EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02011R0211-20190530

Consolidated text: Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/211/2019-05-30

02011R0211 — MT — 30.05.2019 — 006.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 211/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Frar 2011

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

(ĠU L 065 11.3.2011, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 268/2012 tal-25 ta’ Jannar 2012

  L 89

1

27.3.2012

 M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013

  L 158

1

10.6.2013

►M3

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 887/2013 tal-11 ta’ Lulju 2013

  L 247

11

18.9.2013

►M4

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 531/2014 tat-12 ta' Marzu 2014

  L 148

52

20.5.2014

►M5

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1070 tal-31 ta' Marzu 2015

  L 178

1

8.7.2015

►M6

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1239 tad-9 ta’ Lulju 2018

  L 234

1

18.9.2018

►M7

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/714 tas-7 ta' Marzu 2019

  L 123

30

10.5.2019


Ikkoreġut bi:

 C1

Rettifika, ĠU L 094, 30.3.2012, p.  49 (211/2011)

 C2

Rettifika, ĠU L 354, 11.12.2014, p.  90 (887/2013)




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 211/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Frar 2011

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini kif previst fl-Artikolu 11 TUE u l-Artikolu 24 TFUE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “Inizjattiva taċ-ċittadini” tfisser inizjattiva ppreżentata lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, li tistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, biex tippreżenta kwalunkwe proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni hu meħtieġ għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati, li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun firmatarju eliġibbli li jkunu ġejjin minn kwart tal-Istati Membri kollha;

(2) “Firmatarji” tfisser ċittadini tal-Unjoni li jkunu appoġġjaw inizjattiva taċ-ċittadini partikolari billi mlew formola ta’ dikjarazzjoni ta’ appoġġ għal dik l-inizjattiva;

(3) “Organizzaturi” tfisser persuni fiżiċi li jiffurmaw kumitat taċ-ċittadini responsabbli għall-preparazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini u l-presentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Rekwiżiti għall-organizzaturi u għall-firmatarji

1.  L-organizzaturi għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni u jkunu tal-età li tintitolahom jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

2.  L-organizzaturi għandhom jiffurmaw kumitat taċ-ċittadini ta’ mill-anqas seba’ persuni li jkunu residenti f’tal-anqas seba’ Stati Membri differenti.

L-organizzaturi għandhom jaħtru rappreżentant wieħed u sostitut wieħed (“il-persuni ta’ kuntatt”), li għandhom ikunu ta’ kuntatt bejn il-kumitat taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni matul il-proċedura kollha u li għandu jkollhom mandat li jitkellmu u jaġixxu f’isem il-kumitat taċ-ċittadini.

L-organizzaturi li jkunu Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhomx jingħaddu għall-għanijiet li jintlaħaq in-numru minimu rikjest biex jiġi ffurmat kumitat taċ-ċittadini.

Għall-għan ta’ reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini proposta skont l-Artikolu 4, hija biss l-informazzjoni dwar is-seba’ membri tal-kumitat taċ-ċittadini li huma meħtieġa sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u f’dan il-paragrafu li għandha titqies mill-Kummissjoni.

3.  Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-organizzaturi biex jipprovdu prova xierqa li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ġew sodisfatti.

4.  Sabiex ikunu jistgħu jappoġġjaw inizjattiva taċ-ċittadini proposta, il-firmatarji għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni u tal-età li tintitolahom jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 4

Reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini proposta

1.  Qabel ma jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-firmatarji għal inizjattiva taċ-ċittadini proposta, l-organizzaturi għandhom ikunu meħtieġa jirreġistrawha mal-Kummissjoni, filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, b’mod partikolari dwar is-suġġett u l-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Dik l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, f’reġistru online li jkun disponibbli għal dak il-għan mill-Kummissjoni (“ir-reġistru”).

L-organizzaturi għandhom jipprovdu, għar-reġistru u fejn ikun xieraq fuq il-websajt tagħhom, informazzjoni aġġornata b’mod regolari dwar is-sorsi ta’ appoġġ u l-iffinanzjar għall-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Wara li r-reġistrazzjoni tkun ikkonfermata skont il-paragrafu 2, l-organizzaturi jistgħu jipprovdu l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni biex tiddaħħal fir-reġistru. It-traduzzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni għandha tkun ir-responsabbiltà tal-organizzaturi.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt ta’ kuntatt li jagħti informazzjoni u assistenza.

