IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.5.2020
COM(2020) 550 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn
EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020DC0550
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Tourism and transport in 2020 and beyond
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn
COM/2020/550 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.5.2020
COM(2020) 550 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn
I.INTRODUZZJONI
L-aħħar xhur tal-kriżi tal-COVID-19 ma affettwawx biss lil dawk infettati u l-familji tagħhom, iżda kienu wkoll ta’ piż finanzjarju fuq in-negozji, l-intraprendituri u l-ħaddiema. Kważi kulħadd kellu jagħmel is-sagrifiċċji. Dawk il-ħaddiema li jinsabu fuq quddiem nett fil-kura tas-saħħa jew dawk f’forom aktar intensi ta’ iżolament fiżiku huma fost l-aktar li sofrew.
Jekk jiġu ġestiti b’mod korrett, b’mod sikur u b’mod koordinat, ix-xhur li ġejjin jistgħu jservu ta’ opportunità għall-Ewropej biex igawdu ftit ħin ta’ mistrieħ, ta’ rilassament jew arja friska, tabilħaqq meħtieġa, u biex jiltaqgħu mal-ħbieb u l-familji tagħhom, fl-Istati Membri tagħhom stess jew f’pajjiżi oħra. Dak il-ħsieb waħdu kien biżżejjed biex iżomm lil ħafna nies għaddejjin, iżda dawn iridu wkoll iserrħu rashom li se jkollhom lukandi, siti tal-kampeġġ u ristoranti fejn imorru, mogħdijiet tat-trekking, meded max-xatt u mogħdijiet għaċ-ċikliżmu aċċessibbli, attrazzjonijiet miftuħa xi jżuru, trasport biex wieħed jasal mingħajr restrizzjonijiet, u fuq kollox li jsir dak kollu possibbli biex kemm jista’ jkun jiġi żgurat li ma jkunx hemm infezzjonijiet.
Ix-xhur li ġejjin ma għandhomx jintilfu għall-ekosistema tat-turiżmu tant vibranti Ewropea li tkopri firxa ta’ attivitajiet bħall-ivvjaġġar, it-trasport, l-akkomodazzjoni, l-ikel, ir-rikreazzjoni fuq l-art u l-ilma, il-kultura u n-natura. Direttament u indirettament, din tikkontribwixxi kważi 10 % tal-PDG tal-UE u għamlet lill-UE d-destinazzjoni ewlenija tat-turiżmu fid-dinja, b’563 miljun persuna jaslu minn ajruporti internazzjonali u bi 30 % tad-dħul globali fl-2018 1 .
Għal ħafna Stati Membri, reġjuni u bliet Ewropej, it-turiżmu huwa kontributur ewlieni għan-nisġa ekonomika u soċjali. Aktar minn hekk, jipprovdi impjiegi u dħul li huma tant meħtieġa, ħafna drabi kkonċentrati f’reġjuni li ma jkollhomx sorsi alternattivi ta’ impjieg u li jinvolvu ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet. Iżda din l-ekosistema ntlaqtet ħażin. L-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu (UNWTO) qed tipprevedi tnaqqis fit-turiżmu internazzjonali ta’ 60 % sa 80 % meta mqabbel mas-sena l-oħra, li jammonta għal telf ta’ bejn EUR 840 biljun sa EUR 1.100 biljun fi dħul mill-esportazzjonijiet madwar id-dinja. U x-xhur li ġejjin huma kruċjali: matul staġun normali tas-sajf (Ġunju-Awwissu) ir-residenti tal-UE jagħmlu 385 miljun vjaġġ turistiku u jonfqu EUR190 biljun 2 .
Din il-Komunikazzjoni u l-inizjattivi li jakkumpanjawha jistabbilixxu qafas koordinat biex l-Ewropa tkun tista’ tibbenefika minn staġun turistiku ta' mistrieħ u fuq kollox, wieħed sikur, b’mod gradwali dan is-sajf u fix-xitwa ta' wara u iktar ’il quddiem. B’hekk, hija għandha wkoll l-għan li tappoġġa s-sostenibbiltà tal-ekosistema tat-turiżmu prezzjuża tagħna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
L-għan huwa li tingħata għajnuna lill-Istati Membri biex ineħħu l-miżuri ta’ konfinament biex in-negozji, ix-xogħol u l-ħajja soċjali jerġgħu jibdew f’konformità mal-kriterji epidemjoloġiċi u tas-saħħa pubblika.
Filwaqt li jibni fuq il-Pjan Direzzjonali Konġunt Ewropew lejn it-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-coronavirus 3 , dan il-qafas koordinat huwa bbażat fuq prinċipji, kriterji u rakkomandazzjonijiet komuni, oġġettivi u nondiskriminatorji biex jiggwida lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet kompetenti, lill-korpi tal-industrija, lill-operaturi ekonomiċi u liċ-ċittadini permezz tal-passi li jmiss tal-proċess ta’ dekonfinament.
Madankollu, it-tneħħija tal-miżuri malajr wisq tista’ twassal biex jiżdiedu ħesrem l-għadd ta’ infezzjonijiet. Sakemm ikun hemm vaċċin jew trattament disponibbli, il-ħtiġijiet u l-benefiċċji tal-ivvjaġġar u t-turiżmu jridu jintiżnu kontra r-riskji li jiġi ffaċilitat it-tixrid tal-virus u li jfeġġu mill-ġdid il-każijiet, li jistgħu jirrikjedu l-introduzzjoni mill-ġdid tal-miżuri ta’ konfinament. Għal din ir-raġuni, il-pjanijiet ta’ tħejjija għandhom ikunu fis-seħħ fil-livelli kollha — mil-livelli tal-UE u dawk nazzjonali ’l isfel sal-livell tal-istabbilimenti individwali, l-operaturi tat-trasport, u segmenti oħra tas-settur tat-turiżmu — sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni xierqa, malajr u b’mod koordinat, fuq il-bażi ta’ kriterji espliċiti.
Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn pakkett li jipprovdi riassigurazzjoni u ċarezza għan-nies kif ukoll perkors għall-irkupru fil-każ tat-turiżmu u t-trasport, biex jiġi żgurat li l-UE żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala l-mexxej dinji għal turiżmu sostenibbli u innovattiv.
