tindirizza dan, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kontraenti tagħhom biex jużaw il-flessibilità offerta mill-qafas il-ġdid tal-akkwist tal-UE. Dan jinvolvi d-diviżjoni ta’ kuntratti akbar f’lottijiet iżgħar, filwaqt li ssir espansjoni tal-akkwist strateġiku, b’mod partikolari l-akkwist tal-innovazzjoni, u l-IPR - fejn xieraq - jitħalla f’idejn l-SMEs sabiex ikunu jistgħu jikkummerċjalizzawh, u titlesta d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tagħhom ta’ akkwist. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jużaw il-pjattaformi diġitali sabiex jistimolaw is-soluzzjonijiet innovattivi mill-SMEs u min-negozji l-ġodda u l-aċċess tagħhom bejn il-fruntieri għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni se tvara wkoll Inizjattiva għax-Xerrejja l-Kbar u għan-Networks biex tiffaċilita x-xiri konġunt tal-innovazzjoni u tal-prodotti sostenibbli; tippromwovi l-pariġġar bejn ix-xerrejja u l-fornituri tal-innovazzjoni u ssegwi l-progress permezz tal-valutazzjoni komparattiva nazzjonali. Barra minn hekk, se tvara tikketta li jridu juru x-xerrejja pubbliċi li jaderixxu għall-prattiki ta’ akkwist “favur l-SMEs” u li jaħdmu mas-sħab ta’ negozjar internazzjonali tagħha biex ixerrdu l-adozzjoni tal-istandards tagħha rilevanti għall-akkwist, bħal pereżempju l-fatturar elettroniku. L-SMEs li jipprovdu prodotti u servizzi ekoloġiċi innovattivi jistgħu jiġu appoġġati billi jsir aktar Akkwist Pubbliku Ekoloġiku.
Ix-xiri ta’ kumpanija eżistenti ta’ spiss hija alternattiva aktar vantaġġuża milli jekk wieħed jibda negozju mill-ġdid. Huwa stmat li kull sena, madwar 450 000 SME jbiddlu s-sjieda u dan jaffettwa aktar minn żewġ miljun impjegati. Madankollu, f’terz tal-każijiet it-trasferiment ma jirnexxix u, bħala riżultat ta’ dan, l-Ewropa titlef madwar 150 000 intrapriża u 600 000 impjieg. Ir-raġunijiet ta’ spiss ikunu nuqqas ta’ tħejjija bikrija, diffikultà biex wieħed isib suċċessur, u miżuri tat-taxxa u regolatorji mhux favorevoli.
Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha biex tiffaċilita t-trasferiment tan-negozji u se tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom fl-istabbiliment ta’ ambjent tan-negozju favur it-trasferiment. Id-Direttiva adottata reċentement dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv u t-tieni opportunità indirizzat bosta tħassib ta’ kumpaniji f’diffikultà u l-Kummissjoni issa se tappoġġa lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha fil-liġijiet nazzjonali tagħhom sabiex il-kumpaniji f’diffikultà finanzjarja jkollhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ xierqa biex jgħinuhom jevitaw il-falliment.
It-tisħiħ tal-ġustizzja fir-relazzjonijiet B2B
L-SMEs għandhom rwol essenzjali f’netwerks dejjem aktar densi ta’ korporattivi, negozji ġodda u SMEs li jaħdmu flimkien fis-setturi u fil-ktajjen tal-valur miżjud biex joħolqu l-prodotti u s-servizzi tal-ġejjieni. Huwa importanti li l-SMEs u n-negozji l-ġodda jiġu inklużi fil-ktajjen tal-valur miżjud strateġiċi tal-UE u li l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom jiġu indirizzati, sabiex jikkollaboraw u jespandu fis-suq uniku u fid-dinja kollha.
Minħabba konċentrazzjoni u integrazzjoni vertikali miżjuda fil-ktajjen tal-provvista, il-klijenti ewlenin tal-SMEs ta’ spiss ikunu organizzazzjonijiet ħafna akbar. Dan iwassal għal asimetriji fis-setgħa ta’ negozjar u jżid ir-riskju li n-negozji ż-żgħar ikunu soġġetti għal prattiki u kundizzjonijiet ta’ negozju mhux ġusti, inkluż ħlas tard u aċċess tard għad-data.