2.  Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, il-Kummissjoni għandha tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini taħt numru ta’ reġistrazzjoni uniku u tibgħat konferma lill-organizzaturi, bil-kondizzjoni li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-kumitat taċ-ċittadini jkun ġie ffurmat u l-persuni ta’ kuntatt ikunu ġew maħtura skont l-Artikolu 3(2);

(b) l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati;

(c) l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja; u

(d) l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx manifestament kuntrarja għall-valuri tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 2 TUE.

3.  Il-Kummissjoni għandha tiċħad ir-reġistrazzjoni jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jiġux sodisfatti.

Fejn tirrifjuta li tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini proposta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u bir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalihom.

4.  Inizjattiva taċ-ċittadini proposta li tkun ġiet reġistrata għandha ssir pubblika fir-reġistru. Bla ħsara għad-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001, is-suġġetti tad-data għandhom ikunu intitolati li jitolbu li d-data personali tagħhom titneħħa mir-reġistru wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sentejn mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

5.  Fi kwalunkwe mument qabel il-presentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ skont l-Artikolu 8, l-organizzaturi jistgħu jirtiraw inizjattiva taċ-ċittadini proposta li tkun ġiet reġistrata. F’dak il-każ, għandha tiddaħħal indikazzjoni ta’ dan fir-reġistru.

Artikolu 5

Proċeduri u kondizzjonijiet għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ

1.  L-organizzaturi għandhom ikunu responsabbli għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-firmatarji għal inizjattiva taċ-ċittadini proposta li tkun ġiet reġistrata skont l-Artikolu 4.

Jistgħu jintużaw biss formoli li jikkonformaw mal-mudelli stabbiliti fl-Anness III u li huma f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi inklużi fir-reġistru għal dik l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ. L-organizzaturi għandhom jimlew il-formoli kif indikat fl-Anness III qabel ma jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-firmatarji. L-informazzjoni mogħtija fil-formoli għandha tikkorrispondi għall-informazzjoni li hemm fir-reġistru.

2.  L-organizzaturi jistgħu jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’format ta’ karta jew dak elettroniku. Fejn id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jinġabru online, għandu japplika l-Artikolu 6.

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, li jkunu ffirmati elettronikament permezz ta’ firma elettronika avvanzata, fit-tifsira tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi ( 1 ), għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’format ta’ karta.

3.  Il-firmatarji għandhom ikunu obbligati li jimlew il-formoli tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ ipprovduti mill-organizzaturi. Huma għandhom jindikaw biss id-data personali li hija meħtieġa għall-finijiet tal-verifika mill-Istati Membri, kif stipulat fl-Anness III.

Il-firmatarji jistgħu jappoġġjaw inizjattiva taċ-ċittadini proposta partikolari darba waħda biss.

4.  L-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni kwalunkwe tibdil għall-informazzjoni stipulata fl-Anness III. B’kont meħud ta’ dak it-tibdil, il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti delegati, skont l-Artikolu 17 u soġġett għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 19, emendi għall-Anness III.

5.  Id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ kollha għandhom jinġabru wara d-data tar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini proposta u f’perijodu li ma jaqbiżx it-12-il xahar.

Fit-tmiem ta’ dak il-perijodu, ir-reġistru għandu jindika li l-perijodu jkun skada u, fejn ikun xieraq, li ma jkunx inġabar in-numru meħtieġ ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ.

Artikolu 6

Sistemi ta’ ġbir online

1.  Fejn id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jinġabru online, id-data li tinkiseb online permezz tas-sistema ta’ ġbir online għandha tinħażen fit-territorju ta’ Stat Membru.

Is-sistema ta’ ġbir online għandha tiġi ċċertifikata skont il-paragrafu 3 fl-Istat Membru li fih ser tinħażen id-data miġbura permezz tas-sistema ta’ ġbir online. L-organizzaturi jistgħu jużaw sistema ta’ ġbir online waħda għall-fini tal-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’diversi Stati Membri jew fl-Istati Membri kollha.

Il-mudelli għall-formoli tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jistgħu jiġu adattati għall-għan tal-ġbir online.

2.  L-organizzaturi għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ ġbir online użata għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ tikkonforma mal-paragrafu 4.