Il-pakkett jiġbor flimkien gwida u rakkomandazzjonijiet biex: -Ir-ritorn tal-moviment liberu mingħajr restrizzjonijiet u l-ftuħ mill-ġdid tal-fruntieri interni b’mod sikur: Gwida dwar ir-ritorn tal-libertà ta’ moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni -It-trasport u l-konnettività jerġgħu jibdew jitħaddmu b’mod sikur: Gwida dwar it-trasport -Jerġgħu jibdew is-servizzi tat-turiżmu b’mod sikur: Gwida dwar it-turiżmu, b’mod partikolari l-ospitalità -Tiġi indirizzata l-kriżi tal-likwidità u tinbena mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumatur: Rakkomandazzjoni dwar il-vouchers |
II.NAGĦTU LIN-NIES IL-KAPAĊITÀ, IL-FIDUĊJA U S-SIKUREZZA LI JIVVJAĠĠAW MILL-ĠDID
Ħafna Ewropej huma ħerqana li jsiefru u li jieħdu pawża matul ix-xhur tas-sajf iżda jridu jkunu żguri wkoll li jkunu jistgħu jivvjaġġaw u jqattgħu l-vaganzi tagħhom b’mod sikur.
a. Ir-ritorn tal-moviment liberu mingħajr restrizzjonijiet u l-ftuħ mill-ġdid tal-fruntieri interni b’mod sikur
Sa mill-bidu tal-pandemija, prattikament l-Istati Membri kollha implimentaw restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali, spiss akkumpanjati minn rekwiżiti għal vjaġġaturi transfruntiera biex jibqgħu fi kwarantina. Il-fruntieri esterni tal-UE ngħalqu għall-vjaġġi mhux essenzjali u ħafna Stati Membri reġgħu daħħlu temporanjament il-kontrolli fil-fruntieri interni. Dan fisser li miljuni ta’ ċittadini Ewropej f’daqqa waħda ma setgħux jivvjaġġaw għal xogħol, edukazzjoni jew divertiment 4 , u ħafna minnhom ġew isseparati mill-familji u l-ħbieb tagħhom għal xhur.
It-turiżmu Ewropew jiddependi fuq il-possibbiltà li l-Ewropej jiċċaqalqu b’mod liberu madwar l-UE.
Il-Komunikazzjoni “Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni” 5 - adottata mill-Kummissjoni bħala parti minn dan il-pakkett — tipprovdi rakkomandazzjonijiet għat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu u tal-kontrolli fil-fruntieri interni madwar l-UE. Tipproponi approċċ f’fażijiet flessibbli, li jirrikjedi koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni bil-għan li gradwalment jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri biex tiġi żgurata l-libertà tal-moviment mingħajr restrizzjonijiet madwar l-UE u terġa’ tiġi stabbilita l-integrità taż-żona Schengen .
Hekk kif l-Istati Membri jirnexxilhom inaqqsu ċ-ċirkolazzjoni tal-virus, ir-restrizzjonijiet ġenerali għall-moviment liberu lejn u minn żoni jew reġjuni oħra fi Stati Membri li għandhom profil ta’ riskju ġenerali simili għandhom jiġu sostitwiti b’miżuri aktar immirati, filwaqt li jiġu żgurati miżuri ta’ tbegħid fiżiku u t-traċċar u l-ittestjar effettivi ta’ kwalunkwe każ suspettat.
F’konformità mal-Pjan Direzzjonali Konġunt Ewropew, fi ħdan l-UE, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għandhom l-ewwel jitneħħew f’żoni b’sitwazzjoni epidemjoloġika komparabbli u fejn hemm biżżejjed kapaċitajiet fis-seħħ f’termini ta’ kapaċitajiet ta’ sptarijiet, ittestjar, sorveljanza u traċċar ta’ kuntatti. Barra minn hekk, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, qed jiżviluppa u se jżomm mappa tal-livell tat-trażmissjoni tal-COVID-19 u jkompli jaġġornaha b’mod regolari, inkluż fil-livell subnazzjonali. L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu data biex jiżguraw li din il-mappa tkun kompluta, aġġornata u sservi bħala għodda trasparenti biex tiġi pprovduta informazzjoni fil-livell tal-UE li għandha tintuża mill-awtoritajiet, mill-operaturi tat-trasport, mill-fornituri tas-servizzi, u mill-vjaġġaturi.
Għat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu u għat-tneħħija tal-fruntieri interni, għandhom jiġu żgurati l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE. Meta Stat Membru jneħħi r-restrizzjonijiet tiegħu għall-moviment lejn u minn ċerti reġjuni jew żoni fi Stat Membru ieħor, għal raġunijiet epidemjoloġiċi, dan għandu japplika, mingħajr diskriminazzjoni, għall-persuni kollha li jgħixu f’dawn it-territorji, irrispettivament minn jekk humiex ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati jew le 6 , u għandu japplika għall-partijiet kollha tal-Unjoni f’sitwazzjoni epidemjoloġika simili. Għaċ-ċittadin komuni, dan ikun ifisser li jkun jaf biċ-ċar fejn jista’ jivvjaġġa, u b’hekk ikun jista’ jippjana.
Il-Kummissjoni qed tipprovdi gwida lill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jneħħu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu u l-kontrolli fil-fruntieri interni b’mod gradwali u kkoordinat. L-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż fil-“Grupp ta’ Informazzjoni COVID-19 — Affarijiet Interni”, se jkompli jiffaċilita dan il-proċess. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu data lill-ECDC biex jiżguraw li l-mappa tal-livell ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 fil-livell subnazzjonali tkun kompluta u aġġornata. |
b) Jerġgħu jibdew is-servizzi tat-trasport b’mod sikur
Bil-Komunikazzjoni “COVID-19: Linji gwida dwar ir-ritorn progressiv tas-servizzi tat-trasport u l-konnettività” 7 , il-Kummissjoni qed tipprovdi gwida bbażata fuq qafas ta’ prinċipji u sett ta’ għodod komuni.
Dan se jgħin biex jerġgħu jibdew jaħdmu s-servizzi tat-trasport ta’ kull tip madwar l-UE b’mod konsistenti u li jinftiehem: it-teħid ta’ miżuri kkoordinati u bbażati fuq ir-riskju li huma nondiskriminatorji u proporzjonati, limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni u fit-tul għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi protetta s-saħħa pubblika; it-teħid ta’ miżuri mmirati minflok projbizzjonijiet ġenerali; it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq it-trasport individwalizzat; u t-tisħiħ tal-għażliet tat-trasport kollettiv aktar sikur.
Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li l-miżuri li jittieħdu fl-Istati Membri jkunu kompatibbli, koordinati u aċċettati b’mod reċiproku bejn il-fruntieri u bejn ir-reġjuni. Għal darb’oħra, dan se jagħti lin-nies aktar libertà, sikurezza u ċertezza biex jivvjaġġaw.
Dawn il-Linji Gwida jindirizzaw ukoll kif trid tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema tat-trasport u tal-passiġġieri, u kif irid jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet fiċ-ċentri tat-trasport u fil-vetturi f’kull mezz tat-trasport. Filwaqt li wieħed iqis l-iżvilupp ta’ ċirkostanzi epidemjoloġiċi u ta’ ħtiġijiet ta’ konnettività li qed jinbidlu, l-Istati Membri se jkollhom bżonn jaġġustaw il-miżuri b’mod proattiv biex jiżguraw il-bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u t-tħaddim mill-ġdid tas-servizzi tat-trasport, b’rabta ma’ attivitajiet ekonomiċi oħra, bħat-turiżmu. L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OSHA) ippubblikat ukoll miżuri ġenerali ta’ saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol fir-rigward tar-ritorn lejn il-postijiet tax-xogħol 8 .