Filwaqt li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard naqqset id-dewmien fit-tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju u minn negozju għal pjattaforma, l-40 % biss min-negozji fl-UE qed jitħallsu fil-ħin. Barra minn hekk, il-ħlas tard huwa r-raġuni għal wieħed minn kull erba’ fallimenti fost l-SMEs fl-UE. Jeħtieġ li jkun hemm bidla deċiżiva lejn kultura tan-negozju ġdida li fiha l-ħlas fil-pront ikun in-norma. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tappoġġa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard billi żżid magħha għodda b’saħħithom ta’ monitoraġġ u infurzar. Dawn jistgħu jinkludu osservatorju virtwali għall-monitoraġġ tad-dewmien fil-ħlas, għall-kjarifikazzjoni tal-prattiki ta’ ħlas mhux ġusti, u għall-esplorazzjoni tal-possibbiltà ta’ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni/medjazzjoni alternattivi għall-SMEs għal riżoluzzjoni rapida tat-tilwim minħabba ħlas fit-tranżazzjonijiet kummerċjali.
Nisfruttaw il-benefiċċji tas-swieq globali
Is-swieq globali huma sors ta’ tkabbir importanti għall-SMEs. Madankollu, 600 000 SMEs biss li jimpjegaw madwar 6 miljun persuna jesportaw l-oġġetti barra mill-UE. Fid-djalogi multilaterali u bilaterali, il-Kummissjoni se tippromwovi ambjent favur l-SMEs fil-pajjiżi terzi permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajbin mas-sħab tagħha. Se tvara wkoll portal ta’ informazzjoni ġdid biex tissensibilizza l-SME dwar il-politiki kummerċjali u tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri u l-formalitajiet doganali għall-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi.
L-SMEs jibbenefikaw aktar mill-ftuħ tal-kummerċ ibbażat fuq regoli milli l-kumpaniji l-kbar, li għandhom aktar riżorsi biex jegħlbu l-ostakli kummerċjali. Sabiex tissimplifika l-aċċess tal-SMEs għas-swieq internazzjonali, il-Kummissjoni qed tinnegozja kontinwament ftehimiet ġodda għan-negozju u l-investiment u tisfida l-ostakli kummerċjali li jaffettwaw lill-SMEs b’mod sproporzjonat. Il-Kummissjoni se tkompli tinkludi kapitoli ddedikati għall-SMEs fil-ftehimiet kummerċjali kollha tagħha flimkien ma’ miżuri ddedikati sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jisfruttaw il-benefiċċji, bħal pereżempju l-konnessjoni tal-SMEs permezz ta’ clusters industrijali internazzjonali, l-EEN, iċ-Ċentru tal-SMEs tal-UE, u azzjonijiet li jappoġġaw lill-SMEs Ewropej biex jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku barra mill-UE.
Id-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi li magħhom l-UE kkonkludiet FTA se jipprovdu appoġġ billi jindirizzaw il-mistoqsijiet dwar id-diffikultajiet prattiċi tal-SMEs marbuta mal-implimentazzjoni tal-FTAs.
L-UE żżomm sod kontra l-prattiki kummerċjali inġusti permezz ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ (TDIs) meta l-kumpaniji tal-UE, inkluż l-SMEs, isirilhom dannu minn importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji. Il-Kummissjoni qed iżżid l-appoġġ iddedikat tagħha lill-SMEs biex tiffaċilita l-aċċess tagħhom għat-TDI u l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni matul l-investigazzjonijiet.
Il-funzjoni ġdida ta’ Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ, fost oħrajn, se jimmonitorja u jtejjeb il-konformità mal-ftehimiet kummerċjali tagħna. Dan se jsaħħaħ ulterjorment il-ħidma fuq l-eliminazzjoni tal-ostakli kummerċjali li b’mod partikolari jaffettwaw lill-SMEs. Barra minn hekk, l-UE se tinvolvi ruħha attivament f’sensibilizzazzjoni u diplomazija ekonomiċi ddedikati għall-SMEs biex tappoġġa l-aċċess tagħhom għas-swieq tal-pajjiżi terzi. L-opportunitajiet għall-imprendituri Ewropej se jiżdiedu permezz tal-iskema Globali tal-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ biex jiksbu esperjenzi ġodda fis-swieq tal-pajjiżi terzi.