Qabel ma jingħata bidu għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, l-organizzaturi għandhom jitolbu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti biex tiċċertifika li s-sistema ta’ ġbir online użata għal dak il-għan tikkonforma mal-paragrafu 4.

L-organizzaturi jistgħu jibdew il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ permezz tas-sistema ta’ ġbir online biss ladarba jkunu kisbu ċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 3. L-organizzaturi għandhom jagħmlu kopja ta’ dak iċ-ċertifikat disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web użat għas-sistema ta’ ġbir online.

Sal-1 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni għandha twaqqaf u wara dan għandha żżomm open-source software li jkun fih il-karatteristiċi tekniċi u tas-sigurtà rilevanti meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tas-sistemi tal-ġbir online. Is-software għandu jkun disponibbli mingħajr ħlas.

3.  Fejn is-sistema ta’ ġbir online tikkonforma mal-paragrafu 4, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha fi żmien xahar toħroġ ċertifikat dwar dan skont il-mudell stabbilit fl-Anness IV.

L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.

4.  Is-sistemi ta’ ġbir online għandu jkollhom stabbiliti karatteristiċi tekniċi u ta’ sigurtà adegwati biex jiżguraw li:

(a) huma l-persuni fiżiċi biss li jistgħu jippreżentaw formola ta’ dikjarazzjoni ta’ appoġġ online;

(b) id-data provduta online tinġabar u tinħażen b’mod sigur, biex jiġi żgurat, inter alia, li ma tkunx tista’ tiġi modifikata jew użata għal xi għan ieħor ħlief bħala appoġġ għal inizjattiva taċ-ċittadini partikolari u biex ikun hemm protezzjoni kontra tħassir aċċidentali jew kontra l-liġi jew li tintilef b’mod aċċidentali, tinbidel jew li jkun hemm żvelar jew aċċess mhux awtorizzat.

(c) is-sistema tista’ tiġġenera dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’forma li tikkonforma mal-mudelli stabbiliti fl-Anness III, sabiex tippermetti l-verifika mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8(2).

5.  Sal-1 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni għandha tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 4, skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 20(2).

Artikolu 7

Numru minimu ta’ firmatarji għal kull Stat Membru

1.  Il-firmatarji ta’ inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ġejjin mill-anqas minn kwart tal-Istati Membri.

2.  F’tal-anqas kwart tal-Istati Membri, il-firmatarji għandhom jikkonsistu f’mill-anqas in-numru minimu ta’ ċittadini stipulati, fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, fl-Anness I. Dawk in-numri minimi għandhom jikkorrispondu għan-numru ta’ Membri tal-Parlament Ewropew eletti f’kull Stat Membru, multiplikat b’750.

3.  Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti delegati, skont l-Artikolu 17 u suġġett għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 19, aġġustamenti xierqa għall-Anness I sabiex tiġi riflessa kull modifika fil-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew.

4.  Il-firmatarji għandhom jitqiesu li ġejjin mill-Istat Membru li huwa responsabbli għall-verifika tad-dikjarazzjoni ta’ appoġġ tagħhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1).

Artikolu 8

Verifika u ċertifikazzjoni mill-Istati Membri ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ

1.  Wara li jkunu ġabru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ meħtieġa mill-firmatarji skont l-Artikoli 5 u 7, l-organizzaturi għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, f’format ta’ karta jew dak elettroniku, lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 15 għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni. Għal dak il-għan l-organizzaturi għandhom jużaw il-formola stabbilita fl-Anness V u għandhom jisseparaw id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġburin f’format ta’ karta, dawk li ġew iffirmati elettronikament permezz ta’ firma elettronika avvanzata u dawk miġburin permezz ta’ sistema ta’ ġbir online.

L-organizzaturi għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ lill-Istat Membru rilevanti kif ġej:

(a) lill-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tal-firmatarju, kif speċifikat fil-punt 1 tal-Parti C tal-Anness III, jew

(b) lill-Istat Membru li ħareġ in-numru ta’ identifikazzjoni personali jew id-dokument ta’ identifikazzjoni personali indikat fid-dikjarazzjoni ta’ appoġġ, kif speċifikat fil-punt 2 tal-Parti C tal-Anness III.