Il-Kummissjoni qed tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom jerġgħu jibdew jitħaddmu s-servizzi tat-trasport u l-konnettività b’mod progressiv u b’mod koordinat. |
c. Jerġgħu jibdew is-servizzi tat-turiżmu bl-inqas riskji għas-saħħa
Permezz tal-Komunikazzjoni “COVID-19: Gwida tal-UE biex jerġgħu jibdew progressivament is-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità” 9 , il-Kummissjoni tistabbilixxi prinċipji biex jiggwidaw lill-Istati Membri dwar kif għandhom jerġgħu jibdew l-attivitajiet tat-turiżmu u dwar il-protokolli relatati mal-COVID-19 għall-istabbilimenti tal-ospitalità li jnaqqsu r-riskji ta’ infezzjoni kemm għall-klijenti kif ukoll għall-persunal ospitanti.
Din il-Gwida hija bbażata fuq il-parir tal-ECDC u tfittex li tipproteġi lit-turisti u lill-ħaddiema, filwaqt li jiġu rrispettati r-regoli tas-saħħa pubblika u l-miżuri ta’ tbegħid soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom ikunu flessibbli, skont is-sitwazzjoni lokali tas-saħħa u jippermettu ftuħ mill-ġdid gradwali ta’ segmenti tat-turiżmu. Il-Gwida tipproponi sett minimu ta’ prinċipji, li fl-istess ħin jissodisfaw rekwiżiti rigorużi ta’ saħħa u sikurezza, u tenfasizza l-importanza ta’ informazzjoni aġġornata u faċilment aċċessibbli għall-vjaġġaturi.
Għan-nies dan se jfisser li se jkun hemm regoli raġonevoli li jkunu jinftiehmu b’mod ċar li jippermettulhom b’mod sikur li:
·Joqogħdu f’lukandi, siti tal-ikkampjar, Bed & Breakfasts jew stabbilimenti oħra tal- akkomodazzjoni turistika;
·Jieklu u jixorbu fir-ristoranti, il-barijiet u l-kafetteriji;
·Imorru l-bajjiet u żoni oħra ta’ divertiment 10 .
Il-Kummissjoni qed tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom jerġgħu jibdew b’mod progressiv is-servizzi tat-turiżmu u jimplimentaw protokolli xierqa tas-saħħa u s-sikurezza. |
d. L-użu tat-teknoloġija diġitali
In-nies għandhom jingħataw is-setgħa li jipproteġu lilhom infushom u lill-oħrajn permezz ta’ mġiba responsabbli. Jeħtieġ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni, inkluż permezz ta’ mezzi diġitali, dwar il-fruntieri u l-ivvjaġġar, dwar l-istabbilimenti turistiċi, u dwar il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà u saħħa fil-post li bi ħsiebhom imorru. Jeħtieġu din l-informazzjoni kemm biex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom kif ukoll għal waqt il-vaganzi stess. Jeħtieġ ukoll li jiġu assigurati li r-regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà pubblika stabbiliti jirrispettaw l-istess kriterji fl-Istati Membri kollha.
Tul dan is-sajf u fix-xhur li ġejjin x’aktarx li l-Ewropej se jagħżlu destinazzjonijiet turistiċi domestiċi u Ewropej. Biex ikunu ċerti li jistgħu jivvjaġġaw u jqattgħu l-vaganzi tagħhom b’mod sikur, huma se jkunu jeħtieġu aċċess faċli għal informazzjoni f’ħin reali dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, pariri dwar l-ivvjaġġar, is-saħħa pubblika u l-miżuri ta’ sikurezza, fejn għandhom imorru f’każ ta’ kwistjonijiet ta’ saħħa, u s-servizzi tat-turiżmu disponibbli. Il-Kummissjoni se twaqqaf sit web apposta b’mappa interattiva li tikkombina informazzjoni mill-Istati Membri u l-industrija turistika u tal-ivvjaġġar.
It-teknoloġiji u d-data diġitali għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-pandemija. L-applikazzjonijiet tal-mowbajl jistgħu jsaħħu l-istrateġiji li jittraċċaw il-kuntatt u jappoġġaw lill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika fil-monitoraġġ u l-konteniment tat-tixrid tal-virus. L-intelliġenza artifiċjali (IA) u r-robotika jistgħu jgħinu wkoll fil-monitoraġġ ta’ tbegħid fiżiku skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data jew il-faċilitazzjoni ta’ diżinfettar, speċjalment f’postijiet bi flussi regolari ta’ turiżmu. Permezz tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali, il-Kummissjoni se tuża appoġġ dedikat għan-negozji tat-turiżmu lokali biex tgħinhom ilaħħqu mar-realtajiet ġodda tal-istaġun turistiku (jiġifieri, robots għad-diżinfettar u t-tindif, il-ġestjoni tal-folol, sistemi ta’ prenotazzjoni intelliġenti, eċċ.), inkluża hackathon iddedikat dwar l-użu tat-teknoloġiji diġitali fit-turiżmu 11 .
Fl-istess ħin, dawn it-teknoloġiji jistgħu jagħtu s-setgħa lin-nies li jieħdu, huma stess, dawk il-miżuri ta’ tbegħid fiżiku li jidhrilhom li huma effettivi u aktar speċifiċi għall-każ tagħhom. Dawn l-applikazzjonijiet huma partikolarment rilevanti waqt il-fażi tat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment, meta r-riskju ta’ infezzjoni jikber minħabba li aktar u aktar nies jiġu f’kuntatt ma’ xulxin.
Meta l-ivvjaġġar fl-UE jerġa’ jibda, l-awtoritajiet pubbliċi, dawk li jivvjaġġaw kuljum jew li jivvjaġġaw fuq xogħol u t-turisti, jistgħu jużaw l-apps għat-traċċar tal-kuntatti għall-benefiċċju tagħhom, filwaqt li jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-privatezza, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-użu volontarju ta’ apps bħal dawn. Għal dan il-għan, l-interoperabbiltà hija essenzjali sabiex l-utenti jkunu avżati mill-app tagħhom, ikunu fejn ikunu fl-Ewropa. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jaħdmu biex jiżguraw li: illum jiġi ppubblikat protokoll dwar il-prinċipji tal-interoperabbiltà, żviluppat mill-Istati Membri permezz tan-network tas-saħħa elettronika, bl-appoġġ tal-Kummissjoni.
In-negozji u l-gvernijiet jistgħu wkoll jużaw soluzzjonijiet diġitali għal skopijiet ta’ ppjanar u għall-ġestjoni tal-fluss tat-turisti, pereżempju fir-rigward tal-għadd massimu globali ta’ ljieli ta’ soġġorn f’reġjun, in-numru massimu ta’ viżitaturi f’siti kulturali u ta’ wirt storiku jew jippjanaw il-ħin għal dawk bil-ħsieb li jżuru xi mużew jew li joħorġu jieklu f’xi ristorant.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkomplu jiżviluppaw il-qafas Ewropew għall-interoperabbiltà għall-applikazzjonijiet mobbli biex jappoġġaw it-traċċar tal-kuntatti. Il-Kummissjoni se twaqqaf sit web apposta b’mappa li tiġbor informazzjoni f’ħin reali marbuta mat-turiżmu. Il-Kummissjoni se tappoġġa soluzzjonijiet innovattivi li jkunu konformi mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data għall-użu tal-IA u r-robotika biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19 u tgħin lin-negozji tat-turiżmu jlaħħqu mar-realtajiet il-ġodda. |
e. Nipproteġu d-drittijiet tagħhom
In-nies mhux dejjem jiġu rimborsati direttament għall-flus li jkunu ħallsu minn qabel għat-trasport ikkanċellat u għas-servizzi tal-ivvjaġġar. F’xi każijiet, jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ penali ta’ kanċellazzjoni għal servizzi turistiċi li ma setgħux jużaw. Għalhekk huwa importanti li jkollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli kif ukoll għal assistenza u korpi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim effiċjenti.
