This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R0788
Regulation (EU) 2019/788 of the European Parliament and of the Council of 17 April 2019 on the European citizens' initiative (Text with EEA relevance.)
Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
PE/92/2018/REV/1
ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55–81
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/05/2024
17.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 130/55 |
REGOLAMENT (UE) 2019/788 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta' April 2019
dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 24 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta' att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Iċ-ċittadini tal-Unjoni (“iċ-ċittadini”) huma garantiti d-dritt li javviċinaw lill-Kummissjoni direttament b'talba li fiha jistednuha tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati b'mod simili għad-dritt mogħti lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u lill-Kunsill skont l-Artikolu 241 TFUE. B'hekk, l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-funzjonament demokratiku tal-Unjoni permezz tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u politika tagħha. Kif jirriżulta mill-istruttura tal-Artikolu 11 TUE u l-Artikolu 24 TFUE, l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej jenħtieġ li tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta' mezzi oħra li bihom iċ-ċittadini jistgħu jressqu ċerti kwistjonijiet għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li jikkonsistu b'mod partikolari minn djalogu mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili, konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, petizzjonijiet u applikazzjonijiet lill-Ombudsman. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għal inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini u ġie kkumplimentat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2011 (5). |
(3) |
Fir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-31 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni elenkat għadd ta' sfidi li jinqalgħu fl-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament u impenjat ruħha li tanalizza iżjed l-impatt ta' dawk il-kwistjonijiet dwar l-effettività tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u biex jittejjeb il-funzjonament tiegħu. |
(4) |
Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (6) u fir-rapport leġiżlattiv abbozzat tiegħu stess tas-26 ta' Ġunju 2017 (7), talab lill-Kummissjoni biex tirrieżamina r-Regolament (UE) Nru 211/2011 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1179/2011. |
(5) |
Dan ir-Regolament għandu l-għan li jagħmel l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej aktar aċċessibbli, anqas ta' piż u aktar faċli biex tintuża għall-organizzaturi u dawk li jappoġġawha, sabiex jissaħħaħ is-segwitu tagħha u jinkiseb il-potenzjal sħiħ tagħha bħala għodda biex tħeġġeġ id-dibattitu. Huwa jenħtieġ li jiffaċilita wkoll il-parteċipazzjoni ta' kemm jista' jkun ċittadini fil-proċess demokratiku tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni. |
(6) |
Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej jenħtieġ li jkunu effettivi, trasparenti, ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw, aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà u proporzjonati man-natura ta' dan l-istrument. Huma jenħtieġ li jilħqu bilanċ għaqli bejn id-drittijiet u l-obbligi u jenħtieġ jiżguraw li inizjattivi validi jiġu eżaminati u mwieġba kif xieraq mill-Kummissjoni. |
(7) |
Jixraq li tiġi ffissata età minima għall-appoġġ ta' inizjattiva. Dik l-età minima jenħtieġ li tikkorrispondi mal-età li fiha ċ-ċittadini jkunu intitolati li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ta' ċittadini żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u b'hekk jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bħala strument ta' demokrazija parteċipattiva, l-Istati Membri li jqisu li jkun xieraq jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu l-età minima għall-appoġġ ta' inizjattiva ta' 16-il sena u jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi b'mod perjodiku l-funzjonament tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, inkluż fir-rigward tal-età minima ta' min ikun jixtieq jappoġġa l-inizjattivi. L-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw li jistabbilixxu l-età minima ta' 16-il sena f'konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom. |
(8) |
F'konformità mal-Artikolu 11(4) TUE, inizjattiva li tistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tas-setgħat tagħha, tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati, jenħtieġ li tittieħed minn mhux anqas minn miljun ċittadin li huma ċittadini ta' numru sinifikanti ta' Stati Membri. |
(9) |
Sabiex jiġi żgurat li l-inizjattiva taċ-ċittadini tkun rappreżentattiva ta' interess tal-Unjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-istrument jibqa' faċli li jintuża, dak in-numru jenħtieġ li jkun stabbilit għal kwart tal-Istati Membri. |
(10) |
Sabiex ikun żgurat li inizjattiva tkun rappreżentattiva u li l-kundizzjonijiet għaċ-ċittadini biex jappoġġaw inizjattiva huma simili, huwa xieraq ukoll li jiġi stabbilit in-numru minimu ta' firmatarji li ġejjin minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri. Dawk in-numri minimi ta' firmatarji meħtieġa f'kull Stat Membru jenħtieġ li jkunu digressivament proporzjonali u li jikkorrispondu għan-numru ta' Membri tal-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru, multiplikat bin-numru totali ta' Membri tal-Parlament Ewropew. |
(11) |
Sabiex l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej isiru aktar inklużivi u viżibbli, l-organizzaturi jistgħu jużaw għall-attivitajiet tagħhom stess ta' promozzjoni u ta' komunikazzjoni lingwi li mhumiex il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li, skont l-ordni kostituzzjonali tal-Istati Membri, għandhom status uffiċjali fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu. |
(12) |
Filwaqt li data personali pproċessata skont dan ir-Regolament tista' tinkludi data sensittiva, minħabba n-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bħala strument ta' demokrazija parteċipattiva, huwa ġġustifikat li jkun meħtieġ l-għoti ta' data personali li tappoġġa inizjattiva u l-ipproċessar ta' tali data sa fejn huwa meħtieġ sabiex ikun permess li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ ikunu verifikati f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. |
(13) |
Sabiex l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej issir aktar aċċessibbli, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni, assistenza u appoġġ prattiku liċ-ċittadini u l-gruppi tal-organizzaturi, b'mod partikolari dwar dawk l-aspetti ta' dan ir-Regolament fi ħdan il-kompetenza tagħha. Biex issaħħaħ din l-informazzjoni u l-assistenza, il-Kummissjoni jenħtieġ ukoll li tagħmel pjattaforma kollaborattiva online disponibbli li tipprovdi forum ta' diskussjoni ddedikat u appoġġ, informazzjoni u pariri legali indipendenti dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Il-pjattaforma jenħtieġ li tkun miftuħa għal ċittadini, gruppi ta' organizzaturi, organizzazzjonijiet u esperti esterni b'esperjenza fl-organizzazzjoni ta' inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej. Dan is-sit web jenħtieġ li jkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà. |
(14) |
Sabiex il-gruppi ta' organizzaturi jkunu jistgħu jimmaniġġjaw l-inizjattiva tagħhom matul il-proċedura, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel reġistru online għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (“reġistru”) disponibbli. Biex titqajjem kuxjenza u tiġi żgurata t-trasparenza dwar l-inizjattivi kollha, ir-reġistru jenħtieġ li jinkludi sit web pubbliku li jipprovdi informazzjoni komprensiva dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej b'mod ġenerali, kif ukoll informazzjoni aġġornata dwar inizjattivi individwali, l-istatus tagħhom u s-sorsi ddikjarati ta' appoġġ u finanzjament abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-grupp ta' organizzaturi. |
(15) |
Sabiex tiġi żgurata l-prossimità lejn iċ-ċittadini u biex titqajjem kuxjenza dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu punt ta' kuntatt wieħed jew aktar fit-territorji rispettivi tagħhom biex jipprovdu liċ-ċittadini b'informazzjoni kif ukoll b'assistenza dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Tali informazzjoni u assistenza jenħtieġ li tikkonċerna, b'mod partikolari, dawk l-aspetti ta' dan ir-Regolament li l-implimentazzjoni tagħhom taqa' taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri, jew li jikkonċernaw il-liġi nazzjonali applikabbli, u li għalihom dawk l-awtoritajiet għalhekk ikunu fl-aħħar pożizzjoni biex jinfurmaw u jassistu liċ-ċittadini u gruppi ta' organizzaturi. Fejn xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li jifittxu sinerġiji ma' servizzi li jipprovdu appoġġ għall-użu ta' strumenti nazzjonali simili. Il-Kummissjoni, inklużi r-rappreżentazzjonijiet tagħha fl-Istati Membri, jenħtieġ li tiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-punti ta' kuntatt nazzjonali dwar dawk l-attivitajiet ta' informazzjoni u assistenza, inkluż, fejn xieraq, attivitajiet ta' komunikazzjoni fil-livell tal-Unjoni. |
(16) |
Hemm bżonn ta' struttura organizzata minima sabiex titwettaq b'suċċess inizjattiva taċ-ċittadini. Dik jenħtieġ li tieħu l-forma ta' kumitat taċ-ċittadini, magħmul minn persuni fiżiċi (organizzaturi) li jkunu ġejjin minn tal-anqas seba' Stati Membri differenti, sabiex jitħeġġeġ il-ħruġ ta' kwistjonijiet mal-Ewropa kollha u biex titrawwem ir-riflessjoni dwar dawk il-kwistjonijiet. Għal raġunijiet ta' trasparenza u komunikazzjoni bla xkiel u effiċjenti, il-kumitat taċ-ċittadini jenħtieġ li jaħtar rappreżentanti biex jagħmlu kuntatt bejn il-kumitat taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni matul il-proċedura sħiħa. Il-grupp ta' organizzaturi jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li joħloq, skont il-liġi nazzjonali, entità legali li tamministra inizjattiva. Dik l-entità ġuridika jenħtieġ li titqies li hija l-grupp ta' organizzaturi għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. |
(17) |
Filwaqt li r-responsabbiltà u l-penali b'konnessjoni mal-ipproċessar ta' data personali ser jibqgħu rregolati skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-grupp ta' organizzaturi jenħtieġ li jkun responsabbli b'mod konġunt u insolidum, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, għal kwalunkwe ħsara li jikkawżaw il-membri tiegħu fl-organizzazzjoni ta' inizjattiva minn atti illegali mwettqa b'mod intenzjonali jew b'negliġenza serja. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-grupp ta' organizzaturi jkun soġġett għal penali xierqa għall-ksur ta' dan ir-Regolament. |