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom, f’perijodu li m’għandux jaqbeż it-tliet xhur minn meta jirċievu t-talba, jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ ippreżentati abbażi ta’ kontrolli xierqa, skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, kif xieraq. Abbażi ta’ dan huma għandhom jagħtu lill-organizzaturi ċertifikat skont il-mudell stabbilit fl-Anness VI, li jiċċertifika n-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ validi għall-Istat Membru kkonċernat.

Għall-għan tal-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, l-awtentikazzjoni tal-firem m’għandhiex tkun meħtieġa.

3.  Iċ-ċertifikat previst fil-paragrafu 2 għandu jinħareġ bla ħlas.

Artikolu 9

Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni

Wara li jkunu kisbu ċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 8(2), u bil-kondizzjoni li l-proċeduri u l-kondizzjonijiet rilevanti kollha stipulati f’dan ir-Regolament ikunu ġew irrispettati, l-organizzaturi jistgħu jissottomettu l-inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni, akkumpanjata mill-informazzjoni rigward kwalunkwe appoġġ u ffinanzjar li jkunu rċevew għal dik l-inizjattiva. Dik l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata fir-reġistru.

L-ammont ta’ appoġġ u ffinanzjar riċevut minn kwalunkwe sors li, ladarba jinqabeż trid tingħata l-informazzjoni, għandu jkun identiku għal dak stipulat fir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom ( 2 ).

Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, l-organizzaturi għandhom jagħmlu użu mill-formola stabbilita fl-Anness VII u għandhom jippreżentaw il-formola mimlija flimkien mal-kopji, f’format ta’ karta jew dak elettroniku, taċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 10

Proċedura għall-eżami ta’ inizjattiva taċ-ċittadini mill-Kummissjoni

1.  Meta l-Kummissjoni tirċievi inizjattiva taċ-ċittadini skont l-Artikolu 9 hija għandha:

(a) tippubblika l-inizjattiva taċ-ċittadini mingħajr dewmien fir-reġistru;

(b) tirċievi lill-organizzaturi f’livell xieraq biex tippermettilhom jispjegaw fid-dettall il-kwistjonijiet imqajma mill-inizjattiva taċ-ċittadini;

(c) fi żmien tliet xhur, tistabbilixxi f’komunikazzjoni l-konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tieħux dik l-azzjoni.

2.  Il-komunikazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi notifikata lill-organizzaturi kif ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha ssir pubblika.

Artikolu 11

Smigħ pubbliku

Meta l-kondizzjonijiet tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 10(1) ikunu sodisfatti, u sal-iskadenza stipulata fil-punt (c) tal-Artikolu 10(1), l-organizzaturi għandhom jingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattiva taċ-ċittadini waqt smigħ pubbliku. Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew għandhom jiżguraw li dan is-smigħ jiġi organizzat fil-Parlament Ewropew, jekk ikun xieraq flimkien ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni li juru x-xewqa li jipparteċipaw, u li l-Kummissjoni tkun rappreżentata f’livell xieraq.

Artikolu 12

Protezzjoni tad-data personali

1.  Fl-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament, l-organizzaturi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE u d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din.

2.  Għall-għanijiet tal-ipproċessar rispettiv minnhom tad-data personali, l-organizzaturi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini u l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 15(2) għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-data skont il-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE.

3.  L-organizzaturi għandhom jiżguraw li d-data personali miġbura għal inizjattiva taċ-ċittadini partikolari ma tintużax għal kwalunkwe għan ieħor ħlief dak tal-appoġġ indikat għal dik l-inizjattiva, u għandhom jeqirdu d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ li jirċievu għal dik l-inizjattiva u kwalunkwe kopja tagħha mhux aktar minn xahar wara li jippreżentaw dik l-inizjattiva lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 jew 18-il xahar mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini proposta, skont liema tiġi l-ewwel.

4.  L-awtorità kompetenti għandha tuża d-data personali li hija tirċievi għal inizjattiva taċ-ċittadini partikolari biss għall-fini tal-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ skont l-Artikolu 8(2), u għandha teqred id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u l-kopji tagħhom kollha mhux aktar tard minn xahar wara l-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi f’dak l-Artikolu.