Il-konsumaturi residenti fl-Unjoni jistgħu jiddependu fuq appoġġ bla ħlas min-network taċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur (ECC) meta jipprenotaw il-vaganzi f’pajjiż ieħor tal-UE. Tul dawn il-ġimgħat l-ECCs li kienu qed jassistu l-konsumaturi bix-xiri transfruntier tagħhom raw żieda fl-għadd ta’ rikjesti għall-informazzjoni (’il fuq minn 5000 fl-aħħar ġimgħa ta’ April 2020 12 ). Il-korpi nazzjonali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim innutaw ukoll żieda fit-tilwim relatat mat-turiżmu.
It-trasparenza tal-proċeduri tal-prenotazzjoni tal-ivvjaġġar bħalissa hija partikolarment importanti biex jingħataw inċentivi għall-ivvjaġġar fil-futur u biex jiġu żgurati prattiki kummerċjali ġusti li ma jippermettu lil ebda operatur japprofitta minn dikjarazzjonijiet qarrieqa, bħal meta wieħed jagħti x'jifhem li ċerti postijiet huma mfittxijin ħafna. In-Netwerk ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC), ikkoordinat mill-Kummissjoni, jinsab fi djalogu mal-pjattaformi ta’ vjaġġar online u mal-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi għal raġunijiet ta’ trasparenza u ġustizzja b’rabta mal-prenotazzjonijiet online u diġà kien f’kuntatt magħhom meta ġie bżonn ta' informazzjoni marbuta mar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
Il-Kummissjoni qed tassisti ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi sabiex jiġbru suġġerimenti u informazzjoni dwar akkomodazzjonijiet, kiri tal-karozzi, u avvenimenti kkanċellati li kienu ġew prenotati bħala servizzi individwali 13 . Il-Kummissjoni se tqis modi kif is-servizzi tal-ECC, abbażi ta’ sħubiji ma’ korpi simili f’pajjiżi terzi, ikunu jistgħu jiġu estiżi għall-vjaġġaturi li jirrisjedu f’pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll il-bini tal-kapaċità għal korpi ta’ Soluzzjonijiet Alternattivi għat-Tilwim, li jgħinu lill-konsumaturi u lin-negozjanti jsibu soluzzjonijiet amikevoli. |
III.NERĠGĦU NĠIBU LIT-TURIŻMU FUQ SAQAJH
Il-miżuri ta’ hawn fuq għandhom jagħtu lin-nies il-possibbiltà u l-fiduċja li jivvjaġġaw b’mod sikur. Iżda waħedhom mhux se jkunu biżżejjed biex jiżguraw li jkun hemm staġun tas-sajf tajjeb. L-industrija tat-turiżmu tagħna tinsab f’sitwazzjoni diffiċli u jeħtieġ żbokk mnejn toħroġ mill-kriżi u tirkupra.
a) L-importanza fundamentali tat-turiżmu
It-turiżmu huwa r-raba’ l-akbar kategorija ta’ esportazzjoni tal-UE u jġib benefiċċji li jkomplu jferrgħu fl-ekonomija Ewropea kollha: EUR 1 ta’ valur miżjud iġġenerat mit-turiżmu jirriżulta f'56 ċenteżmu addizzjonali ta’ valur miżjud bħala effett indirett fuq industriji oħra.
It-turiżmu huwa ekosistema kumplessa b’ħafna atturi: fornituri ta’ informazzjoni u servizzi offline u online (uffiċċji turistiċi, pjattaformi diġitali, fornituri tat-teknoloġija tal-ivvjaġġar), aġenti tal-ivvjaġġar u operaturi turistiċi, fornituri tal-akkomodazzjoni, organizzazzjonijiet għall-ġestjoni tad-destinazzjoni, attrazzjonijiet għall-viżitaturi u attivitajiet għat-trasport tal-passiġġieri. It-turiżmu u t-trasport huma mibnija wkoll fuq industriji kbar (eż. il-kostruzzjoni, il-manifattura tal-inġenji tal-ajru, il-bini tal-bastimenti). Korporazzjonijiet multinazzjonali kbar joperaw flimkien ma’ kumpaniji żgħar, li 90 % tagħhom li huma SMEs. It-turiżmu huwa preżenti f’ħafna tipi differenti ta’ żoni u reġjuni: ċentri urbani, insulari, kostali, rurali, żoni remoti u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE 14 .
Sors: WTTC
It-turiżmu huwa s-sinsla tal-ekonomija għal ħafna Stati Membri (erbgħa minnhom huma fost l-aqwa destinazzjonijiet dinjin għall-wasliet internazzjonali 15 .) Ir-reġjuni fl-Ewropa jvarjaw fid-dipendenza tagħhom fuq l-attivitajiet turistiċi. L-impatt huwa b’saħħtu fuq il-gżejjer, ir-reġjuni kostali u dawk ultraperiferiċi, minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-attivitajiet turistiċi jew id-dipendenza tagħhom fuq l-ivvjaġġar internazzjonali bl-ajru. Iż-żoni rurali, b’konnettività limitata u li jiddependu fuq it-turiżmu, ukoll ħassew impatt qawwi.
Mappa ta’ vulnerabbiltà reġjonali. Sors: il-JRC. L-Indiċi tal-Vulnerabbiltà jiġi evalwat bejn il-pari, billi jitqiesu żewġ indikaturi: l-intensità tat-turiżmu u l-istaġunalità.
b) L-impatt tal-kriżi
Il-pandemija qed tpoġġi l-ekosistema tat-turiżmu tal-UE taħt pressjoni bla preċedent. Minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u f’oqsma oħra, it-turiżmu waqaf gradwalment matul l-ewwel kwart tal-2020 fl-UE u mad-dinja kollha. L-OECD tistma li dan it-tnaqqis hu ta' bejn 45 % u 70 %, skont it-tul tal-kriżi tas-saħħa u skont il-pass tal-irkupru.
L-intrapriżi tat-turiżmu qed iħabbtu wiċċhom ma’ kriżi ta’ likwidità akuta. Skont l-istimi tal-industrija, it-telf tad-dħul fil-livell Ewropew laħaq il-85 % għal-lukandi u r-ristoranti, 85 % għall-operaturi turistiċi u għall-aġenziji tal-ivvjaġġar, 85 % għall-ferroviji fuq distanzi twal u 90 % għall-kruċieri u l-linji tal-ajru. L-industrija tal-UE għall-ivvjaġġar u t-turiżmu tirrapporta tnaqqis tal-prenotazzjonijiet fil-medda ta’ bejn 60 % u 90 %, meta mqabbla mal-perjodi korrispondenti fis-snin preċedenti. L-SMEs qed isofru l-iktar minħabba l-kriżi: minħabba nuqqas ta’ likwidità u nuqqas ta’ ċertezza, qed ibatu biex ikampaw, jaċċessaw il-finanzjament u jżommu l-impjegati u t-talent tagħhom.