(18) |
Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u t-trasparenza f'relazzjoni mal-inizjattivi u biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-firem jinġabru għal inizjattiva li ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti mit-Trattati u dan ir-Regolament, inizjattivi li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu reġistrati mill-Kummissjoni qabel il-bidu tal-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miċ-ċittadini. Il-Kummissjoni jenħtieġ, meta tittratta r-reġistrazzjoni, tirrispetta b'mod sħiħ l-obbligu ta' dikjarazzjoni tar-raġunijiet skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-prinċipju ġenerali ta' amministrazzjoni tajba kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
(19) |
Sabiex l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej issir aktar effettiva u aċċessibbli, b'kont meħud tal-fatt li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej jenħtieġ li jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati, u biex jiġi żgurat li jiġu reġistrati kemm jista' jkun inizjattivi, huwa xieraq li tiġi parzjalment irreġistrata inizjattiva f'każijiet meta biss parti jew partijiet ta' inizjattiva jissodisfaw ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-inizjattivi jkunu rreġistrati parzjalment dment li parti mill-inizjattiva, inklużi l-għanijiet prinċipali tagħha, ma jaqgħux manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni bil-għan li timplimenta t-Trattati u r-rekwiżiti kollha l-oħra ta' reġistrazzjoni jkunu ssodisfati. Jenħtieġ li ċ-ċarezza u t-trasparenza jiġu żgurati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistrazzjoni parzjali u l-firmatarji potenzjali jenħtieġ li jkunu infurmati dwar il-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistrazzjoni u dwar il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ qed jinġabru biss għal dak li jikkonċerna l-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lill-grupp ta' organizzaturi b'mod dettaljat biżżejjed dwar ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha li ma tirreġistrax inizjattiva jew li tirreġistraha biss parzjalment, u dwar ir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalih. |
(20) |
Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal inizjattiva jenħtieġ li jinġabru f'perjodu ta' żmien speċifiku. Sabiex jiġi żgurat li l-inizjattivi taċ-ċittadini proposti jibqgħu rilevanti, filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità sabiex jinġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ madwar l-Unjoni, dak il-perjodu ta' żmien jenħtieġ li ma jkunx itwal minn 12-il xahar mid-data tal-bidu tal-perjodu ta' ġbir stabbilita mill-grupp ta' organizzaturi. Il-grupp ta' organizzaturi jenħtieġ li jkollu r-responsabbiltà li jagħżel id-data tal-bidu tal-perjodu tal-ġbir fi żmien sitt xhur mir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva. Il-grupp ta' organizzaturi jenħtieġ li jinforma lill-Kummissjoni bid-data magħżula mill-inqas 10 ijiem tax-xogħol qabel dik id-data. Sabiex tiżgura l-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lill-Istati Membri dwar id-data kkomunikata mill-grupp ta' organizzaturi. |
(21) |
Sabiex l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej issir aktar aċċessibbli, anqas ta' piż u aktar faċli biex tintuża għall-organizzaturi u ċ-ċittadini, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi u żżomm sistema ċentrali għall-ġbir online tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ. Dik is-sistema jenħtieġ li tkun disponibbli bla ħlas għall-gruppi ta' organizzaturi u jenħtieġ li tinkludi l-karattersitiċi tekniċi meħtieġa li jagħmlu possibbli l-ġbir online, inkluż il-hosting u s-software, kif ukoll karatteristiċi ta' aċċessibbiltà li jiżguraw li ċ-ċittadini b'diżabbiltà jkunu jistgħu jipprovdu appoġġ għall-inizjattivi. Din is-sistema jenħtieġ li tkun stabbilita u miżmuma skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 (9). |
(22) |
Iċ-ċittadini jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jappoġġaw l-inizjattivi permezz tal-Internet jew f'forma stampata billi jipprovdu biss id-data personali stipulata fl-Anness III ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar jekk iridux jiġu inklużi fil-parti A jew B, rispettivament, tal-Anness III. Iċ-ċittadini li jużaw is-sistema ċentrali ta' ġbir online għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej jenħtieġ li jkunu jistgħu jappoġġaw inizjattiva online bl-użu ta' mezzi ta' identifikazzjoni elettronika jew permezz ta' firma elettronika fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw il-karatteristiċi tekniċi rilevanti fi ħdan il-qafas ta' dak ir-Regolament. Iċ-ċittadini jenħtieġ li jiffirmaw dikjarazzjoni ta' appoġġ darba biss. |
(23) |
Biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn sistema ċentrali ġdida ta' ġbir online, grupp ta' organizzaturi jenħtieġ li jkompli jkollu l-possibbiltà li jistabbilixxi s-sistemi ta' ġbir online tiegħu stess u li jiġbor dikjarazzjonijiet ta' appoġġ permezz ta' din is-sistema għal inizjattivi reġistrati skont dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2022. Il-grupp ta' organizzaturi jenħtieġ li juża sistema individwali ta' ġbir online waħda għal kull inizjattiva. Is-sistemi individwali ta' ġbir online imwaqqfa u mħaddma minn grupp ta' organizzaturi jenħtieġ li jkollhom karatteristiċi tekniċi u ta' sigurtà adegwati sabiex jiżguraw li d-data tinġabar, tinħażen u tiġi trasferita b'mod sigur matul il-proċedura. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati għas-sistemi individwali ta' ġbir online, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri. Għandu jkun possibbli li l-Kummissjoni titlob il-parir tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), li tassisti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki relatati mas-sigurtà tan-netwerk u s-sistemi ta' informazzjoni. |
(24) |
Huwa xieraq li l-Istati Membri jivverifikaw il-konformità tas-sistemi individwali ta' ġbir online stabbiliti mill-grupp ta' organizzaturi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u li joħorġu dokument li jiċċertifika tali konformità, qabel ma jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ. Iċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi individwali ta' ġbir online jenħtieġ li titwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn tinħażen id-data miġbura permezz tas-sistema individwali ta' ġbir online. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza taħt ir-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnominaw l-awtorità nazzjonali kompetenti responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi. L-Istati Membri jenħtieġ li jirrikonoxxu b'mod reċiproku ċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. |
(25) |
Meta inizjattiva tkun irċeviet id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ meħtieġa mill-firmatarji, kull Stat Membru jenħtieġ li jkun responsabbli għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ iffirmati miċ-ċittadini tiegħu, sabiex jiġi vvalutat jekk ikunx intlaħaq l-għadd minimu ta' firmatarji meħtieġ li jkollhom id-dritt li jappoġġaw inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Filwaqt li jittieħed kont tal-bżonn li jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, tali verifiki jenħtieġ li jitwettqu fuq il-bażi ta' kontrolli adatti, li jistgħu jkunu bbażati fuq teħid ta' kampjuni b'mod każwali. L-Istati Membri jenħtieġ li joħorġu dokument li jiċċertifika n-numru ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ li jinkisbu. |
(26) |
Sabiex jiġu promossi l-parteċipazzjoni u d-dibattitu pubbliku dwar il-kwistjonijiet imqajma permezz tal-inizjattivi, fejn inizjattiva appoġġata mill-għadd meħtieġ ta' firmatarji u li tissodisfa r-rekwiżiti l-oħra ta' dan ir-Regolament tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni, il-grupp ta' organizzaturi jenħtieġ li jkollu d-dritt li jippreżenta dik l-inizjattiva waqt seduta tas-smigħ pubblika fil-livell tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jorganizza s-smigħ pubbliku fi żmien tliet xhur mit-tressiq tal-inizjattiva lill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jiżgura rappreżentanza bilanċjata tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-esperti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi rappreżentata fuq livell adegwat. Il-Kunsill, istituzzjonijiet u korpi konsultattivi oħra tal-Unjoni, kif ukoll partijiet ikkonċernati, jenħtieġ li jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem fis-smigħ skont is-suġġett sabiex tiġi garantita n-natura inklużiva tiegħu u biex jissaħħaħ l-interess pubbliku tiegħu. |
(27) |
Il-Parlament Ewropew, bħala l-istituzzjoni li fiha ċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun intitolat li jevalwa l-appoġġ għal inizjattiva valida wara t-tressiq tagħha u wara smigħ pubbliku dwarha. Il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jkun jista' wkoll jivvaluta l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-inizjattiva u deskritti fil-komunikazzjoni tagħha. |
(28) |
Sabiex tkun żgurata l-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li teżamina inizjattiva valida u twieġeb għaliha. Il-Kummissjoni jenħtieġ għalhekk li tistabbilixxi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha kif ukoll l-azzjoni li biħsiebha tieħu, fi żmien sitt xhur mill-wasla tal-inizjattiva. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tispjega b'mod ċar, li jinftiehem u dettaljat ir-raġunijiet għall-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu, inkluż jekk hijiex se tadotta proposta għal att legali tal-Unjoni bi tweġiba għall-inizjattiva, u bl-istess mod jenħtieġ li tagħti r-raġunijiet tagħha, jekk ma tkun biħsiebha tieħu l-ebda azzjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li teżamina l-inizjattivi skont il-prinċipji ġenerali ta' amministrazzjoni tajba kif stabbiliti fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
(29) |
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-finanzjament u l-appoġġ tiegħu, jenħtieġ li l-grupp ta' organizzaturi jipprovdu b'mod regolari informazzjoni aġġornata u dettaljata dwar is-sorsi ta' finanzjament u ta' appoġġ għall-inizjattivi tiegħu bejn id-data ta' reġistrazzjoni u d-data li fiha l-inizjattiva titressaq lill-Kummissjoni. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru u fis-sit web pubbliku dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Id-dikjarazzjoni ta' sorsi ta' finanzjament u appoġġ mill-grupp ta' organizzaturi jenħtieġ li tinkludi informazzjoni dwar għajnuna finanzjarja li teċċedi EUR 500 għal kull sponsor, kif ukoll dwar organizzazzjonijiet li jassistu lill-grupp ta' organizzaturi, fuq bażi volontarja, fejn tali appoġġ ma jkunx ekonomikament kwantifikabbli. L-entitajiet, l-aktar dawk l-organizzazzjonijiet li skont it-Trattati jikkontribwixxu għat-trawwim ta' sensibilizzazzjoni politika Ewropea u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni, jenħtieġ li jkunu jistgħu jippromwovu u jipprovdu finanzjament u appoġġ għal inizjattivi, bil-kundizzjoni li jagħmlu dan f'konformità mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti b'dan ir-Regolament. |