5.  Id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva taċ-ċittadini partikolari u kopji tagħhom jistgħu jinżammu wara l-limiti taż-żmien stipulati fil-paragrafi 3 u 4 jekk ikun meħtieġ għall-fini ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi relatati ma’ inizjattiva taċ-ċittadini proposta. L-organizzaturi u l-awtorità kompetenti għandhom jeqirdu d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u l-kopji tagħhom kollha mhux aktar tard minn ġimgħa wara d-data ta’ għeluq ta’ dawn il-proċedimenti b’deċiżjoni finali.

6.  L-organizzaturi għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jipproteġu d-data personali kontra qerda aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar jinvolvi t-trasmissjoni ta’ data fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ pproċessar.

Artikolu 13

Responsabbiltà

L-organizzaturi għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe ħsara li huma jikkawżaw fl-organizzazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

Artikolu 14

Penalitajiet

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzaturi jkunu soġġetti għal penalitajiet xierqa għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari għal:

(a) dikjarazzjonijiet foloz li jsiru mill-organizzaturi;

(b) l-użu frodulenti tad-data.

2.  Il-penalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 15

Awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Istati Membri

1.  Għall-għan tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(3), l-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti responsabbli sabiex joħorġu ċ-ċertifikat previst fih.

2.  Għall-għan tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 8(2), kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda responsabbli għall-koordinazzjoni tal-proċess ta’ verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u għall-ħruġ taċ-ċertifikati previsti fih.

3.  Mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2012, l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti lill-Kummissjoni.

4.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-lista tal-awtoritajiet kompetenti disponibbli pubblikament.

Artikolu 16

Emendar tal-Annessi

Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 17 u suġġett għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 19, emendi għall-Annessi għal dan ir-Regolament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 16 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat.

2.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 18 u 19.

Artikolu 18

Revoka tad-delega

1.  Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 16 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.  L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk tiġix revokata d-delega tas-setgħat għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, billi tindika s-setgħat delegati li jistgħu jkunu s-suġġett tar-revoka kif ukoll ir-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.  Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data ulterjuri stipulata minnha. Din m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ. Din għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għall-att delegat f’ perijodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika. Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.  Jekk, meta jiskadi l-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data mniżżla fiha.

L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

3.  Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għalfejn oġġezzjonat għall-att delegat.

Artikolu 20

Kumitat

1.  Għall-fini tal-implementazzjoni tal-Artikolu 6(5), il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’konsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

Artikolu 21

Notifika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet speċifiċi li jadotta sabiex jimplimenta dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan.

Artikolu 22

Reviżjoni

Sal-1 ta’ April 2015, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ April 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M4




ANNESS I



NUMRU MINIMU TA’ FIRMATARJI GĦAL KULL STAT MEMBRU

Il-Belġju

15 750

Il-Bulgarija

12 750

Ir-Repubblika Ċeka

15 750

Id-Danimarka

9 750

Il-Ġermanja

72 000

L-Estonja

4 500

L-Irlanda

8 250

Il-Greċja

15 750

Spanja

40 500

Franza

55 500

Il-Kroazja

8 250

L-Italja

54 750

Ċipru

4 500

Il-Latvja

6 000

Il-Litwanja

8 250

Il-Lussemburgu

4 500

L-Ungerija

15 750

Malta

4 500

Il-Pajjiżi l-Baxxi

19 500

L-Awstrija

13 500

Il-Polonja

38 250

Il-Portugall

15 750

Ir-Rumanija

24 000

Is-Slovenja

6 000

Is-Slovakkja

9 750

Il-Finlandja

9 750

L-Isvezja

15 000

Ir-Renju Unit

54 750

▼M3




ANNESS II

INFORMAZZJONI MEĦTIEĠA GĦAR-REĠISTRAZZJONI TA’ INIZJATTIVA TAĊ-ĊITTADINI

1. It-titolu tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, f’mhux aktar minn 100 karattru;

2. Is-suġġett, f’mhux aktar minn 200 karattru;

3. Deskrizzjoni tal-għanijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li fuqha l-Kummissjoni hija mistiedna taġixxi, f’mhux aktar minn 500 karattru;

4. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati meqjusa rilevanti mill-organizzaturi għall-azzjoni proposta;