Mingħajr azzjoni urġenti u finanzjament ta’ emerġenza biex ikampaw sakemm jerġgħu jibdew il-flussi turistiċi, ħafna kumpaniji kapaċi jfallu fil-ġimgħat jew ix-xhur li ġejjin.
L-impjiegi huma mhedda wkoll. It-turiżmu jiddependi ħafna mill-ħaddiema staġunali u temporanji (23% 16 ), li ħafna minnhom huma żgħażagħ (37% tal-ħaddiema tat-turiżmu għandhom inqas minn 35 sena), nisa (59%), u minn pajjiżi oħra (15% mill-UE jew mhux mill-UE) 17 . Dawn l-impjiegi spiss huma kkonċentrati f’reġjuni mingħajr ebda sors alternattiv ta’ impjieg u jinvolvu ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, u fejn it-turiżmu jammonta għal bejn 10% u 50% tal-impjiegi totali f’ħafna minnhom, inklużi r-reġjuni gżejjer, remoti u ultraperiferiċi. It-turiżmu huwa parti importanti mill-grupp ta’ atturi tal-ekonomija soċjali li jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali. Jekk ma jkunx hemm azzjoni urġenti li tappoġġa l-impjiegi, il-kriżi tista’ twassal biex jintilfu 6 miljun impjieg fl-Ewropa u tista’ tħalli impatt negattiv fuq l-għajxien ta’ ħafna aktar nies fi Stati Membri differenti, ħafna drabi fost dawk l-aktar ekonomikament vulnerabbli.
c) Nindirizzaw il-kwistjoni tal-likwidità
Numru ta’ Stati Membri, taħt il-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat adottat f’Marzu 2020, diġà ħadu azzjoni biex jipprovdu għotjiet diretti sa EUR 800 000, jew self jew garanziji b’termini favorevoli ħafna għal ammonti akbar; jew, f’xi każijiet, jagħtu kumpens lin-negozji għall-ħsarat imġarrba minħabba l-pandemija.
L-UE użat EUR 1 biljun bħala garanzija għall-Fond Ewropew tal-Investiment, li se jservi ta’ ingranaġġ għal garanzija fuq is-self ta’ EUR 8 biljun li jgħin 100 000 SME fl-UE, inkluż fit-turiżmu.
L-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus tagħti lok għal flessibbiltà konsiderevoli lill-Istati Membri li jiddirettaw il-finanzjament tal-koeżjoni biex jipprovdu likwidità immedjata għall-SMEs li joperaw fit-turiżmu u jgħinuhom iħejju ruħhom għall-istaġun tas-sajf/tax-xitwa 2020. B’mod partikolari, il-finanzjament tal-kapital operatorju tal-SMEs jista’ jkopri l-ispejjeż tax-xogħol, il-materjali u l-inputs operattivi, l-inventarji u l-ispejjeż ġenerali, il-kera u l-utilitajiet. Dan ikun jinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ finanzjament kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-awtoritajiet reġjonali biex jikkonformaw mal-protokolli tas-saħħa pubblika, inkluż it-tindif, it-tagħmir protettiv, l-adattament tal-ispazji pubbliċi, is-saħħa u l-kapaċitajiet mediċi biex jintlaħqu għadd akbar ta’ viżitaturi.
Lil hinn mill-assistenza lin-negozji tat-turiżmu biex jadattaw għar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika, l-appoġġ finanzjarju tal-UE u dak nazzjonali għandu jkun disponibbli biex jistimula investimenti addizzjonali li jsaħħu r-reżiljenza.
Sabiex jgħinu lir-reġjuni li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji komprensivi ta’ rkupru għal dawn ir-reġjuni, abbażi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti eżistenti u l-istrateġiji territorjali mmexxija mill-politika ta’ koeżjoni. Strateġiji bħal dawn, fl-ewwel stadju għandhom jappoġġaw kumpaniji fit-turiżmu u servizzi relatati biex jerġgħu jibdew joperaw permezz ta’ aċċess aħjar għall-finanzjament. Dan għandu jsir flimkien ma’ miżuri li jippromwovu d-diġitalizzazzjoni, is-sostenibbiltà u l-investiment fil-ħiliet permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew biex jiġu promossi t-turiżmu u l-mobbiltà sostenibbli, kif ukoll id-diversifikazzjoni ekonomika biex tinbena reżiljenza għal xokkijiet esterni.
Dawn l-istrateġiji għandhom ukoll jidderieġu l-fondi ta’ koeżjoni attwali lejn investimenti li jġibu lura l-fiduċja tat-turisti bħall-ġestjoni ta’ spazji pubbliċi u l-implimentazzjoni ta’ protokolli tas-saħħa u s-sikurezza. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-appoġġ għar-reġjuni li jiddependu b’mod qawwi mit-turiżmu jkun immirat b’mod aktar effettiv fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-programmi ta’ koeżjoni.
Il-Kummissjoni se tħeġġeġ ukoll il-kollaborazzjoni bejn ir-reġjuni biex jiżviluppaw soluzzjonijiet intelliġenti għall-irkupru fl-ekosistema tat-turiżmu. Wara s-suċċess tal-proġett pilota reċenti, il-Kummissjoni se tniedi sejħa ġdida għal sħubija interreġjonali b’rabta mat-turiżmu biex tikkondividi, tittestja u timplimenta soluzzjonijiet intelliġenti ġodda għall-irkupru, billi toħloq katina tal-valur ġdida ta’ turiżmu innovattiv, responsabbli u sostenibbli.
Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-aktar milquta mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku marbut mat-turiżmu jużaw il-possibbiltajiet li toffri l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus biex jiġu appoġġati l-SMEs tat-turiżmu bħala parti mir-riprogrammar tal-fondi ta’ koeżjoni li għaddej bħalissa. |
d) Vouchers attraenti, volontarji: jirbħu kemm in-negozji kif ukoll il-klijenti
L-ikbar problema tal-likwidità għall-industrija tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu li qed tikkonfronta għadd bla preċedent ta’ talbiet ta’ rimbors għall-kanċellazzjonijiet hija n-nuqqas ta’ prenotazzjonijiet ġodda. Sabiex jiġu ċċarati r-regoli applikabbli tal-Unjoni f’dan il-qasam, fit-18 ta’ Marzu l-Kummissjoni adottat linji gwida interpretattivi dwar ir-Regolamenti tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri, u fid-19 ta’ Marzu ħarġet gwida informali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox inkluż.
Bir-Rakkomandazzjoni Rakkomandazzjoni dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimbors ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 18 , il-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura li l-vouchers għall-passiġġieri u l-vjaġġaturi jsiru alternattiva vijabbli u attraenti għar-rimbors għal vjaġġi kkanċellati. It-trasportaturi u l-operaturi tal-ivvjaġġar għandhom isegwu approċċ konġunt, filwaqt li jagħtu lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi għażla attraenti u affidabbli bejn rimbors ta’ flus, f’konformità mad-drittijiet legali tagħhom skont id-dritt tal-UE, jew minflok jaċċettaw voucher.