AZZJONIJIET EWLENIN
·Ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE u n-netwerk tar-Rappreżentati tal-SMEs nazzjonali se jikkontribwixxu għall-ħidma tat-Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku tal-Kummissjoni, li għandu jiġi stabbilit bħala riżultat tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Infurzar, biexjindirizzaw fost oħrajn il-gold-plating fil-proċess ta’ traspożizzjoni bil-ħsieb li jżommu l-piż regolatorju fuq l-SMEs żgħir kemm jista’ jkun.
·Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-Gateway Diġitali Unika b’mod li jkun favur l-SMEs. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkollegaw is-servizzi tagħhom f’punt uniku ta’ servizz.
·Ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE se jiffiltra l-inizjattivi tal-UE biex jindika lill-Kummissjoni dawk li jistħoqqilhom attenzjoni partikolari mill-perspettiva tal-SMEs u se jkollu rwol speċifiku fil-Pjattaforma Fit for Future l-ġdida.
·Il-Kummissjoni se timmobilizza l-Istati Membri taħt Standard tal-UE għan-Negozji l-Ġodda li jaqa’ taħt il-kompetenzi nazzjonali biex jikkondividu u jadottaw l-aħjar prattiki biex jiġi aċċellerat it-tkabbir tal-SMEs u tan-negozji l-ġodda b’teknoloġija avvanzata.
·Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kontraenti tagħha biex jużaw il-flessibilità offerta mill-qafas ta’ akkwist il-ġdid tal-UE biex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-SMEs inkluż permezz tal-użu tal-għodod u tal-pjattaformi diġitali biex jissaħħaħ l-akkwist bejn il-fruntieri. Il-Kummissjoni se toħroġ gwida u appoġġ għall-awtoritajiet kontraenti.
·Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw proposti għal ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji billi jvaraw proġett pilota.
·Il-Kummissjoni se ssejjaħ sħubijiet pijunieri fost ir-reġjuni tal-fruntiera biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tas-suq uniku u fit-tneħħija tal-ostakli amministrattivi.
·Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fl-infurzar tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard billi tistabbilixxi għodod ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar aħjar u billi tesplora l-possibbiltà ta’ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni/medjazzjoni għall-SMEs.
·Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri mal-SMEs u fosthom taħt il-Fond Ewropew għad-Difiża u se tirreġistra l-qawwiet fl-ekosistema tagħha ta’ riċerka u innovazzjoni.
·Il-Kummissjoni se tvara Inizjattiva “CASSINI” għall-Intraprenditorija fl-Ispazju.
·Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva adottata reċentement dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv u t-tieni opportunità, billi tgħinhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ twissija bikrija għall-kumpaniji li jkollhom diffikultajiet finanzjarji biex jevitaw il-falliment.
·Il-Kummissjoni se tesplora mal-Istati Membri miżuri possibbli biex toħloq ambjent ta’ appoġġ għat-trasferiment tal-SMEs.
·Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ l-aċċess tal-SMEs għas-swieq tal-pajjiżi terzi inkluż permezz ta’ kapitoli ddedikati għall-SMEs, l-użu ta’ djalogi għall-iskambju ta’ prattiki tajbin mas-sħab kummerċjali u portal ta’ informazzjoni ġdid. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għal strumenti għad-difiża tal-kummerċ.
·Id-Delegazzjonijiet tal-UE se jipprovdu appoġġ billi jindirizzaw il-mistoqsijiet tal-SMEs b’rabta mal-FTAs.
·Il-Kummissjoni se testendi l-iskema Globali tal-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ.