5. L-ismijiet sħaħ, l-indirizzi postali, in-nazzjonalitajiet u d-dati ta’ twelid tas-seba’ membri tal-kumitat taċ-ċittadini, b’indikazzjoni speċifika tar-rappreżentant u s-sostitut kif ukoll l-indirizzi tal-email u n-numri tat-telefown tagħhom ( 3 );

6. Dokumenti li juru l-ismijiet sħaħ, l-indirizzi postali, in-nazzjonalitajiet u d-dati tat-twelid ta’ kull wieħed mis-seba’ Membri tal-kumitat taċ-ċittadini;

7. Is-sorsi kollha ta’ appoġġ u finanzjament għall-inizjattiva taċ-ċittadini proposta fil-ħin tar-reġistrazzjoni (3) .

L-organizzaturi jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni dettaljata dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-isfond tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’anness. Jekk jixtiequ, jistgħu wkoll jippreżentaw abbozz ta’ att legali.

▼M5




ANNESS III

image

image

►(1) M6  

image

image

►(1) M6  

Parti C

1.    Rekwiżiti għall-Istati Membri li ma jirrikjedux li jiġi pprovdut numru ta' identifikazzjoni personali/numru ta' dokument ta' identifikazzjoni personali (formola ta' dikjarazzjoni ta' appoġġ — Parti A)



Stat Membru

Firmatarji li d-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħhom għandha tiġi ppreżentata lill-Istat Membru kkonċernat

Il-Belġju

— residenti fil-Belġju

— ċittadini Belġjani li jirresjedu barra mill-pajjiż jekk ikunu infurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom dwar il-post ta' residenza tagħhom

Id-Danimarka

— residenti fid-Danimarka

— ċittadini Daniżi li jirresjedu barra mill-pajjiż jekk ikunu infurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom dwar il-post ta' residenza tagħhom

Il-Ġermanja

— residenti fil-Ġermanja

— ċittadini Ġermaniżi li jirresjedu barra mill-pajjiż jekk ikunu infurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom dwar il-post ta' residenza tagħhom

L-Estonja

— residenti fl-Estonja

— ċittadini Estonjani li jirresjedu barra mill-pajjiż

L-Irlanda

— residenti fl-Irlanda

Il-Lussemburgu

— residenti fil-Lussemburgu

— ċittadini Lussemburgiżi li jirrisjedu barra mill-pajjiż jekk ikunu infurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom dwar il-post ta' residenza tagħhom

In-Netherlands

— residenti fin-Netherlands

— ċittadini Netherlandiżi li jirresjedu barra mill-pajjiż

Is-Slovakkja

— residenti fis-Slovakkja

— ċittadini Slovakki li jirresjedu barra mill-pajjiż

Il-Finlandja

— residenti fil-Finlandja

— ċittadini Finlandiżi li jirresjedu barra mill-pajjiż

Ir-Renju Unit

— residenti fir-Renju Unit

2.    Lista tal-Istati Membri li jirrikjedu li jiġi pprovdut wieħed min-numri ta' identifikazzjoni personali/numri ta' dokumenti ta' identifikazzjoni personali, kif speċifikat hawn taħt u maħruġa mill-Istat Membru kkonċernat (il-formola ta' dikjarazzjoni ta' appoġġ — Parti B)

IL-BULGARIJA

 Единен граждански номер (numru personali)

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

 Občanský průkaz (karta tal-identità nazzjonali)

 Cestovní pas (passaport)

IL-GREĊJA

 Δελτίο Αστυνομικής Ταυτότητας (karta tal-identità)

 Διαβατήριο (passaport)

 Βεβαίωση Εγγραφής Πολιτών Ε.Ε./Έγγραφο πιστοποίησης μόνιμης διαμονής πολίτη Ε.Ε. (ċertifikat ta' residenza/ċertifikat ta' residenza permanenti)

SPANJA

 Documento Nacional de Identidad (karta tal-identità)

 Pasaporte (passaport)

 Número de Identidad de Extranjero, de la tarjeta o certificado, correspondiente a la inscripción en el Registro Central de Extranjeros (numru ta' identifikazzjoni ta' barrani (NIE), tal-karta jew ċertifikat, li jikkorrispondi mar-reġistrazzjoni fir-Reġistru Ċentrali tal-Barranin)

FRANZA

 Passeport (passaport)

 Carte nationale d'identité (karta tal-identità nazzjonali)