(30) |
Biex tkun żgurata trasparenza sħiħa, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel disponibbli formula ta' kuntatt, fir-reġistru u fuq is-sit web pubbliku tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, sabiex ċ-ċittadini jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw ilment relatat mal-kompletezza u l-korrettezza tal-informazzjoni dwar is-sorsi ta' finanzjament u appoġġ kif iddikjarati mill-gruppi ta' organizzaturi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun intitolata titlob mingħand il-grupp ta' organizzaturi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-ilmenti u, fejn meħtieġ, li taġġorna l-informazzjoni, fir-reġistru, dwar is-sorsi ddikjarati ta' finanzjament u appoġġ. |
(31) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta' data personali mwettaq taħt dan ir-Regolament. F'dan ir-rigward, għal raġuni ta' ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi ċċarat li r-rappreżentant tal-grupp ta' organizzaturi jew, fejn applikabbli, l-entità legali maħluqa bl-iskop tal-ġestjoni tal-inizjattiva, u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu kkunsidrati li huma l-kontrolluri tad-data skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali meta jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, l-indirizzi elettroniċi u d-data dwar l-isponsors tal-inizjattivi, u għall-finijiet ta' verifika u ċertifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u li jiġi speċifikat il-perjodu massimu li fih id-data personali miġbura għall-finijiet ta' inizjattiva tkun tista' tinżamm. Fil-kapaċità tagħhom bħala kontrolluri tad-data, ir-rappreżentanti tal-grupp ta' organizzaturi, jew, fejn applikabbli, l-entità legali maħluqa għall-finijiet ta' ġestjoni tal-inizjattiva, u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jikkonformaw mal-obbligi imposti bir-Regolament (UE) 2016/679, b'mod partikolari dawk dwar il-legalità tal-ipproċessar u s-sigurtà tal-attivitajiet ta' pproċessar, l-għoti ta' informazzjoni u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. |
(32) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) japplika għall-ipproċessar ta' data personali li jsir mill-Kummissjoni b'applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tkun ikkunsidrata l-kontrollur tad-data fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali fir-reġistru, il-pjattaforma kollaborattiva online, is-sistema ċentrali ta' ġbir online u l-ġbir tal-indirizzi tal-posta elettronika. Is-sistema ċentrali ta' ġbir online li tippermetti lill-gruppi ta' organizzaturi jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għall-inizjattivi tagħhom online jenħtieġ li tiġi stabbilita u mħaddma mill-Kummissjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u r-rappreżentant tal-grupp ta' organizzaturi jew, fejn applikabbli, l-entità ġuridika maħluqa biex tmexxi l-inizjattiva jenħtieġ li jkunu kontrolluri konġunti fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-sistema ċentrali ta' ġbir online. |
(33) |
Sabiex tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja politika tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqajjem kuxjenza pubblika dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, bl-użu b'mod partikolari tat-teknoloġiji diġitali u l-midja soċjali, u fil-qafas ta' azzjonijiet li jippromwovu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-drittijiet taċ-ċittadini. Il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni. |
(34) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni mal-firmatarji u biex jiġu infurmati dwar l-azzjonijiet ta' segwitu bi tweġiba għal inizjattiva, il-Kummissjoni u l-grupp ta' organizzaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġbru, skont ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, l-indirizzi tal-posta elettronika tal-firmatarji. Il-ġabra ta' indirizzi tal-posta elettronika jenħtieġ li tkun fakultattiva u soġġetta għall-kunsens espliċitu tal-firmatarji. L-indirizzi tal-posta elettronika jenħtieġ li ma jinġabrux bħala parti mill-formoli ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u l-firmatarji potenzjali jenħtieġ li jkunu infurmati li d-dritt tagħhom li jappoġġaw inizjattiva mhuwiex soġġett għall-fatt li jagħtu l-kunsens tagħhom biex jiġbru l-indirizz tal-posta elettronika. |
(35) |
Sabiex dan ir-Regolament jiġi adattat għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadottata atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emendar tal-Annessi ta' dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati. |
(36) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni, b'mod partikolari biex jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistemi tal-ġbir online f'konformità ma' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). |
(37) |
Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq biex jintlaħaq l-għan bażiku għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u politika tal-Unjoni li jiġu stabbiliti regoli dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan maħsub, skont l-Artikolu 5(4) TUE. |
(38) |
Dan ir-Regolament iħares id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
(39) |
Għal raġunijiet ta' ċertezza legali u ta' ċarezza, ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 jenħtieġ li jitħassar. |
(40) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u ta' kummenti formali fid-19 ta' Diċembru 2017, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva li tistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati (minn hawn 'il quddiem “l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej” jew “inizjattiva”).
Artikolu 2
Id-dritt li wieħed jappoġġa inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej
1. Kull ċittadin tal-Unjoni li jkun mill-inqas l-età biex ikun intitolat li jivvota fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jappoġġa inizjattiva billi jiffirma dikjarazzjoni ta' appoġġ f'konformità ma' dan ir-Regolament.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-età minima ta' 16-il sena li tintitola għall-appoġġ ta' inizjattiva, f'konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, u f'tali każ huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.
2. F'konformità mal-liġi applikabbli, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jappoġġaw inizjattivi u jkunu jista' jkollhom aċċess għas-sorsi rilevanti kollha ta' informazzjoni dwar inizjattivi, fuq bażi ugwali ma' ċittadini oħra.
Artikolu 3
L-għadd meħtieġ ta' firmatarji
1. Inizjattiva hija valida jekk:
(a) |
irċeviet l-appoġġ ta' mill-inqas miljun ċittadin tal-Unjoni skont l-Artikolu 2(1) (“firmatarji”) minn mill-inqas kwart tal-Istati Membri; u |
(b) |
f'mill-inqas kwart tal-Istati Membri, in-numru ta' firmatarji huwa mill-inqas daqs in-numru minimu stabbilit fl-Anness I, li jikkorrispondi għan-numru ta' Membri tal-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru, multiplikat bin-numru totali ta' Membri tal-Parlament Ewropew, fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva. |
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, firmatarju għandu jingħadd fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu, irrispettivament mill-post fejn il-firmatarju jkun iffirma d-dikjarazzjoni ta' appoġġ.
Artikolu 4
Informazzjoni u assistenza mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri
1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi aċċess faċli u komprensiv għal informazzjoni u assistenza dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej liċ-ċittadini u l-gruppi ta' organizzaturi, inkluż billi tiddiriġihom mill-ġdid lejn is-sorsi rilevanti ta' informazzjoni u assistenza.
Il-Kummissjoni għandha tqiegħed gwida dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kemm fuq l-Internet kif ukoll f'forma stampata, u fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel pjattaforma kollaborattiva fuq l-Internet għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej disponibbli, bla ħlas.
Il-pjattaforma għandha tipprovdi pariri prattiċi u legali, u forum ta' diskussjoni dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għall-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki fost iċ-ċittadini, gruppi ta' organizzaturi, partijiet ikkonċernati, organizzazzjonijiet mhux governattivi, esperti u istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni li jixtiequ jipparteċipaw.
Din il-pjattaforma għandha tkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà.
L-ispejjeż għall-istabbiliment, it-tħaddim u ż-żamma ta' pjattaforma għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
3. Il-Kummissjoni għandha tagħmel reġistru online disponibbli li jippermetti gruppi ta' organizzaturi jimmaniġġjaw l-inizjattiva tagħhom matul il-proċedura.
Ir-reġistru għandu jinkludi sit web pubbliku li jipprovdi informazzjoni dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej b'mod ġenerali kif ukoll dwar inizjattivi speċifiċi u l-istatus rispettiv tagħhom.
Il-Kummissjoni għandha taġġorna r-reġistru b'mod regolari billi tagħmel l-informazzjoni ppreżentata mill-grupp ta' organizzaturi disponibbli.
4. Wara li l-Kummissjoni tirreġistra inizjattiva skont l-Artikolu 6, din għandha tipprovdi traduzzjoni tal-kontenut ta' dik l-inizjattiva, inkluż l-anness tagħha, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fi ħdan il-limiti stabbiliti fl-Anness II, għall-pubblikazzjoni tagħha fir-reġistru u l-użu tagħha għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ f'konformità ma' dan ir-Regolament.
Il-grupp ta' organizzaturi jista', barra minn hekk, jipprovdi traduzzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-informazzjoni addizzjonali dwar l-inizjattiva u, jekk jeżisti, abbozz ta' att legali msemmi fl-Anness II, ippreżentat f'konformità mal-Artikolu 6(2). Dawk it-traduzzjonijiet għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-organizzaturi. Il-kontenut tat-traduzzjonijiet ipprovduti mill-grupp ta' organizzaturi għandu jikkorrispondi għall-kontenut tal-inizjattiva ppreżentata skont l-Artikolu 6(2).
Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-pubblikazzjoni fir-reġistru u fuq is-sit web pubbliku dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tal-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 6(2) u t-traduzzjonijiet ippreżentati skont dan il-paragrafu.
5. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa servizz ta' skambju ta' fajls għat-trasferiment ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f'konformità mal-Artikolu 12, u tagħmlu disponibbli bla ħlas għall-grupp ta' organizzaturi.
6. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punt ta' kuntatt wieħed jew aktar sabiex jipprovdu, bla ħlas, informazzjoni u assistenza lill-gruppi ta' organizzaturi f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli.
KAPITOLU II
DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI
Artikolu 5
Grupp ta' organizzaturi
1. Inizjattiva għandha tiġi ppreparata u ġestita minn grupp ta' mill-inqas seba' persuni fiżiċi (il-“grupp ta' organizzaturi”). Il-membri tal-Parlament Ewropew ma għandhomx jgħoddu għall-finijiet ta' dak l-għadd minimu.
2. Il-membri tal-grupp ta' organizzaturi għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni ta' età xierqa biex ikunu intitolati jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-grupp għandu jinkludi residenti ta' mill-anqas seba' Stati Membri differenti, fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva.
Għal kull inizjattiva, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ismijiet tal-membri kollha tal-grupp ta' organizzaturi fir-reġistru skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.
3. Il-grupp ta' organizzaturi għandu jaħtar tnejn mill-membri tiegħu bħala, rappreżentant u sostitut, rispettivament, li għandhom ikunu responsabbli sabiex jikkollaboraw bejn il-grupp ta' organizzaturi u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni matul il-proċedura kollha u li għandu jkollhom mandat biex jaġixxu f'isem il-grupp ta' organizzaturi (il-“persuni ta' kuntatt”).
Il-grupp ta' organizzaturi jista' wkoll jinnomina massimu ta' żewġ persuni fiżiċi oħra, magħżula minn fost il-membri tiegħu jew b'xi mod ieħor, li huma awtorizzati li jaġixxu f'isem persuni ta' kuntatt għall-finijiet ta' kuntatt mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni matul il-proċedura kollha.
4. Il-grupp ta' organizzaturi għandu jinforma lill-Kummissjoni b'kull tibdil fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu matul il-proċedura kollha u għandu jipprovdi provi xierqa li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ikunu ssodisfati. Il-bidliet fil-kompożizzjoni ta' grupp ta' organizzaturi għandhom jiġu riflessi fil-formoli ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u l-ismijiet tal-membri preżenti u passati tal-grupp ta' organizzaturi għandhom jibqgħu disponibbli fir-reġistru matul il-proċedura kollha.
5. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tar-rappreżentant ta' grupp ta' organizzaturi bħala l-kontrollur tad-data skont it-tifsira tal-Artikolu 82(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, il-membri ta' grupp ta' organizzaturi għandhom ikunu responsabbli b'mod konġunt u in solidum għal kwalunkwe ħsara kkawżata matul l-organizzazzjoni ta' inizjattiva minn atti illegali mwettqa b'mod intenzjonali jew b'negliġenza serja, skont il-liġi nazzjonali applikabbli.
6. Mingħajr preġudizzju għall-penali taħt l-Artikolu 84 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri ta' grupp ta' organizzaturi jkunu, f'konformità mal-liġi nazzjonali, soġġetti għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur ta' dan ir-Regolament u b'mod partikolari għal:
(a) |
dikjarazzjonijiet foloz; |
(b) |
l-użu frodulenti tad-data. |
7. Fejn entità ġuridika ġiet maħluqa, skont il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru b'mod speċifiku għall-finijiet ta' ġestjoni ta' inizjattiva partikolari, dik l-entità ġuridika għandha titqies li hija grupp ta' organizzaturi jew il-membri tiegħu, għall-fini, kif applikabbli, tal-paragrafi 5 u 6 ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 6(2) u (4) sa (7) u l-Artikoli 7 sa 19 u l-Annessi II sa VII, sakemm membru tal-grupp ta' organizzaturi maħtur bħala r-rappreżentant tiegħu għandu s-setgħa jaġixxi f'isem l-entità ġuridika.
Artikolu 6
Reġistrazzjoni
1. Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal inizjattiva jistgħu jinġabru biss wara li l-inizjattiva tkun ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni.
2. Il-grupp ta' organizzaturi għandhom jippreżentaw it-talba għal reġistrazzjoni lill-Kummissjoni permezz tar-reġistru.
Meta jippreżenta t-talba il-grupp ta' organizzaturi għandu wkoll:
(a) |
jittrażmetti l-informazzjoni msemmija fl-Anness II, f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; |
(b) |
jindika s-seba' membri li jridu jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) u (2), fejn il-grupp ta' organizzaturi jkun magħmul minn aktar minn seba' membri; |
(c) |
fejn rilevanti, jindika li entità ġuridika nħolqot, skont l-Artikolu 5(7). |
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 5 u 6, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar it-talba għal reġistrazzjoni fi żmien xahrejn mill-preżentazzjoni tiegħu.
3. Il-Kummissjoni għandha tirreġistra inizjattiva jekk:
(a) |
il-grupp ta' organizzaturi pprovda evidenza biżżejjed li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (2) u jkun ħatar il-persuni ta' kuntatt f'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3); |
(b) |
fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(7), l-entità ġuridika ġiet maħluqa bl-għan speċifiku li tiżgura l-ġestjoni ta' din l-inizjattiva u membru tal-grupp ta' organizzaturi maħtur bħala r-rappreżentant tiegħu jingħata l-mandat li jaġixxi f'isem l-entità ġuridika; |
(c) |
l-ebda mill-partijiet tal-inizjattiva ma jaqgħu manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta' implimentazzjoni tat-Trattati; |
(d) |
li l-inizjattiva ma tkunx manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja; |
(e) |
li l-inizjattiva ma tkunx manifestament kuntrarja għall-valuri tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 2 TUE u d-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
Għall-finijiet jiġi stabbilit jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu humiex issodisfati, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta mill-grupp ta' organizzaturi skont il-paragrafu 2.
Jekk wieħed jew aktar mir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma jkunux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta li tirreġistra inizjattiva, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5.
4. Fejn tqis li r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti(a), (b), (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 huma ssodisfati iżda li r-rekwiżit stabbilit fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 mhux issodisfat, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahar minn meta titressaq it-talba, tgħarraf lill-grupp ta' organizzaturi bil-valutazzjoni tagħha u r-raġunijiet għaliha.
F'tali każ, il-grupp ta' organizzaturi jista' jew jemenda l-inizjattiva biex iqis il-valutazzjoni tal-Kummissjoni biex jiżgura li l-inizjattiva tkun konformi mar-rekwiżit stipulat fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, jew iżomm, jew jirtira, l-inizjattiva inizjali. Il-grupp ta' organizzaturi għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-għażla tiegħu fi żmien xahrejn mill-wasla tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u jagħti r-raġunijiet tiegħu, u għandu, jippreżenta emendi, jekk hemm, għall- inizjattiva inizjali.
Fejn il-grupp ta' organizzaturi jemenda jew iżomm l-inizjattiva inizjali tiegħu skont it-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha:
(a) |
tirreġistra l-inizjattiva, jekk tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3; |
(b) |
tirreġistra parzjalment l-inizjattiva, jekk parti tal-inizjattiva, inklużi l-għanijiet ewlenin tagħha, ma tkunx taqa' manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta' implimentazzjoni tat-Trattati; |
(c) |
inkella, tirrifjuta li tirreġistra l-inizjattiva. |
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar din it-talba fi żmien xahar mill-wasla tal-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu mill-grupp ta' organizzaturi.
5. Inizjattiva taċ-ċittadini proposta li tkun ġiet reġistrata għandha ssir pubblika fir-reġistru.
Fejn il-Kummissjoni tirreġistra parzjalment inizjattiva għandha tippubblika informazzjoni dwar l-ambitu tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva fir-reġistru.
F'tali każ, il-grupp ta' organizzaturi għandu jiżgura li l-firmatarji potenzjali jiġu infurmati dwar l-ambitu tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva u tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jinġabru biss f'dak li jirrigwarda l-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistrazzjoni.
6. Il-Kummissjoni għandha tirreġistra inizjattiva taħt numru ta' reġistrazzjoni uniku u tgħarraf lill-grupp ta' organizzaturi biha.
7. Fejn tirrifjuta li tirreġistra jew inkella li tirreġistra b'mod parzjali inizjattiva taċ-ċittadini skont il-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha u tinforma lill-grupp ta' organizzaturi. Hija għandha tinforma wkoll lill-grupp ta' organizzaturi dwar ir-rimedji ġudizzjarji u extraġudizzjarji kollha possibbli disponibbli għalih.
Il-Kummissjoni għandha tqiegħed id-deċiżjonijiet kollha dwar talbiet għal reġistrazzjoni li hija tadotta skont dan l-Artikolu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru u fuq is-sit web pubbliku dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.
8. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-reġistrazzjoni ta' inizjattiva.
Artikolu 7
Irtirar ta' inizjattiva
F'kull ħin qabel ma jippreżenta l-inizjattiva lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13, il-grupp ta' organizzaturi jista' jirtira inizjattiva li tkun ġiet reġistrata skont l-Artikolu 6. Dik l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata fir-reġistru.
Artikolu 8
Perjodu ta' ġbir
1. Kull dikjarazzjoni ta' appoġġ għandha tinġabar fi żmien perjodu li ma jaqbiżx it-12-il xahar minn data magħżula mill-grupp ta' organizzaturi (il-“perjodu ta' ġbir”), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(6). Dik id-data m'għandhiex tkun aktar tard minn sitt xhur wara r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva skont l-Artikolu 6.
Il-grupp ta' organizzaturi għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-data magħżula mill-inqas 10 ijiem tax-xogħol qabel dik id-data.
Fejn, matul il-perjodu ta' ġbir, il-grupp ta' organizzaturi jkun jixtieq itemm il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ġbir, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dik l-intenzjoni mill-anqas għaxart ijiem ta' xogħol qabel id-data l-ġdida magħżula għat-tmiem tal-perjodu ta' ġbir.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu.