4.Titjib fl-aċċess għall-finanzjament
L-aċċess għall-finanzjament huwa essenzjali biex l-SMEs jiffinanzjaw il-ħtiġijiet ta’ investiment għat-tranżizzjoni. Madankollu, fl-istadji kollha ta’ żvilupp, in-negozji ż-żgħar jitħabtu aktar mill-intrapriżi l-kbar biex jiksbu finanzjament. Fil-każ tal-imprendituri żgħażagħ u tan-negozji l-ġodda, jista’ jkun hemm bosta raġunijiet għal dan: bħal pereżempju minħabba li ma jkollhomx rekord finanzjarju pprovat, jonqoshom il-kollateral jew minħabba li l-investituri ma jkollhomx biżżejjed informazzjoni biex jivvalutaw ir-riskju ta’ kreditu tagħhom jew biex jagħtu valur lill-assi intanġibbli tagħhom. It-titjib fl-aċċess għall-finanzjament jirrikjedi approċċ li jikkombina ambjent regolatorju li jwassal għal dan it-titjib, finanzjament nazzjonali u tal-UE suffiċjenti u allinjat kif ukoll aċċess għan-netwerks tal-kumpaniji u tal-investituri.
L-SMEs jiffaċċjaw distakk finanzjarju kbir fl-Ewropa ta’ EUR 20-35 biljun minkejja programmi ta’ appoġġ sostanzjali fil-livell nazzjonali u tal-UE, u f’xi Stati Membri, l-aċċess għall-finanzjament jibqa’ waħda mill-problemi ewlenin li jiffaċċjaw. Fl-2019, 18 % tal-SMEs fl-UE ma kisbux is-self bankarju sħiħ li kienu ppjanaw li jkollhom. Dan ipoġġi lill-SMEs fi żvantaġġ minħabba li l-finanzjament ibbażat fuq il-banek jirrappreżenta madwar 90 % tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom. Ir-regolamentazzjoni bankarja tal-UE għandha tipprovdi s-sisien għal sistema bankarja stabbli li tagħti finanzjament xieraq lin-negozji kollha. Il-pakkett bankarju tal-UE żamm il-fattur ta’ sostenn lill-SMEs u estendih lis-self kollu pprovdut lill-SMEs. Il-Kummissjoni se tiżgura li kwalunkwe leġiżlazzjoni futura dwar is-suq finanzjarju tqis l-interessi tal-SMEs Ewropej u tappoġġa l-aċċess mhux interrott tagħhom għal firxa wiesgħa ta’ alternattivi ta’ finanzjament.
Niddiversifikaw is-sorsi ta’ finanzjament u nagħmlu mod li aktar SMEs ikunu lesti għall-investiment
Madankollu, hemm il-ħtieġa li jiġu diversifikati s-sorsi ta’ finanzjament. Il-kapital ta’ riskju investit fil-kumpaniji Ewropej żdied b’13 % sa EUR 8 biljun fl-2018 u s-sehem ta’ fondi ta’ ekwità minn barra l-Ewropa żdied minn 7 % sa 20 % fl-2018. Madankollu, l-10 % biss tan-negozji fl-Ewropa użaw il-finanzjament tas-suq tal-kapital meta mqabbel ma aktar minn 25 % fl-Istati Uniti. L-investiment kapitali ta’ riskju huma madwar tmien darbiet iżgħar minn dawk fl-Istati Uniti u għalhekk mhumiex profondi biżżejjed biex jiffinanzjaw it-tkabbir tan-negozji Ewropej.
L-SMEs u n-negozji l-ġodda innovattivi li qed jikbru b’pass mgħaġġel bi ħtiġijiet kapitali kbar ta’ spiss imorru barra mill-pajjiż biex isibu l-kapital ta’ riskju. Dan mhux biss huwa riskju għas-sovranità teknoloġika, għat-tkabbir u għall-impjiegi tal-Ewropa, iżda għandu impatt downstream fuq il-flotta usa’ tagħha ta’ SMEs.
Barra minn hekk, l-investituri Ewropej jistgħu jaħsbuha darbtejn biex jinvestu f’negozji ġodda minħabba l-isfidi li jiffaċċjaw biex jivvalutaw il-potenzjal fis-suq u/jew l-IP ta’ servizzi jew prodott teknoloġiku ġdid ta’ SME. Dan jagħmilha aktar diffiċli biex tiġi vvalutata l-valwazzjoni tan-negozju ġdid innifsu. Is-servizzi tad-“diliġenza dovuta teknika” jistgħu jindirizzaw din il-kwistjoni u diġà rnexxielhom f’reġjuni oħrajn, iżda għadhom mhumiex disponibbli faċilment fl-Ewropa. Fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw lill-partijiet kollha involuti: l-SME, l-investituri potenzjali u l-ekosistema tal-innovazzjoni usa’. Proġett pilota tal-UE jista’ jippermetti valwazzjoni aktar preċiża tan-negozji l-ġodda b’teknoloġija avvanzata u l-SMEs teknoloġiċi fi stadju suċċessiv fuq il-bażi tat-teknoloġija u l-portafoll tal-IP tagħhom.