IL-KROAZJA

 Osobni identifikacijski broj (numru ta' identifikazzjoni personali)

L-ITALJA

 Passaporto (passaport), inclusa l'indicazione dell'autorità di rilascio (li jinkludi l-awtorità li toħorġu)

 Carta di identità (karta tal-identità), inclusa l'indicazione dell'autorità di rilascio (li tinkludi l-awtorità li toħroġha)

ĊIPRU

 Δελτίο Ταυτότητας (karta tal-identità tal-persuna nazzjonali jew tar-resident)

 Διαβατήριο (passaport)

IL-LATVJA

 Personas kods (numru ta' identifikazzjoni personali)

IL-LITWANJA

 Asmens kodas (numru personali)

L-UNGERIJA

 személyazonosító igazolvány (karta tal-identità)

 útlevél (passaport)

 személyi azonosító szám (személyi szám) (numru ta' identifikazzjoni personali)

MALTA

 Karta tal-Identità (karta tal-identità)

 Dokument ta' residenza (dokument ta' residenza)

L-AWSTRIJA

 Reisepass (passaport)

 Personalausweis (karta tal-identità)

IL-POLONJA

 Numer ewidencyjny PESEL (numru ta' identifikazzjoni PESEL)

IL-PORTUGALL

 Bilhete de identidade (karta tal-identità)

 Passaporte (passaport)

 Cartão de Cidadão (karta taċ-ċittadin)

IR-RUMANIJA

 carte de identitate (karta tal-identità)

 pașaport (passaport)

 certificat de înregistrare (ċertifikat tar-reġistrazzjoni)

 carte de rezidență permanentă pentru cetățenii UE (karta ta' residenza permanenti għaċ-ċittadini tal-UE)

 Cod Numeric Personal (numru ta' identifikazzjoni personali)

IS-SLOVENJA

 Enotna matična številka občana (numru ta' identifikazzjoni personali)

L-IŻVEZJA

 Personnummer (numru ta' identifikazzjoni personali)

▼B




ANNESS IV

ĊERTIFIKAT LI JIKKONFERMA L-KONFORMITÀ TA’ SISTEMA TA’ ĠBIR ONLINE MAR-REGOLAMENT (UE) Nru 211/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAS-16 TA’ FRAR 2011 DWAR L-INIZJATTIVA TAĊ-ĊITTADINI

… (isem tal-awtorità kompetenti) ta’ … (isem tal-Istat Membru) b’dan tiċċertifika li s-sistema ta’ ġbir online … (indirizz tal-websajt) li tintuża għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal … titolu tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta) tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 211/2011.

Data, firma u timbru uffiċjali tal-awtorità kompetenti:

▼M5




ANNEX V

FORMOLA GĦALL-PREŻENTAZZJONI TA' DIKJARAZZJONIJIET TA' APPOĠĠ LILL-AWTORITAJIET KOMPETENTI TAL-ISTATI MEMBRI

image

▼B




ANNESS VI

ĊERTIFIKAT LI JIKKONFERMA N-NUMRU TA’ DIKJARAZZJONIJIET TA’ APPOĠĠ VALIDI MIĠBURA GĦAL … (ISEM TAL-ISTAT MEMBRU)

… (isem tal-awtorità kompetenti) ta’ … (isem tal-Istat Membru), wara li għamlet il-verifiki neċessarji mitluba mill-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, b’dan tiċċertifika li … dikjarazzjoni(jiet) ta’ appoġġ għall-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bin-numru ta’ reġistrazzjoni … huma validi skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

Data, firma u timbru uffiċjali tal-awtorità kompetenti:

▼M5




ANNESS VII

FORMOLA GĦALL-PREŻENTAZZJONI TA' INIZJATTIVA TAĊ-ĊITTADINI LILL-KUMMISSJONI EWROPEA

image

►(1) M7  



( 1 ) ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.

( 2 ) ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1.

( 3 ►M7  Se jkunu disponibbli biss għall-pubbliku l-ismijiet sħaħ tal-organizzaturi, l-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta' kuntatt u l-informazzjoni relatata mas-sorsi tal-appoġġ u tal-finanzjament, fuq ir-reġistru online tal-Kummissjoni.

Is-suġġetti tad-data huma intitolati li joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom għal raġunijiet leġittimi serji marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom. ◄

Top