2. Il-Kummissjoni għandha tindika d-dati tal-bidu u t-tmiem tal-perjodu tal-ġbir fir-reġistru.
3. Il-Kummissjoni għandha tagħlaq l-operazzjoni tas-sistema ċentrali ta' ġbir online msemmija fl-Artikolu 10, u l-grupp ta' organizzaturi għandhom jagħlqu l-operazzjoni ta' sistema individwali ta' ġbir online msemmija fl-Artikolu 11, fid-data li fiha jintemm il-perjodu ta' ġbir.
Artikolu 9
Proċedura għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ
1. Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jistgħu jiġu ffirmati online jew f'forma stampata.
2. Jistgħu jintużaw biss formoli li jikkonformaw mal-mudelli stabbiliti fl-Anness III biex jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ.
L-organizzaturi għandhom jimlew il-formoli msemmija fl-Anness III qabel ma jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ mill-firmatarji. L-informazzjoni mogħtija fil-formoli għandha tikkorrispondi għall-informazzjoni li hemm fir-reġistru.
Fejn il-grupp ta' organizzaturi jagħżel li jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ online permezz tas-sistema ċentrali ta' ġbir online prevista fl-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli li tipprovdi formoli xierqa, skont l-Anness III.
Meta inizjattiva tkun ġiet parzjalment reġistrata skont l-Artikolu 6(4), il-formoli stabbiliti fl-Anness III kif ukoll is-sistema ċentrali ta' ġbir online u s-sistema individwali ta' ġbir online, kif applikabbli, għandha tirrifletti l-ambitu tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva. Il-formoli tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jistgħu jiġu adattati għall-fini tal-ġbir online jew f'forma stampata.
L-Anness III ma għandux japplika meta ċ-ċittadini jappoġġaw inizjattiva online, permezz tas-sistema ċentrali ta' ġbir online imsemmija fl-Artikolu 10, bl-użu tal-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika notifikati fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 imsemmija fl-Artikolu 10(4) ta' dan ir-Regolament. Iċ-ċittadini għandhom jipprovdu n-nazzjonalità tagħhom u l-Istati Membri għandhom jaċċettaw is-sett minimu ta' data għal persuna fiżika skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 (15).
3. Persuna li tiffirma dikjarazzjoni ta' appoġġ għandha tkun meħtieġa li tipprovdi biss id-data personali mniżżla fl-Anness III.
4. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar jekk jixtiequx jiġu inklużi fil-parti A jew B, rispettivament, tal-Anness III sat-30 ta' Ġunju 2019. L-Istati Membri li jixtiequ jiġu inklużi fil-parti B tal-Anness III, għandhom jindikaw it-tip(i) ta' numru (tad-dokument) ta' identifikazzjoni personali msemmi fih.
Sal-1 ta' Jannar 2020, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-formoli stabbiliti fl-Anness III fir-reġistru.
Stat Membru inkluż f'parti waħda tal-Anness III jista' jitlob lill-Kummissjoni biex jiġi ttrasferit fil-parti l-oħra tal-Anness III. Hija għandha tagħmel it-talba tagħha lill-Kummissjoni mill-inqas sitt xhur qabel id-data li minnha l-formoli ġodda ser ikunu applikabbli.
5. Il-grupp ta' organizzaturi għandu jkun responsabbli għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ mill-firmatarji f'forma stampata.
6. Persuna tista' tiffirma dikjarazzjoni ta' appoġġ għal inizjattiva darba biss.
7. Il-grupp ta' organizzaturi għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġbura f'kull Stat Membru mill-anqas kull xahrejn matul il-perjodu ta' ġbir u tal-għadd finali fi żmien tliet xhur minn tmiem il-perjodu ta' ġbir għall-pubblikazzjoni fir-reġistru.
Fejn l-għadd ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ meħtieġ ma ntlaħaqx jew fin-nuqqas ta' tweġiba mill-grupp ta' organizzaturi fi żmien tliet xhur mit-tmiem tal-perjodu ta' ġbir, il-Kummissjoni għandha tagħlaq l-inizjattiva u tippubblika avviż għal dak l-għan fir-reġistru.
Artikolu 10
Sistema ċentrali ta' ġbir online
1. Għall-fini tal-ġbir online ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, sal-1 ta' Jannar 2020, u topera minn dik id-data, sistema ċentrali ta' ġbir online, f'konformità mad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2017/46.
L-ispejjeż tal-istabbiliment u l-operat tas-sistema ċentrali ta' ġbir online għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-użu ta' sistema ċentrali ta' ġbir online għandu jkun bla ħlas.
Is-sistema ċentrali ta' ġbir online għandha tkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà.
Id-data miksuba permezz tas-sistema ċentrali ta' ġbir online għandha tinħażen f'servers disponibbli mill-Kummissjoni għal dak l-għan.
Is-sistema ċentrali ta' ġbir online għandha tippermetti li jittellgħu d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin f'forma stampata.
2. Għal kull inizjattiva, il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jistgħu jinġabru permezz tas-sistema ċentrali ta' ġbir online matul il-perjodu ta' ġbir determinat skont l-Artikolu 8.
3. Sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-perjodu ta' ġbir, il-grupp ta' organizzaturi għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar jekk jixtieqx juża s-sistema ċentrali ta' ġbir online u jekk jixtieqx itella' d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġbura f'forma stampata.
Fejn grupp ta' organizzaturi jixtieq itella' dawk id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin f'forma stampata, dan għandu jtella' d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kollha miġburin f'forma stampata sa mhux aktar tard minn xahrejn wara t-tmiem tal-perjodu ta' ġbir, u għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) |
iċ-ċittadini jistgħu jappoġġaw inizjattivi online permezz ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ billi jużaw mezzi ta' identifikazzjoni elettronika notifikati jew jiffirmaw id-dikjarazzjoni ta' appoġġ b'firma elettronika fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 910/2014; |
(b) |
in-nodu tal-Kummissjoni e-IDAS żviluppat fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1501 jkun rikonoxxut. |
5. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati dwar żviluppi u titjib ulterjuri tas-sistema ċentrali ta' ġbir online biex jitqiesu s-suġġerimenti u t-tħassib tagħhom.
Artikolu 11
Sistemi individwali ta' ġbir online
1. Fejn grupp ta' organizzaturi ma jużax is-sistema ċentrali ta' ġbir online, dan jista' jiġbor dikjarazzjonijiet ta' appoġġ online f'diversi Stati Membri jew fl-Istati Membri kollha permezz ta' sistema unika ta' ġbir online oħra (“is-sistema indivdwali ta' ġbir online”).
Fejn id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jinġabru online, id-data li tinkiseb online permezz tas-sistema ta' ġbir online għandha tinħażen fit-territorju ta' Stat Membru.
2. Il-grupp ta' organizzaturi għandu jiżgura li s-sistema ta' ġbir online tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 18(3) tul il-perjodu tal-ġbir.
3. Wara r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva u qabel il-bidu tal-perjodu tal-ġbir, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali taħt il-Kapitolu VI tar-Regolament (UE) 2016/679, il-grupp ta' organizzaturi għandu jitlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih id-data miġbura permezz tas-sistema individwali ta' ġbir online tinħażen biex jiġi ċċertifikat li dik is-sistema tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.
Fejn sistema individwali ta' ġbir online tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikat għal dak l-effett skont il-mudell stabbilit fl-Anness IV fi żmien xahar mit-talba. Il-grupp ta' organizzaturi għandu jagħmel kopja ta' dak iċ-ċertifikat disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web użat għas-sistema individwali ta' ġbir online.
L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.
4. Is-sistemi individwali ta' ġbir online għandu jkollhom karatteristiċi tekniċi u ta' sigurtà adegwati biex jiżguraw tul il-perjodu tal-ġbir li:
(a) |
persuni fiżiċi biss ikunu kapaċi jiffirmaw dikjarazzjoni ta' appoġġ; |
(b) |
l-informazzjoni provduta dwar l-inizjattiva tikkorrispondi mal-informazzjoni ppubblikata fir-reġistru; |
(c) |
id-data tinġabar mill-firmatarji skont l-Anness III; |
(d) |
id-data pprovduta mill-firmatarji tinġabar u tinħażen b'mod sigur. |
5. Sal-1 ta' Jannar 2020, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22.
Il-Kummissjoni tista' titlob parir tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (“ENISA”) fl-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu.
6. Fejn id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jinġabru permezz ta' sistema individwali ta' ġbir online, il-perjodu tal-ġbir jista' jibda biss ladarba ċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 3 ikun inħareġ għal dik is-sistema
7. Dan l-Artikolu għandu japplika biss għall-inizjattivi reġistrati skont l-Artikolu 6 tal-31 ta' Diċembru 2022.
Artikolu 12
Verifika u ċertifikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ mill-Istati Membri
1. Kull Stat Membru għandu jivverifika u jiċċertifika li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ iffirmati miċ-ċittadini tiegħu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament (l-“Istat Membru responsabbli”).
2. Fi żmien tliet xhur minn tmiem il-perjodu ta' ġbir u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-grupp ta' organizzaturi għandu jippreżenta d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, miġburin online jew f'forma stampata, lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 20(2) tal-Istat Membru responsabbli.
Il-grupp ta' organizzaturi għandu jippreżenta d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti biss meta l-għadd minimu ta' firmatarji stabbiliti fl-Artikolu 3 jintlaħaq.
Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għandhom jintbagħtu lil kull awtorità kompetenti fl-Istat Membru responsabbli darba biss, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness V.
Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, li ġew miġburin online għandhom jiġu ppreżentati skont formola elettronika standard disponibbli għall-pubbliku mill-Kummissjoni.
Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin f'forma stampata kif ukoll għal dawk miġburin permezz ta' sistema individwali ta' ġbir online għandhom jiġu ppreżentati separatament.
3. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġbura online permezz tas-sistema ċentrali ta' ġbir online kif ukoll dawk miġbura f'forma stampata u mtella' skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tal-awtorità kompetenti tal- Istat Membru responsabbli hekk kif il-grupp ta' organizzaturi jkun ippreżenta l-formola li tinsab fl-Anness V lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
Fejn grupp ta' organizzaturi ġabar id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ permezz ta' sistema individwali ta' ġbir online, jista' jitlob lill-Kummissjoni tippreżentahom lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli.
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dikjarazzjoni ta' appoġġ skont it-tieni sar-raba' subparagrafu ta' paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, bl-użu tas-servizz għall-iskambju tal-fajls imsemmi fl-Artikolu 4(5).
4. Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikawhom fuq il-bażi ta' kontrolli adatti, li jistgħu jkunu bbażati fuq teħid ta' kampjuni b'mod każwali, f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali.
Fejn id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jinġabru online kif ukoll f'forma stampata huma ppreżentati separatament, dak il-perjodu għandu jibda jiskorri meta l-awtorità kompetenti tkun irċeviet id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kollha.
Għall-għan tal-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, l-awtentikazzjoni tal-firem m'għandhiex tkun meħtieġa.
5. Fuq il-bażi tal-verifiki mwettqa, l-awtorità kompetenti għandha tiċċertifika l-għadd ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ validi għall-Istat Membru kkonċernat. Dak iċ-ċertifikat għandu jingħata, mingħajr ħlas, lill-grupp ta' organizzaturi, bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness VI.
Iċ-ċertifikat għandu jispeċifika n-numru ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ validi miġbura f'forma stampata u online, inkluż dawk miġburin f'forma stampata u mtella' skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3).
Artikolu 13
Preżentazzjoni lill-Kummissjoni
Fi żmien tliet xhur minn meta jikseb l-aħħar ċertifikat previst fl-Artikolu 12(5) il-grupp ta' organizzaturi għandu jippreżenta l-inizjattiva lill-Kummissjoni.
Il-grupp ta' organizzaturi għandu jippreżenta l-formola mimlija kif stipulat fl-Anness VII flimkien mal-kopji, f'forma stampata jew elettronika, taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 12(5).
Il-formola stipulata fl-Anness VII għandha ssir disponibbli għall-pubbliku mil-Kummissjoni fir-reġistru.
Artikolu 14
Pubblikazzjoni u smigħ pubbliku
1. Meta l-Kummissjoni tirċievi inizjattiva valida li għaliha jkunu nġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u ġew iċċertifikati skont l-Artikoli 8 sa 12, din għandha tippubblika minnufih avviż għal dak l-għan fir-reġistru u tittrażmetti l-inizjattiva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
2. Fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni tal-inizjattiva, il-grupp ta' organizzaturi għandu jingħata l-opportunità li jippreżenta l-inizjattiva waqt smigħ pubbliku organizzat mill-Parlament Ewropew.
Il- Parlament Ewropew għandu jorganizza s-smigħ pubbliku fil-bini tiegħu.
Il-Kummissjoni għandha tkun rappreżentata fis-seduta f'livell xieraq.
Il-Kunsill, istituzzjonijiet u korpi konsultattivi oħra tal-Unjoni, il-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili għandhom jingħataw l-opportunità li jieħdu sehem fis-smigħ.
Il-Parlament Ewropew għandu jiżgura rappreżentazzjoni bilanċjata tal-interessi pubbliċi u privati rilevanti.
3. Wara s-smigħ pubbliku, il-Parlament Ewropew għandu jivvaluta l-appoġġ politiku għall-inizjattiva.
Artikolu 15
Eżami mill-Kummissjoni
1. Fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tal-inizjattiva f'konformità mal-Artikolu 13, il-Kummissjoni għandha tirċievi lill-grupp ta' organizzaturi f'livell xieraq biex tippermettilu jispjega fid-dettall l-objettivi tal-inizjattiva.
2. Fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tal-inizjattiva skont l-Artikolu 14(1), u wara s-smigħ pubbliku msemmi fl-Artikolu 14(2), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi f'komunikazzjoni l-konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk se tieħu azzjoni, u r-raġunijiet għalfejn se tieħu jew mhux se tieħu dik l-azzjoni.
Meta l-Kummissjoni tkun biħsiebha tieħu azzjoni bi tweġiba għall-inizjattiva, inkluż, fejn xieraq, l-adozzjoni ta' waħda jew iktar proposti għal att legali tal-Unjoni, il-komunikazzjoni għandha tistabbilixxi wkoll l-iskeda ta' żmien prevista għal dawn l-azzjonijiet.
Il-komunikazzjoni għandha tiġi notifikata lill-grupp ta' organizzaturi kif ukoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, u għandha tiġi ppubblikata.
3. Il-Kummissjoni u l-grupp ta' organizzaturi għandhom jinfurmaw lill-firmatarji dwar ir-rispons għall-inizjattiva skont l-Artikolu 18(2) u (3).
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi, fir-reġistru u fuq is-sit web pubbliku dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, informazzjoni aġġornata dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet stabbiliti fil-komunikazzjoni adottata b'rispons għall-inizjattiva.
Artikolu 16
Segwitu mill-Parlament Ewropew għall-inizjattivi taċ-ċittadini ta' suċċess
Il-Parlament Ewropew għandu jivvaluta l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni bħala riżultat tal-komunikazzjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 15(2).
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN
Artikolu 17
Trasparenza
1. Il-grupp ta' organizzaturi għandu jipprovdi, għall-pubblikazzjoni fir-reġistru u, fejn xieraq, fuq is-sit web tal-kampanja tiegħu, informazzjoni ċara, preċiża u komprensiva dwar is-sorsi ta' finanzjament għall-inizjattiva li jaqbeż il-EUR 500 għal kull sponsor.
Is-sorsi ta' finanzjament u appoġġ iddikjarati, inkluż l-isponsors, u l-ammonti korrispondenti, għandhom ikunu identifikabbli b'mod ċar.
Il-grupp ta' organizzaturi għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet li appoġġawh fuq bażi volontarja, meta dan l-appoġġ ma jkunx kwantifikabbli ekonomikament.
Din l-informazzjoni għandha tkun aġġornata tal-inqas darba kull xahrejn matul il-perjodu bejn id-data ta' reġistrazzjoni u d-data li fiha l-inizjattiva tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 13. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mod ċar u aċċessibbli fir-reġistru u fuq is-sit web pubbliku dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.
2. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata titlob li l-grupp ta' organizzaturi jipprovdu kwalunkwe informazzjoni u kjarifika addizzjonali dwar is-sorsi ta' finanzjament u appoġġ iddikjarati f'konformità ma' dan ir-Regolament.
3. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-possibbiltà li ċ-ċittadini jressqu lment relatat mal-kompletezza u l-korrettezza tal-informazzjoni dwar is-sorsi ta' finanzjament u appoġġ kif iddikjarat mill-gruppi ta' organizzaturi u tagħmelformola ta' kuntatt disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru u fuq is-sit web pubbliku tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għal dak il-għan.
Il-Kummissjoni tista' titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta' lmenti riċevuti skont dan il-paragrafu mingħand il-grupp ta' organizzaturi, u, kif xieraq, taġġorna l-informazzjoni dwar is-sorsi ddikjarati ta' finanzjament u appoġġ fir-reġistru.
Artikolu 18
Komunikazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tqajjem kuxjenza pubblika dwar l-eżistenza, l-objettivi u l-funzjonament tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, permezz ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni u kampanji ta' informazzjoni, biex b'hekk tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja politika tal-Unjoni.
Il-Parlament Ewropew għandu jikkontribwixxi għall-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni.
2. Għall-finijiet tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni u informazzjoni rigward l-inizjattiva kkonċernata u soġġett għal kunsens eslpiċitu minn firmatarju, l-indirizz elettroniku tiegħu jista' jinġabar minn grupp ta' organizzaturi jew mill-Kummissjoni.
Firmatarji potenzjali għandhom jiġu informati li d-dritt tagħhom li jappoġġaw inizjattiva mhux kundizzjonali fuq jekk jagħtux il-kunsens tagħhom biex jinġabar l-indirizz tal-posta elettronika tagħhom.
3. L-indirizzi tal-posta elettronika ma jistgħux jinġabru bħala parti mill-formoli ta' dikjarazzjoni ta' appoġġ. Madankollu, dawn jistgħu jinġabru fl-istess ħin mad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, sakemm ikunu pproċessati b'mod separat.
Artikolu 19
Protezzjoni ta' data personali
1. Ir-rappreżentant tal-grupp ta' organizzaturi għandu jkun il-kontrollur tad-data fit-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali meta jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u l-indirizzi tal-posta elettronika u d-data dwar l-isponsors tal-inizjattivi. Fejn l-entità ġuridika msemmija fl-Artikolu 5(7) ta' dan ir-Regolament tinħoloq, dik l-entità għandha tkun il-kontrollur tad-data.
2. L-awtoritajiet kompetenti maħtura f'konformità mal-Artikolu 20(2) ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu l-kontrolluri tad-data fit-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet ta' verifika u ċertifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ.
3. Il-Kummissjoni għandha tkun il-kontrollur tad-data fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fir-reġistru, il-pjattaforma kollaborattiva online, is-sistema ċentrali ta' ġbir online msemmija fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament, u l-ġbir tal-indirizzi tal-posta elettronika.
4. Id-data personali pprovduta fid-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għandha tinġabar għall-fini tal-operazzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-ġbir u l-ħżin skont l-Artikoli 9 sa 11, għall-preżentazzjoni lill-Istati Membri, il-verifika u ċ-ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 12, u għall-verifiki ta' kwalità meħtieġa u analiżi statistika.