Sabiex jipprovdu inċentiv għall-passiġġieri u l-vjaġġaturi biex jaċċettaw il-vouchers minflok ir-rimbors, il-vouchers għandhom ikunu protetti kontra l-insolvenza ta’ min joħroġhom u jkunu rimborsabbli wara massimu ta’ sena jekk ma jintużawx. L-operaturi għandhom jikkombinaw ukoll ċerti karatteristiċi biex il-vouchers ikunu attraenti għall-passiġġieri jew għall-vjaġġaturi. Pereżempju, il-vouchers għandhom jipprovdu flessibbiltà dwar il-firxa ta’ servizzi li għalihom jistgħu jintużaw u t-trasferibbiltà tagħhom. Dan jippermetti wkoll li l-passiġġieri u l-vjaġġaturi jkunu aktar kunfidenti li jagħmlu prenotazzjonijiet ġodda. Vouchers aċċessibbli b’mod wiesa’ u sikuri jipprovdu soluzzjoni kosteffiċjenti għall-operaturi biex iħallsu lura lill-vjaġġaturi u lill-passiġġieri.
Lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi, it-trasportaturi u l-organizzaturi għandhom joffrulhom vouchers li jippreżentaw alternattiva attraenti u affidabbli għar-rimbors fi flus, bil-karatteristiċi deskritti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Il-vouchers għandhom ikunu protetti kontra l-insolvenza tat-trasportaturi u tal-organizzaturi u jkunu rimborsabbli wara sena jekk ma jintużawx. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-passiġġieri fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għandhom iħeġġu lill-vjaġġaturi u lill-passiġġieri jaċċettaw vouchers li jippreżentaw il-karatteristiċi deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni, minflok ir-rimbors fi flus. L-organizzazzjonijiet tan-negozju, tal-konsumaturi u tal-passiġġieri fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, fosthom il-korpi nazzjonali tal-infurzar tagħhom, għandhom jikkontribwixxu biex jinfurmaw lill-partijiet ikkonċernati kollha b’din ir-Rakkomandazzjoni u jikkooperaw għall-implimentazzjoni tagħha. |
e) Nibżgħu għall-impjiegi
Il-Fond Soċjali Ewropew qed jappoġġa skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar biex jissalvagwardja l-impjiegi. Barra minn hekk, l-inizjattiva għall-Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) b’mod temporanju se tipprovdi għajnuna finanzjarja ta’ massimu ta’ EUR 100 biljun biex tgħin lill-Istati Membri jkopru l-kostijiet tal-iskemi nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jippermettu lill-kumpaniji jissalvagwardjaw l-impjiegi. Programmi pubbliċi bħal dawn jippermettu lill-intrapriżi jnaqqsu l-ħinijiet tax-xogħol filwaqt li jipprovdu appoġġ għall-introjtu lill-ħaddiema tagħhom.
Il-prijorità ewlenija hi li l-ħaddiema li jitilfu l-impjieg jiġu appoġġati biex isibu impjieg ġdid. Dan jeħtieġ sħubijiet bejn is-servizzi tal-impjieg, is-sħab soċjali u l-kumpaniji biex jiffaċilitaw il-kollokament rapidu f’impjiegi ġodda u t-taħriġ mill-ġdid, bl-enfasi fuq iż-żgħażagħ u inkluż l-appoġġ għall-ħaddiema staġunali.
Biex tiżdied ir-reżiljenza u biex fil-futur jiġu evitati nuqqasijiet ta’ ħiliet li huma meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali 19 , jenħtieġ li l-Istati Membri jżidu wkoll l-opportunitajiet eżistenti għat-titjib tal-ħiliet, permezz ta’ fondi nazzjonali u tal-UE (eż. il-Fond Soċjali Ewropew, InvestEU, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali).
Fil-livell tal-UE, il-pjan ta’ azzjoni għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni strateġika bejn il-partijiet ikkonċernati ewlenin biex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-ħiliet fuq medja ta’ żmien qasira u medja f’setturi partikolari, fosthom it-turiżmu 20 . L-Aġenda għall-Ħiliet aġġornata li ġejja se tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni settorjali biex jiġu indirizzati l-ħiliet li hemm bżonn, b’enfasi fuq il-ħiliet għal tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi ta’ suċċess. Reġjuni bi strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti għat-turiżmu u raggruppamenti Ewropej attivi fit-turiżmu jistgħu jingħaqdu f’dan ir-rigward, appoġġati mill-programmi Erasmus u Interreg.
f) Nippromwovu t-turiżmu lokali
It-turiżmu domestiku u intra-UE se jkun l-iktar mifrux fuq it-terminu l-qasir. 267 miljun Ewropew (62% tal-popolazzjoni) jieħdu mill-inqas vaganza waħda fis-sena u 78% tal-Ewropej iqattgħu l-btajjel tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom jew f’pajjiż ieħor tal-UE 21 .
Jekk inħarsu lejha b’mod kreattiv, ladarba jitneħħew il-miżuri tal-lockdown, il-kriżi toffri opportunità biex l-Ewropej igawdu d-diversità rikka tal-kultura u tan-natura f’pajjiżhom jew f’pajjiżi oħra tal-UE, u jiskopru esperjenzi ġodda s-sena kollha.
22 23 24 Bosta reġjuni u bliet Ewropej jiddependu ħafna mit-turiżmu kulturali. It-teknoloġija għenet biex it-turiżmu kulturali jiġġedded waqt din il-pandemija, minħabba li nfetħu opportunitajiet ġodda għall-espressjoni tal-kreattività u billi twessgħu l-udjenzi. It-turiżmu kostali, marittimu u tal-passaġġ fuq l-ilma intern, kif ukoll it-turiżmu rurali huwa preżenti f’bosta reġjuni tal-UE u qed joħloq offerti ta’ turiżmu lokalizzati u innovattivi għan-negozju ’l barra mill-istaġun u opportunitajiet ta’ rikreazzjoni. Qegħdin ifeġġu opportunitajiet ġodda biex niskopru ġawhar kulturali u naturali moħbijin jew minsija eqreb ta’ djarna, u biex induqu prodotti magħmula lokalment. Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji proposta għall-2021 tista’ tiffoka fuq dan il-mezz speċifiku tal-ivvjaġġar biex tippromwovi t-turiżmu intra-UE.
Fl-Istati Membri fejn ġew stabbiliti skemi ta’ vouchers ta’ patroċinju il-konsumaturi wrew entużjażmu biex jappoġġaw il-lukandi jew ir-ristoranti favoriti tagħhom. Skemi bħal dawn jistgħu jestendu għal negozji oħra relatati mat-turiżmu bħall-kultura u d-divertiment. Il-Kummissjoni se tipprovdi portal tal-IT biex tenfasizzahom. Il-portal se jlaqqa' l-fornituri mal-inizjattivi u mal-pjattaformi kollha li joffru skemi bħal dawn. Se jgħin liċ-ċittadini jsibu l-inizjattivi u l-offerti kollha madwar l-UE. Barra minn hekk, u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tappella għal wegħdiet ta’ impenn biex jitnedew sistemi ta’ vouchers ta’ patroċinju mill-organizzazzjonijiet tat-turiżmu lokali, iżda wkoll minn parteċipanti fis-suq li huma attivi fis-settur tat-turiżmu, bħall-pjattaformi online żgħar u kbar (li permezz tagħhom ħafna negozji tat-turiżmu jagħmlu kuntatt mal-klijenti), il-kumpaniji tal-karti ta’ kreditu u l-fornituri ta’ sistemi tal-pagament.