Jeħtieġ li jiġi mmobilizzat aktar investiment privat fl-Ewropa. Il-Kummissjoni se timplimenta modi oħra għall-kondiviżjoni tar-riskju mas-settur privat, bħal pereżempju l-inizjattiva ESCALAR biex issaħħaħ id-daqs tal-fondi tal-kapital ta’ riskju, iżżid l-isforzi tagħha fl-investiment u taħdem lejn Pjan ta’ Azzjoni għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali mġedded. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandu l-għan li jiddiversifika s-sorsi ta’ finanzjament għall-kumpaniji fl-istadji kollha tal-iżvilupp tagħhom.
Nibnu l-bażi għal Fond għall-IPOs tal-SMEs
L-SMEs fl-Ewropa għandhom possibbiltajiet limitati ta’ finanzjament għat-tkabbir, bħal pereżempju l-elenkar fuq is-swieq kapitali permezz ta’ Offerta Pubblika Inizjali (IPO). Is-swieq kapitali huma sors importanti ta’ finanzjament għall-SMEs li qed isiru kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u fl-aħħar mill-aħħar kumpaniji kbar. Madankollu, l-għadd ta’ IPOs għall-SMEs naqas ħafna wara l-kriżi finanzjarja u minn dak iż-żmien għadu ma rkuprax. Fl-2019, il-valur u l-għadd ta’ IPOs Ewropej komplew jonqsu b’40 % u 47 % rispettivament, meta mqabbla mal-2018. Bosta investituri istituzzjonali ma jinvolvux ruħhom biżżejjed fil-finanzjament tal-SMEs.
Biex dan jiġi indirizzat, il-finanzjament pubbliku jista’ jaġixxi bħala investiment ankra biex jattira aktar investituri privati f’SMEs innovattivi li qed jikbru ħafna fl-istadju tal-elenkar pubbliku. Fond għall-IPOs tal-SMEs jista’ jappoġġa lill-SMEs fil-proċess tal-elenkar u warajh. Se jibni fuq l-analiżi tas-suq tal-IPO tal-UE u l-ittestjar mal-investituri u mal-partijiet ikkonċernati.
Noħolqu ambjent aktar inklużiv u li jwassal aktar għall-aċċess għal finanzjament
Fis-snin reċenti, kien hemm nuqqas konsiderevoli fir-riċerka fuq l-investiment fl-SMEs. Ir-rieżami tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji li l-Kummissjoni se twettaq fl-2020 se jeżamina l-modi kif wieħed jista’ jistimola l-kopertura tar-riċerka fuq l-SMEs.
L-innovazzjoni FinTech ibbażata fuq t-teknoloġija tar-reġistru distribwit(“blockchain”) tista’ tiftaħ toroq ġodda biex l-SMEs jinvolvu ruħhom direttament mal-investituri, permezz ta’ intermedjarji affidabbli jew inkella deċentralizzati waħedhom. Tista’ tippermetti lill-SMEs joħorġu kriptoassi u tokens diġitali, pereżempju fil-forma ta’ bonds. Dawn huma attraenti għall-investituri minħabba li jistgħu jiġu nnegozjati minnufih. Dan huwa mod biex wieħed joffri finanzjament aktar rapidu, aktar effiċjenti u kosteffettiv għall-SMEs. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-użu tal-kriptoassi u l-użu tat-tokens diġitali mill-SMEs, mill-investituri u mill-intermedjarji, f’allinjament mal-Istrateġija dwar il-Finanzi Diġitali tal-UE li jmiss.
Ir-regoli dwarl-għajnuna mill-Istat ippermettew appoġġ nazzjonali sinifikanti għall-SMEs u għall-kapital ta’ riskju. Il-Kummissjoni se tissimplifika u tirrieżamina r-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat sa tmiem l-2021 biex tiżgura li jkunu għadhom xierqa għall-iskop tagħhom. Fir-rieżami l-Kummissjoni se tiżgura li r-regoli jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fi Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI).
Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ diversità fost dawk li qed jirċievu investiment inaqqas il-ġabra ta’ talent u l-innovazzjoni. In-nisa varaw terz tal-kumpaniji fl-Ewropa, iżda l-kumpaniji tagħhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-ġenerazzjoni tal-kapital ta’ riskju. Fl-2019, aktar minn 92 % tal-kapital ta’ riskju ġġenerat mill-kumpaniji Ewropej tat-teknoloġija marru għal timijiet imwaqqfa minn irġiel. L-InvestEU - fond ta’ investiment futur tal-UE - jista’ jgħin biex jiġi stimolat l-investiment fin-nisa u magħhom u biex jipprovdi appoġġ immirat biex jiżdied l-għadd ta’ kumpaniji investibbli mmexxija min-nisa u jipprovdi fondi taħt inizjattiva għal finanzjament sensittiv għall-ġeneru. Barra minn hekk, l-għadd ta’ SMEs immexxija min-nisa li jibbenefikaw mill-EIC sħiħ se jiżdied bit-tripplu.
Nimmobilizzaw il-finanzjament tal-UE, nazzjonali u privat għall-SMEs permezz tal-InvestEU
Fil-perjodu 2014-2018, l-istrumenti finanzjarji tal-UE għenu biex jiġu mobilizzati EUR 100 biljun ta’ finanzjament, b’mod partikolari għall-SMEs, fil-forma ta’ dejn u ta’ finanzjament ta’ ekwità. Il-Pjan ta’ Investiment tal-UE huwa mistenni li jappoġġa aktar minn miljun SME. Madankollu, jeħtieġ li jkun hemm appoġġ tal-UE u nazzjonali kontinwu biex jonqos id-distakk ta’ finanzjament tal-SMEs.
Fit-tieqa għall-SMEs tal-InvestEU, il-Kummissjoni se tibni fuq l-esperjenzi pożittivi bl-iskemi ta’ garanzija eżistenti tal-UE għall-SMEs. Se toħloq faċilità ta’ garanzija integrata unika li timmira l-SMEs li jitqiesu li huma f’riskju għoli jew li ma għandhomx biżżejjed kollateral, inkluż dawk innovattivi, dawk mis-setturi kulturali u kreattivi, l-SMEs li qed jagħmlu tranżizzjoni minn mudelli intensivi fir-riżorsi u fl-enerġija lejn mudelli aktar sostenibbli, u dawk li qed jadottaw prattiki ta’ negozju diġitali. It-tieqa għall-SMEs tal-InvestEU se tappoġġa lill-finanzjament ta’ ekwità għall-SMEs u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja fl-oqsma ta’ interess politiku speċjali għall-UE, bħal pereżempju l-ispazju u d-difiża, is-sostenibbiltà, id-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni, il-finanzjament sensittiv għall-ġeneru, it-teknoloġija profonda u ekoloġika. Pereżempju, il-finanzjament se jinġabar mill-UE, mill-Istati Membri u mis-settur privat biex jiżdied l-aċċess għall-finanzjament ta’ ekwità għall-SMEs u għan-negozji ġodda innovattivi li jiżviluppaw u jadottaw soluzzjonijiet ta’ teknoloġija ekoloġika. L-InvestEU se jippermetti finanzjament tul l-istadji kollha ta’ żvilupp min-negozji l-ġodda san-negozji li qed jespandu u l-IPO. Se jgħin fl-ingranaġġ tal-finanzjament privat minn investituri bħall-investitur informali, il-family offices, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju, il-fondi tal-pensjoni u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni.
Il-Kummissjoni se taħdem fil-qrib mal-Istati Membri biex tiġbor il-finanzjament u tindirizza l-iżbilanċi ġeografiċi fl-investimenti u l-aċċess għall-finanzjament, b’mod partikolari permezz tal-inizjattiva għall-Innovazzjoni Diġitali u għan-Negozji li qed jespandu
. Barra minn hekk, it-tieqa tal-Investiment Soċjali u l-Ħiliet tal-InvestUE se ttejjeb l-aċċess għall-mikrofinanzjament, għall-finanzjament lill-intrapriżi soċjali, għall-investiment soċjali u b’impatt u għall-ħiliet.