5. Il-grupp ta' organizzaturi u l-Kummissjoni Ewropea, kif xieraq, għandhom jeqirdu d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ iffirmati għal inizjattiva u kull kopja tagħhom mhux aktar tard minn xahar wara l-preżentazzjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13 jew mhux iktar tard minn 21 xahar wara l-bidu tal-perjodu ta' ġbir, skont liema minnhom tiġi l-aktar kmieni. Madankollu, fejn inizjattiva tiġi rtirata wara l-bidu tal-perjodu ta' ġbir, id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u kull kopja tagħhom għandhom jinqerdu mhux aktar tard minn xahar wara l-irtirar imsemmi fl-Artikolu 7.
6. L-awtorità kompetenti għandha teqred id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u l-kopji tagħhom kollha mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 12(5).
7. Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal inizjattiva taċ-ċittadini partikolari u kopji tagħhom jistgħu jinżammu wara l-limiti taż-żmien stipulati fil-paragrafi 5 u 6 jekk ikun meħtieġ għall-fini ta' proċedimenti legali jew amministrattivi relatati ma' inizjattiva taċ-ċittadini proposta. Huma għandhom jinqerdu mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta' għeluq ta' dawn il-proċedimenti b'deċiżjoni finali.
8. Il-Kummissjoni u l-grupp ta' organizzaturi għandhom jeqirdu r-rekords tal-indirizzi elettroniċi miġbura skont l-Artikolu 18(2), mhux aktar tard minn xahar wara l-irtirar ta' inizjattiva jew 12-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta' ġbir jew mill-preżentazzjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni, rispettivament. Madankollu, fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi, permezz ta' komunikazzjoni, l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu skont l-Artikolu 15(2), ir-rekords ta' indirizzi tal-posta elettronika għandhom jinqerdu sa mhux iktar tard minn tliet snin wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni.
9. Bla ħsara għad-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, il-membri tal-grupp ta' organizzaturi għandhom id-dritt li jitolbu li d-data personali tagħhom titneħħa mir-reġistru wara sentejn mid-data tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva kkonċernata.
Artikolu 20
Awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Istati Membri
1. Għall-fini tal-Artikolu 11, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli biex toħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 11(3).
2. Għall-fini tal-Artikolu 12, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda responsabbli għall-koordinazzjoni tal-proċess ta' verifika tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u għall-ħruġ taċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 12(5).
3. Sal-1 ta' Jannar 2020, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet maħtura skont il-paragrafi 1 u 2 lill-Kummissjoni. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe aġġornament ta' dik l-informazzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet maħtura skont il-paragrafi 1 u 2 pubblikament disponibbli fir-reġistru.
Artikolu 21
Komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali
1. Sal-1 ta' Jannar 2020, kull Stat Membru għandu jinnotifika bid-dispożizzjonijiet speċifiċi li jadotta sabiex jimplimenta dan ir-Regolament lill-Kummissjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed dawn id-dispożizzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru fil-lingwa tal-komunikazzjoni mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1.
KAPITOLU IV
ATTI DELEGATI U ATTI TA' IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 22
Proċedura tal-kumitat
1. Għall-fini tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(5) ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn Kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 23
Setgħat delegati
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 sabiex temenda l-Annesssi ta' dan ir-Regolament fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament rilevanti għal dawk l-Annessi.
Artikolu 24
Eżerċitar tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 23 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mis-6 ta' Ġunju 2019.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 23 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 23 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn wara n-notifikazzjoni ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 25
Rieżami
Il-Kummissjoni għandha tirrevedi perjodikament il-funzjonament tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2024, u kull erba' snin minn hemm 'il quddiem. Dawn ir-rapporti għandhom ikopru wkoll l-età minima għall-appoġġ tal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej fl-Istati Membri. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.
Artikolu 26
Tħassir
Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 jitħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2020.
Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 27
Dispożizzjoni tranżitorja
Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 għandhom ikomplu japplikaw wara l-1 ta' Jannar 2020 għall-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej li huma rreġistrati qabel l-1 ta' Jannar 2020.
Artikolu 28
Dħul fis-seħħ u applikabbiltà
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.
Madankollu, l-Artikoli 9(4), 10, 11(5), u 20 sa 24 japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) ĠU C 237, 6.7.2018, p. 74.
(2) ĠU C 247, 13.7.2018, p. 62.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019.
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2011 tas-17 ta' Novembru 2011 li jistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistemi tal-ġbir online skont ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 301, 18.11.2011, p. 3).
(6) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 17.
(7) 2017/2024(INL).
(8) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 6, 11.1.2017, p. 40).
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(11) Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(12) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(13) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13-18).
(14) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(15) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-qafas ta' interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 235, 9.9.2015, p. 1).
ANNESS I
NUMRU MINIMU TA' FIRMATARJI GĦAL KULL STAT MEMBRU
Il-Belġju |
15 771 |
Il-Bulgarija |
12 767 |
Iċ-Ċekja |
15 771 |
Id-Danimarka |
9 763 |
Il-Ġermanja |
72 096 |
L-Estonja |
4 506 |
L-Irlanda |
8 261 |
Il-Ġreċja |
15 771 |
Spanja |
40 554 |
Franza |
55 574 |
Il-Kroazja |
8 261 |
L-Italja |
54 823 |
Ċipru |
4 506 |
Il-Latvja |
6 008 |
Il-Litwanja |
8 261 |
Il-Lussemburgu |
4 506 |
L-Ungerija |
15 771 |
Malta |
4 506 |
In-Netherlands |
19 526 |
L-Awstrija |
13 518 |
Il-Polonja |
38 301 |
Il-Portugall |
15 771 |
Ir-Rumanija |
24 032 |
Is-Slovenja |
6 008 |
Is-Slovakkja |
9 763 |
Il-Finlandja |
9 763 |
L-Iżvezja |
15 020 |
Ir-Renju Unit |
54 823 |
ANNESS II
INFORMAZZJONI MEĦTIEĠA GĦAR-REĠISTRAZZJONI TA' INIZJATTIVA
1. |
It-titolu tal-inizjattiva, f'mhux aktar minn 100 karattru; (*1) |
2. |
L-objettivi tal-inizjattiva li fuqha l-Kummissjoni tkun mistiedna taġixxi, f'mhux aktar minn 1 100 karattru mingħajr spazji; (medja aġġustata għal kull lingwa (*1));
Il-grupp ta' organizzaturi jista' jipprovdi anness dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva, f'mhux aktar minn 5 000 karattru mingħajr spazji (medja aġġustata għal kull lingwa (*1)); Il-grupp ta' organizzaturi jista' jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva. Jekk jixtieq, jista' wkoll jippreżenta abbozz ta' att legali; |
3. |
Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati meqjusa rilevanti mill-grupp ta' organizzaturi għall-azzjoni proposta; |
4. |
L-ismijiet sħaħ, l-indirizzi postali, in-nazzjonalitajiet u d-dati ta' twelid ta' seba' membri tal-grupp ta' organizzaturi li jirrisjedu f'seba' Stati Membri differenti b'indikazzjoni speċifika tar-rappreżentant u s-sostitut kif ukoll l-indirizzi tal-posta elettronika u n-numri tat-telefon tagħhom (1);
Jekk ir-rappreżentant u/jew is-sostitut mhumiex fost is-seba' membri msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ismijiet sħaħ, l-indirizzi postali, in-nazzjonalitajiet, id-dati tat-twelid, l-indirizzi tal-posta elettronika u n-numri tat-telefon tagħhom. |
5. |
Id-dokumenti li juru l-ismijiet sħaħ, l-indirizzi postali, in-nazzjonalitajiet u d-dati ta' twelid ta' kull wieħed/waħda mis-seba' membri msemmija fil-punt 4 u tar-rappreżentant u s-sostitut, jekk ma jkunux fost dawk is-seba' membri; |
6. |
L-ismijiet tal-membri l-oħra tal-grupp ta' organizzaturi; |
7. |
Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn xieraq, id-dokumenti li jipprovaw il-ħolqien ta' entità ġuridika f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' Stat Membri speċifikament għall-fini ta' ġestjoni ta' inizjattiva partikolari u li l-membru tal-grupp ta' organizzaturi maħtura bħala r-rappreżentant tiegħu għandu s-setgħa jaġixxi f'isem l-entità ġuridika. |
8. |
Is-sorsi kollha ta' appoġġ u finanzjament għall-inizjattiva fil-ħin tar-reġistrazzjoni. |
(*1) Il-Kummissjoni tipprovdi t-traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta' dawn l-elementi, għall-inizjattivi rreġistrati kollha.
(1) Fuq ir-reġistru online tal-Kummissjoni, huma biss l-ismijiet sħaħ tal-membri tal-grupp ta' organizzaturi, il-pajjiż ta' residenza tar-rappreżentant jew, fejn xieraq, l-isem u l-pajjiż tas-sede tal-entità ġuridika, l-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta' kuntatt u l-informazzjoni relatata mas-sorsi tal-appoġġ u l-finanzjament ser ikunu disponibbli għall-pubbliku. Suġġetti tad-data huma intitolati joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom għal raġunijiet leġittimi aċċettabbli relatati mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom.
ANNESS III
DIKJARAZZJONI TA' FORMOLA TA' APPOĠĠ — Parti A (1) (għall-Istati Membri li ma jirrikjedux il-provediment ta'parti minn numru ta' identifikazzjoni personali/numru ta' dokument ta' identifikazzjoni personali) |
Il-kaxxi kollha f'din il-formola huma obbligatorji.
TRID TIMTELA MINN QABEL MILL-GRUPP TA' ORGANIZZATURI:
1. |
Il-firmatarji kollha f'din il-formola huma ċittadini ta':
Jekk jogħġbok immarka biss Stat Membru wieħed għal kull lista. |
2. |
Numru ta' reġistrazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: |
3. |
Dati ta' bidu u tmiem tal-perjodu ta' ġbir: |
4. |
Indirizz ta' sit web ta' din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta fir-reġistru tal-Kummissjoni Ewropea: |
5. |
Titolu ta' din l-inizjattiva: |
6. |
Għanijiet tal-inizjattiva: |
7. |
Ismijiet u indirizzi tal-posta elettronika ta' persuni ta' kuntatt reġistrati:
[Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn xieraq, addizzjonalment: l-isem u l-pajjiż tas-sede tal-entità ġuridika]: |
8. |
Is-sit web ta' din l-inizjattiva (jekk jeżisti): |
TRID TIMTELA MILL-FIRMATARJI B'ITTRI KAPITALI:
“B'dan jien niċċertifika li l-informazzjoni li pprovdejt f'din il-formola hija korretta u li jien m'appoġġajtx diġà din l-inizjattiva.”