Il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri se tappella għal wegħdiet ta’ impenn biex jitnedew sistemi ta’ vouchers ta’ patroċinju u se twaqqaf pjattaforma online biex tlaqqa’ lil dawk li jkunu wegħdu l-impenn tagħhom mal-fornituri fis-settur tat-turiżmu. Il-Kummissjoni se tippromwovi tranżizzjoni lejn mudell aktar sostenibbli tat-turiżmu kostali u marittimu, bħala parti mill-approċċ strateġiku tagħha għal ekonomija blu sostenibbli. Se tappoġġa wkoll l-agrituriżmu bħala mudell sostenibbli ta’ turiżmu fiż-żoni rurali. Minn Ġunju, Europeana 25 , il-pjattaforma Ewropea għall-Wirt Kulturali Diġitali, se tiżviluppa aktar l-angolu turistiku tagħha li juri l-ġawhar kulturali Ewropej u dawk moħbija. L-app li takkumpanjaha Cultural gems 26 se tniedi kampanja għal "ċittadini ambaxxaturi" fit-tieni nofs tas-sena biex tippromwovi t-turiżmu ta’ prossimità. B’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi preċedenti biex tappoġġa l-iskambju tal-informazzjoni u tħeġġeġ lill-Ewropej biex jiskopru d-diversità tal-pajsaġġi, il-kulturi u l-esperjenzi fl-Ewropa, fosthom il-Kapitali Ewropej għat-Turiżmu Intelliġenti 27 u d-Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza (EDEN) 28 . |
IV.NAĦDMU FLIMKIEN
Il-kwistjonijiet marbuta mat-turiżmu, mat-trasport u mal-fruntieri huma rregolati minn sensiela kumplessa ta’ oqfsa ta’ politika żviluppati u implimentati separatament fuq livelli differenti – lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE. Il-bliet u xi kultant ir-reġjuni huma responsabbli għal firxa wiesgħa ta’ politiki dwar it-turiżmu u t-trasport. Id-diversità tal-ekosistema tat-turiżmu hija riflessa fil-governanza tagħha, iżda dan joħloq ċertu sfidi wkoll għax miżuri ta’ politika implimentati fil-livelli varji mingħajr koordinazzjoni jistgħu jinnewtralizzaw jew saħansitra jxekklu lil xulxin.
Flimkien u b’rabta mal-miżuri lokali, reġjonali u nazzjonali, dawn l-azzjonijiet u l-gwida ta’ dan il-pakkett għandhom jgħinu biex l-ekosistema tat-turiżmu tingħata bażi soda. Iżda biex kollox imur sew, jenħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni ġenwina bejn għadd ta’ oqfsa ta’ politika u sett ta’ atturi rilevanti għat-turiżmu:
•B’mod orizzontali, bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u mal-Kummissjoni;
•B’mod vertikali bejn l-uffiċjali tad-dwana, il-fornituri tat-trasport, il-fornituri tal-akkomodazzjoni u l-atturi l-oħra kollha fl-ekosistema, b’mod partikolari biex il-linji gwida jitħaddmu, jiġu prattikati u implimentati.
Sabiex tiżgura koordinazzjoni xierqa u f’waqtha fost l-atturi kollha filwaqt li tibni fuq kanali stabbiliti, il-Kummissjoni se toħloq mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni li jlaqqgħu flimkien l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE li huma involuti fit-tħejjija tal-linji gwida relatati mal-COVID-19 f’koordinazzjoni mill-qrib mas-sistema eżistenti ta’ ġestjoni tal-kriżijiet.
V.ORIZZONTI ĠODDA - LEJN FUTUR SOSTENIBBLI
Lil hinn mill-passi immedjati biex tinkiseb l-għajnuna, jeħtiġilna nħarsu ’l quddiem lejn il-futur tat-turiżmu u t-trasport fl-UE u naraw kif nistgħu nagħmluh aktar reżiljenti u sostenibbli, nitgħallmu mill-kriżi u nantiċipaw xejriet ġodda u t-tendenzi tal-konsumaturi b'rabta mat-turiżmu u t-trasport tal-ġejjieni.
L-ambizzjoni komuni tagħna għandha tkun li l-Ewropa tibqa’ d-destinazzjoni turistika ewlenija fid-dinja f’termini ta’ valur, kwalità, sostenibbiltà u innovazzjoni. Din il-viżjoni għandha tiggwida l-użu tar-riżorsi finanzjarji u l-investiment fil-livell Ewropew, dak nazzjonali, reġjonali u lokali.
Fil-qalba ta’ din l-ambizzjoni l-ġdida hemm is-sostenibbiltà, li tikkontribwixxi kemm għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u kemm għal komunitajiet b’saħħithom. L-għan tagħna għandu jkun li jkun hemm trasport affordabbli u aktar sostenibbli u konnettività aqwa, tingħata spinta lill-ġestjoni intelliġenti tal-flussi tat-turiżmu abbażi ta’ kalkoli u għodod tajbin, tiġi ddiversifikata l-offerta tat-turiżmu u jiġu estiżi l-opportunitajiet “barra l-istaġun”, jiġu żviluppati ħiliet ta’ sostenibbiltà għall-professjonisti tat-turiżmu u jingħata valur lill-varjetà ta’ pajsaġġi u d-diversità kulturali madwar l-Ewropa kollha, filwaqt li jitħares u jiġi restawrat il-kapital naturali tal-art u tal-ibħra tal-Ewropa, f’konformità mal-approċċ strateġiku għal ekonomija blu u ekoloġika sostenibbli. Dan għandu jinkludi l-promozzjoni ta’ akkomodazzjonijiet turistiċi sostenibbli (permezz ta’ skemi volontarji bħall-Ekotikketta tal-UE u l-EMAS). Din l-ambizzjoni għal turiżmu sostenibbli għandha tiggwida d-deċiżjonijiet ta’ investiment fil-livell tal-UE, iżda tista’ taħdem biss flimkien ma’ impenn qawwi fil-livell reġjonali u lokali.
Bl-istess mod, it-turiżmu jista’ jiggwadanja mit-tranżizzjoni diġitali, li tipprovdi modi ġodda kif jiġu ġestiti l-flussi tal-ivvjaġġar u tat-turisti, tkabbar l-opportunitajiet u l-għażla, u twassal għal użu iktar effiċjenti tar-riżorsi skarsi. L-użu tal-analiżi tal-big data jista’ joħloq u jikkondividi segmenti tal-profil turistiku preċiż u jgħin biex jinftiehmu t-tendenzi u l-ħtiġijiet tal-vjaġġaturi. Il-big data tippermetti li t-turiżmu jirrispondi immedjatament għall-bidliet fid-domanda tal-klijent, u tipprovdi analiżi tal-immudellar bit-tbassir. Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni tat-teknoloġija blockchain tippermetti lill-operaturi tat-turiżmu jkollhom l-informazzjoni kollha disponibbli dwar it-tranżazzjonijiet sikuri.