AZZJONIJIET EWLENIN:
·Il-Kummissjoni se tappoġġa l-Offerti Pubbliċi Inizjali (IPOs) tal-SMEs b’investimenti minn fond privat-pubbliku ġdid, li jrid jiġi żviluppat taħt il-programm InvestEU mill-2021 taħt l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.
·Il-Kummissjoni se tintroduċi mekkaniżmu ta’ riskju/redditu mingħajr preċedent biex tkabbar id-daqs tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju u tippopola l-investimenti privati għall-espansjoni permezz tal-inizjattiva ESCALAR.
·Il-Kummissjoni se tvara inizjattiva għal finanzjament sensittiv għall-ġeneru biex tistimola l-finanzjament għall-kumpaniji u l-fondi mmexxija min-nisa u biex tingħata setgħa lill-intraprenditorija fost in-nisa.
·Il-Kummissjoni se tvara inizjattiva għall-investiment fit-teknoloġija ekoloġika biex tiġbor finanzjament mill-UE, mill-Istati Membri u mis-settur privat biex jiżdied l-aċċess għall-finanzjament ta’ ekwità għall-SMEs u għan-negozji ġodda innovattivi li jiżviluppaw u jadottaw soluzzjonijiet ta’ teknoloġija ekoloġika.
·Il-Kummissjoni se tvara inizjattiva bbażata fuq il-blockchain li tippermetti l-ħruġ u n-negozjar ta’ bonds tal-SMEs fl-Ewropa kollha, bl-użu tal-Infrastruttura Ewropea ta’ Servizzi tal-Blockchain.
·Il-Kummissjoni se tikkofinanzja s-servizzi tad-diliġenza dovuta teknika taħt proġett pilota tal-UE biex tippermetti li jkun hemm aktar valwazzjonijiet preċiżi tan-negozji ġodda b’teknoloġija avvanzata u biex titħejja t-tlestija tagħhom għall-investiment.
·Il-Kummissjoni se tissimplifika aktar ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat dwar il-kombinamenti ta’ fondi nazzjonali ma’ fondi mill-InvestEU u mill-Orizzont. Dan jagħmilha aktar faċli għall-SMEs biex jibbenefikaw minn riżorsi miġbura kollettivament bħala għajnuna fit-tranżizzjonijiet tewmin. Barra minn hekk, bħala parti mir-rieżami li għaddej tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni se tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall- finanzjament ta’ riskju u l-Komunikazzjoni tal-IPCEI, biex tappoġġa aktar l-involviment tal-SMEs, tiżgura l-ippopolar tal-investiment privat filwaqt li tevita d-distorsjonijiet tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.
5.Governanza: sħubija bejn l-UE u l-Istati Membri għall-kunsinna
L-Istrateġija għall-SMEs għandha titmexxa b’impenn u b’azzjonijiet fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Peress li bosta SMEs huma bbażati ħafna fl-ekosistemi reġjonali u lokali fejn jipprovdu impjiegi, dħul mit-taxxa u protezzjoni soċjali, dan l-impenn irid jiġi estiż għall-awtoritajiet reġjonali. L-implimentazzjoni tal-istrateġija se tkun sostnuta minn sħubija b’saħħitha tal-atturi kollha li jikkondividu r-responsabbiltà għall-kunsinna - l-awtoritajiet tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, l-SMEs u l-investituri. Se tinvolvi rendikont politiku tal-progress, kejl u monitoraġġ regolari.
In-netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs huwa għodda importanti biex tiġi żgurata din is-sħubija bejn l-UE u l-Istati Membri. Jirrappreżenta lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li huma responsabbli għall-politika dwar l-SMEs, u jipprovdi rabta organika bejn dawn l-awtoritajiet, il-komunitajiet kummerċjali lokali u l-UE. Bit-tiġdid tal-mandat tiegħu fl-2020, ir-rwol tan-netwerk se jiġu rinforzat u l-interazzjoni tiegħu mal-korpi u mal-awtoritajiet reġjonali se tissaħħaħ.