Ismijiet sħaħ |
Kunjomijiet |
RESIDENZA (2) (triq, numru, kodiċi postali, belt, pajjiż) |
Data tat-twelid |
Data |
FIRMA (3) |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Stqarrija ta' privatezza (4) għad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin f'forma stampata jew permezz ta' sistemi individwali ta' ġbir online:
Stqarrija ta' privatezza għad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin online permezz ta' sistema ċentrali ta' ġbir online:
|
DIKJARAZZJONI TA' APPOĠĠ — Parti B (5) (for Member States that require the provision of a personal identification number/personal identification document number) |
Il-kaxxi kollha f'din il-formola huma obbligatorji.
TRID TIMTELA MINN QABEL MILL-GRUPP TA' ORGANIZZATURI:
1. |
Il-firmatarji kollha f'din il-formola huma ċittadini ta':
Jekk jogħġbok immarka biss Stat Membru wieħed għal kull lista. Ara s-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għan-numri ta' identifikazzjoni personali/numri ta' dokumenti ta' identifikazzjoni personali, li jrid jiġi pprovdut wieħed minnhom. |
2. |
Numru ta' reġistrazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: |
3. |
Dati ta' bidu u tmiem tal-perjodu ta' ġbir: |
4. |
Indirizz ta' sit web ta' din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta fir-reġistru tal-Kummissjoni Ewropea: |
5. |
Titolu ta' din l-inizjattiva: |
6. |
Għanijiet tal-inizjattiva: |
7. |
Ismijiet u l-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta' kuntatt:
[Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) 2019/788, fejn xieraq“ addizzjonalment: l-isem u l-pajjiż tas-sede tal-entità ġuridika]: |
8. |
Is-sit web ta' din l-inizjattiva (jekk jeżisti): |
TRID TIMTELA MILL-FIRMATARJI B'ITTRI KAPITALI:
“B'dan jien niċċertifika li l-informazzjoni li pprovdejt f'din il-formola hija korretta u li jien m'appoġġajtx diġà din l-inizjattiva.”
Ismijiet sħaħ |
Kunjomijiet |
NUMRU ta' identifikazzjoni PERSONALI/NUMRU tad-DOKUMENT ta' identifikazzjoni PERSONALI |
Tip ta' numru ta' identifikazzjoni personali jew dokument |
Data |
Firma (6) |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Stqarrija ta' privatezza (7) għad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin f'forma stampata jew permezz ta' sistemi individwali ta' ġbir online:
Stqarrija ta' privatezza għad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin online permezz ta' sistema ċentrali ta' ġbir online:
|
(1) Il-formola għandha tiġi stampata fuq folja waħda. Il- grupp ta' organizzaturi jista' juża folji miż-żewġ naħat. Sabiex jiġu mtella' d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġbura fil-forma ta' karta fis-sistema ċentrali ta' ġbir online jintuża kodiċi li jingħata għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
(2) Iċ-ċittadini Ġermaniżi li jgħixu barra l-pajjiż biss jekk ikunu rreġistraw ir-residenza permanenti attwali tagħhom fir-rappreżentazzjoni diplomatika Ġermaniża reponsabbli tagħhom barra mill-pajjiż.
(3) Il-firma mhijiex mandatorja jekk il-formola tkun ippreżentata online permezz tas-sistema ċentrali ta' ġbir online kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/788 jew sistema individwali ta' ġbir online kif imsemmi fl-Artikolu 11 tal-imsemmi Regolament.
(4) Waħda biss miż-żewġ verżjonijiet proposti ta' stqarrijiet ta' privatezza għandha tkun użata, skont il-metodu ta' ġbir.
(5) Il-formola għandha tiġi stampata fuq folja waħda. Il-Grupp ta' Organizzaturi jista' juża folja miż-żewġ naħat. Sabiex jiġu mtella' d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġbura fil-forma ta' karta fis-sistema ċentrali ta' ġbir online għandu jintuża kodiċi li jingħata għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
(6) Il-firma mhijiex mandatorja jekk il-formola tkun ippreżentata online permezz tas-sistema ċentrali ta' ġbir online kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/788 jew sistema individwali ta' ġbir online kif imsemmi fl-Artikolu 11 tal-imsemmi Regolament.
(7) Waħda biss miż-żewġ verżjonijiet proposti ta' stqarrijiet ta' privatezza għandha tkun użata, skont il-metodu ta' ġbir.
ANNESS IV
ĊERTIFIKAT LI JIKKONFERMA L-KONFORMITÀ TA' SISTEMA TA' ĠBIR ONLINE MAR-REGOLAMENT (UE) 2019/788 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAS-17 TA' APRIL 2019 DWAR L-INIZJATTIVA TAĊ-ĊITTADINI EWROPEJ
… (isem tal-awtorità kompetenti) ta' … (isem tal-Istat Membru) b'dan tiċċertifika li s-sistema individwali ta' ġbir online … (indirizz tas-sit web) li tintuża għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal … (titolu tal-inizjattiva) li għandha n-numru ta' reġistrazzjoni (numru ta' reġistrazzjoni tal-inizjattiva) tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.
Data, firma u timbru uffiċjali tal-awtorità kompetenti:
ANNESS V
FORMOLA GĦALL-PREŻENTAZZJONI TA' DIKJARAZZJONIJIET TA' APPOĠĠ LILL-AWTORITAJIET KOMPETENTI TAL-ISTATI MEMBRI
1. |
Ismijiet sħaħ, indirizzi postali u indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta' kuntatt (ir-rappreżentant u s-sostitut tal-grupp ta' organizzaturi) jew tal-entità ġuridika li tiġġestixxi l-inizjattiva u r-rappreżentant tagħha: |
2. |
Titolu tal-inizjattiva: |
3. |
Numru ta' reġistrazzjoni tal-Kummissjoni: |
4. |
Data ta' reġistrazzjoni: |
5. |
Għadd ta' firmatarji li huma ċittadini ta' (isem tal-Istat Membru): |
6. |
Għadd totali ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġbura: |
7. |
Għadd ta' Stati Membri fejn intlaħaq il-limitu: |
8. |
Annessi:
(Inkludi d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kollha mill-firmatarji li huma ċittadini tal-Istat Membru rilevanti. Jekk applikabbli, inkludi ċ-ċertifikat rilevanti ta' konformità tas-sistema individwali ta' ġbir online mar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej) |
9. |
Jiena hawnhekk niddikjara li l-informazzjoni provduta f'din il-formola hija korretta u li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ inġabru f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. |
10. |
Data u firma ta' waħda mill-persuni ta' kuntatt (rappreżentant/sostitut (1)) jew tar-rappreżentant tal-entità legali: |
(1) Ħassar kif meħtieġ.
ANNESS VI
ĊERTIFIKAT LI JIKKONFERMA N-NUMRU TA' DIKJARAZZJONIJIET TA' APPOĠĠ VALIDI MIĠBURA GĦAL … (ISEM TAL-ISTAT MEMBRU)
(isem tal-awtorità kompetenti) ta' … (isem tal-Istat Membru), wara li għamlet il-verifiki neċessarji mitluba mill-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, b'dan tiċċertifika li … (numru ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ validi) dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għall-inizjattiva bin-numru ta' reġistrazzjoni (numru ta' reġistrazzjoni tal-inizjattiva) huma validi f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.
Data, firma u bolla uffiċjali
ANNESS VII
FORMOLA GĦALL-PREŻENTAZZJONI TA' INIZJATTIVA LILL-KUMMISSJONI EWROPEA
1. |
Titolu tal-inizjattiva: |
2. |
Numru ta' reġistrazzjoni tal-Kummissjoni: |
3. |
Data ta' reġistrazzjoni: |
4. |
Għadd ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġbura (għandu jkun mill-inqas miljun): |
5. |
Numru ta' firmatarji ċċertifikati mill-Istati Membri:
|
6. |
Ismijiet sħaħ, indirizzi postali u indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta' kuntatt (ir-rappreżentant u s-sostitut tal-grupp ta' organizzaturi) (1) jew tal-entità legali li tiġġestixxi l-inizjattiva u r-rappreżentant tagħha. |
7. |
Indika s-sorsi kollha tal-appoġġ u l-finanzjament riċevuti għall-inizjattiva, inkluż l-ammont tal-appoġġ finanzjarju fil-ħin tal-preżentazzjoni. |
8. |
Jiena hawnhekk niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f'din il-formola hija korretta u li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet rilevanti kollha stipulati fir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ġew osservati.
Data u firma ta' waħda mill-persuni ta' kuntatt (rappreżentant/sostitut (2)) jew tar-rappreżentant tal-entità legali: |
9. |
Annessi: (Inkludi ċ-ċertifikati kollha). |
(1) Fuq ir-reġistru online tal-Kummissjoni ser ikunu disponibbli għall-pubbliku biss l-ismijiet sħaħ tal-membri tal-grupp ta' organizzaturi, il-pajjiż ta' residenza tar-rappreaentant jew, fejn xieraq, l-isem u l-pajjiż tas-sede tal-entità ġuridika, l-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta' kuntatt u l-informazzjoni relatata mas-sorsi tal-appoġġ u tal-finanzjament. Is-suġġetti tad-data huma intitolati joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom għal raġunijiet leġittimi aċċettabbli relatati mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom.
(2) Ħassar kif meħtieġ.