L-għodod diġitali jistgħu jkunu wkoll miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja biex jassiguraw lin-nies li l-ivvjaġġar u t-turiżmu jistgħu jkunu sikuri. Dan ifisser investiment fil-ħiliet diġitali, fosthom iċ-ċibersigurtà u t-trawwim tal-innovazzjoni diġitali, kif ukoll il-konnessjoni bejn in-negozji u l-atturi tat-turiżmu bl-ispazji eżistenti tad-data fil-livell lokali u reġjonali (pereżempju permezz tal-ħidma li għaddejja dwar l-ispazju tad-data Ewropew dwar il-mobbiltà). Dan huwa partikolarment importanti f’żoni rurali, remoti u fir-reġjuni ultraperiferiċi fejn it-turiżmu huwa frammentat u jiddependi ħafna fuq l-informazzjoni, it-trasport u l-aċċessibbiltà tal-ivvjaġġar.
B’din it-tranżizzjoni l-SMEs se jkunu jeħtieġu attenzjoni partikolari. Kif imħabbar fl-Istrateġija reċenti għall-SMEs, il-Kummissjoni se taħdem ma’ networks madwar l-Ewropa bħan-Network Enterprise Europe, l-Alleanza Ewropea tal-Clusters u ċ-Ċentri Ewropej ta’ Innovazzjoni Diġitali biex tappoġġa s-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni u tgħin lill-kumpaniji tat-turiżmu lokali jsiru aktar reżiljenti u kompetittivi. Dan jeħtieġ rabtiet transsettorjali, fluss ta’ għarfien interdixxiplinarju, konnessjonijiet aktar b’saħħithom u tisħiħ tal-kapaċità biex tiġi żgurata l-adozzjoni aċċellerata tal-innovazzjonijiet tal-prodotti, tas-servizzi u tal-proċessi. Dawn in-networks għandhom jgħaqqdu wkoll it-turiżmu ma’ industriji oħra biex jaċċelleraw l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda, irawmu investimenti transsettorjali fl-ekosistema tat-turiżmu bl-ICT, l-enerġiji rinnovabbli, ix-xjenzi tas-saħħa tal-ħajja, l-industrija agroalimentari, dik marittima, u dik kulturali u kreattiva, inkluż is-settur tal-midja.
Dan iż-żmien jitlob rispons koordinat fil-livell Ewropew biex noħorġu mill-kriżi fuq medda ta’ żmien qasira, iżda anki biex insawru l-irkupru u nindirizzaw l-isfidi komuni fuq medda ta’ żmien itwal.
Meta ċ-ċirkostanzi tas-saħħa jkunu jippermettu, il-Kummissjoni Ewropea se torganizza konvenzjoni tat-turiżmu Ewropew, sabiex flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE, l-industrija, ir-reġjuni u l-bliet u l-partijiet ikkonċernati, tirrifletti dwar it-turiżmu Ewropew tal-ġejjieni u, b’mod konġunt, jibda jitfassal pjan direzzjonali 2050 lejn ekosistema tat-turiżmu sostenibbli, innovattiva u reżiljenti (“l-Aġenda Ewropea għat-Turiżmu 2050”). |
UNWTO
Eurostat — Wasliet fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika — data ta’ kull xahar (2019)
Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19, ĠU C 126/C 17.4.2020
Skont il-UNWTO, “It-turiżmu jinkludi l-attivitajiet ta’ persuni li jivvjaġġaw lejn postijiet barra mill-ambjent tas-soltu tagħhom u joqogħdu fihom għal mhux aktar minn sena konsekuttiva għall-mistrieħ, in-negozju jew għanijiet oħra”.
C(2020) 3250
Soġġett għal miżuri speċifiċi applikabbli għal gruppi vulnerabbli
C(2020) 3139
COVID-19: BACK TO THE WORKPLACE - Adapting workplaces and protecting workers [LURA LEJN IL-POST TAX-XOGĦOL - Nadattaw il-postijiet tax-xogħol u nipproteġu l-ħaddiema] , https://osha.europa.eu/en/publications/covid-19-back-w orkplace-adapting-workplaces-and-protecting-workers/view
C(2020) 3251
Inklużi żoni b’servizzi ta’ barra, kantins, marini.
https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-innovation-hubs
Id-data tal-ECC-Net b’rabta mal-COVID-19 tinsab hawn: https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/consumers/resolve-your-consumer-complaint/european-consumer-centres-network-ecc-net_mt
Il-mistoqsijiet tal-konsumaturi huma l-aktar dwar it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, is-servizzi ta’ akkomodazzjoni, u l-vaganzi kollox inkluż.
Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE kif definiti fl-Artikolu 349 tat-TFUE - 9 reġjuni tal-UE li jinsabu fl-Oċean Atlantiku, l-Oċean Indjan, fil-Karibew u fl-Amerika Latina, ilkoll ħlief wieħed huma gżejjer li jiddependu mit-turiżmu. It-Trattat jipprovdi għal miżuri tal-UE mfassla apposta biex jiġu appoġġati dawn ir-reġjuni.
Franza, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja
Jeżistu differenzi kbar fl-Unjoni Ewropea (li jvarjaw minn 5% ta’ kuntratti temporanji għat-turiżmu f’Malta għal 45% fil-Greċja). Hemm ukoll differenzi kbar bejn diversi setturi tal-industrija tat-turiżmu (27% għall-impjiegi temporanji fis-settur tal-akkomodazzjonijiet, 12% għall-aġenziji tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi, 9% għat-trasport bl-ajru). Sors: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Tourism_industries_-_employment#Characteristics_of_jobs_in_tourism_industries
il-Eurostat: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Tourism_industries_-_employment#Characteristics_of_jobs_in_tourism_industries
C(2020) 3125
https://ec.europa.eu/growth/sectors/tourism/support-business/skills_mt
https://nexttourismgeneration.eu/
Eurostat, “People on the move. Statistics on mobility in Europe” 2019
It-turiżmu kulturali, li jirrappreżenta 40% tat-turiżmu fl-Ewropa, intlaqat b’mod partikolari, għax il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet kulturali, bħall-fieri u festivals, ġew ikkanċellati u istituzzjonijiet bħall-mużewijiet ingħalqu (92%)
Aktar minn nofs (51,7 %) l-istabbilimenti tal-akkomodazzjoni turistika tal-UE jinsabu f’żoni kostali u l-Ewropej iqattgħu 30% tal-iljieli f’resorts ħdejn il-baħar.
Fl-2018, skont il-Eurostat, 45 % tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni turistika (imkejla f’termini ta’ sodod) tal-EU-27 kienet tinsab f’żoni rurali.
https://www.europeana.eu/
https://culturalgems.jrc.ec.europa.eu/
https://smarttourismcapital.eu/. Goteborg u Malaga huma l-Kapitali Ewropej tat-Turiżmu Intelliġenti fl-2020
https://ec.europa.eu/growth/sectors/tourism/eden/destinations_mt.