Il-Kummissjoni se taħtar Rappreżentant tal-SMEs tal-UE ta’ livell għoli li se jmexxi l-ħidma tan-netwerk biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-applikazzjoni tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fil-politiki kollha tal-UE. Ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE se jsegwi wkoll l-implimentazzjoni fl-Istati Membri individwali. Sabiex tiġi ffaċilitata s-simplifikazzjoni tal-istrateġija għall-SMEs fl-oqsma ta’ politika kollha, ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE se jkun involut fil-qrib fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE se jqajjem kuxjenza dwar l-aspetti relatati mal-SMEs fl-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar f’djalogu regolari mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u wkoll fi ħdan il-Pjattaforma Fit for Future.
Biex tikkomplementa l-attivitajiet tan-netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs (is-settur pubbliku), il-Kummissjoni se taħdem ukoll fil-qrib mal-Ambaxxaturi għall-Intraprenditorija Strateġika, grupp konsultattiv ġdid ta’ imprendituri mill-Ewropa kollha li se jkollhom ir-rwol ta’ sounding board.
L-istrateġija l-ġdida se tkun soġġetta għal rieżami regolari. Kull sena l-Kummissjoni se tkompli tippubblika Rieżami tal-Prestazzjoni tal-SMEs imsaħħaħ. Dan ir-rieżami se jimmonitorja wkoll il-politiki nazzjonali favur in-negozji l-ġodda (l-indiċi “tal-Ewropa għan-Negozji l-Ġodda li jaqa’ taħt il-kompetenzi nazzjonali”), l-involviment tal-SMEs fil-prattiki kummerċjali sostenibbli, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs (l-indiċi DESI). Dan ir-rieżami se jiġi ppreżentat u diskuss f’Assemblea annwali tal-SMEs biex tingħata opportunità lill-partijiet ikkonċernati lokali u lill-komunità usa’ ta’ SMEs biex jinvolvu ruħhom attivament.
In-netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs u istituzzjonijiet oħra tal-UE se jkunu involuti fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija, pereżempju, permezz tar-rapport annwali tar-Rappreżentanti lill-Kunsill dwar il-Kompetittività u djalogu regolari mal-Parlament Ewropew. Sabiex jitħejja dan ir-rapport, ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE - flimkien mar-Rappreżentanti tal-SMEs nazzjonali - se jiltaqgħu ma’ dawk li jfasslu l-politiki dwar l-SMEs u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn fl-Istati Membri biex jiddiskutu wkoll il-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-SMEs li jkunu ġew identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Abbażi tal-analiżi miksuba minn dawn il-mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni, ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE se jikkoordina mar-Rappreżentanti tal-SMEs nazzjonali biex jiżviluppaw pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali għal din l-istrateġija għall-SMEs f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tan-negozji lokali.
Id-Definizzjoni ta’ SME tal-UE hija għodda kruċjali li tiżgura li din l-istrateġija timmira l-popolazzjoni t-tajba, jiġifieri li tagħti appoġġ u benefiċċji lill-intrapriżi li għandhom l-aktar bżonn. Il-Kummissjoni timmonitorja regolarment jekk din hija xierqa għall-iskop tagħha. Skont konsultazzjoni pubblika reċenti, studji u stħarriġ id-definizzjoni taħdem sew u hija faċli biex tintuża għall-maġġoranza l-kbira ta’ SMEs tal-UE li huma żgħar u awtonomi. Il-Kummissjoni se tivvaluta aktar u tirrapporta dwar il-kwistjonijiet speċifiċi mqajma, fir-rigward, pereżempju, l-istrutturi ta’ sjieda kumplessi jew l-“effett ta’ intrappolament tal-klijentela” possibbli.
AZZJONIJIET EWLENIN:
·Il-Kummissjoni se taħtar Rappreżentant tal-SMEs tal-UE ta’ livell għoli.
·Il-Kummissjoni se tirrinforza n-netwerk ta’ Rappreżentanti tal-SMEs biex issaħħaħ ir-rabta bejn il-livell tal-UE u l-livell nazzjonali fil-politika dwar l-SMEs.
·Il-Kummissjoni se tvara grupp ta’ Ambaxxaturi għall-Intraprenditorija Strateġika.
·Ir-Rappreżentant tal-SMEs tal-UE se jqajjem kuxjenza dwar l-aspetti relatati mal-SMEs fi djalogu regolari mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju.