Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0093

Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI

OJ L 335, 17.12.2011, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 016 P. 261 - 274

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/93/oj

17.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/1


DIRETTIVA 2011/92/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Diċembru 2011

dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pedopornografija, jikkostitwixxu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal għal protezzjoni u kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom kif previst fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989 u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3).

(2)

Skont l-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li fl-Artikolu 24(2) tagħha tiddisponi li fl-azzjonijiet kollha marbutin mat-tfal, meħudin kemm mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mill-istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja. Barra minn hekk, il-Programm ta’ Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (4), jagħti prijorità ċara lill-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija.

(3)

Il-pedopornografija, li tikkonsisti minn immaġini ta’ abbuż sesswali tat-tfal, u forom oħra ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali tat-tfal partikolarment serji qed jiżdiedu u jinfirxu permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u tal-Internet.

(4)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI tat-22 ta’ Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (5) tqarreb il-leġislazzjoni tal-Istati Membri sabiex tikkriminalizza l-aktar forom serji ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali tat-tfal, biex testendi l-ġurisdizzjoni domestika, u biex tipprevedi livell minimu ta’ assistenza għall-vittmi. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta’ Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (6) tistabbilixxi sett ta’ drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali, inkluż id-dritt għal protezzjoni u għal kumpens. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ abbuż sesswali, sfruttament sesswali tat-tfal u pedopornografija ser tiġi ffaċilitata bl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Diċembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’ ġurisidizzjoni fi proċedimenti kriminali (7).

(5)

Skont l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Partijiet Statali Kontraenti jintrabtu li jipproteġu lit-tfal mill-forom kollha ta’ sfruttament sesswali u abbuż sesswali. Il-Protokoll Fakoltattiv tal-2000 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, dwar il-Bejgħ ta’ Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal u, b'mod partikolari, il-Konvenzjoni tal-2007 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali huma passi kruċjali fil-proċess biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam.

(6)

Reati kriminali serji bħall-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija jeħtieġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni ta’ tfal vittmi, u l-prevenzjoni tal-fenomenu. L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja fit-twettiq ta’ kwalunkwe miżura għall-ġlieda kontra dawn ir-reati f'konformità mal-Karta tad-Drttijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Sabiex jintlaħaq dak il-għan, id-Deċiżjoni Kwadru 2004/68/ĠAI teħtieġ tiġi sostitwita bi strument ġdid li jipprovdi tali qafas legali komprensiv.

(7)

Din id-Direttiva għandha tkun kompletament komplementari għad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (8), billi xi vittmi tat-traffikar tal-bnedmin kienu wkoll tfal vittmi ta’ abbuż sesswali jew sfruttament sesswali.

(8)

Fil-kuntest tal-kriminalizzazzjoni ta’ atti marbutin mal-prestazzjoni pornografika, din id-Direttiva tirriferi għal tali atti li jkunu jikkonsistu f'wirja live organizzata, immirata għal udjenza, u b'hekk tiġi eskluża mid-definizzjoni l-komunikazzjoni personali wiċċ imb'wiċċ bejn dawk tampar xulxin li jagħtu l-kunsens sesswali, kif ukoll it-tfal li jkunu akbar mill-età tal-kunsens u mseħbin tagħhom.

(9)

Il-pedopornografija ħafna drabi tinkludi xbihat li jirreġistraw l-abbuż sesswali tat-tfal min-naħa tal-adulti. Tista' tinkludi wkoll xbihat ta’ tfal involuti f'imġiba sesswalment espliċita, jew tal-organi sesswali tagħhom, fejn tali xbihat ikunu prodotti jew użati għal skopijiet primarjament sesswali u sfruttati bil-għarfien tat-tifel/tifla jew mingħajru. Inoltre, il-kunċett ta’ pedopornografija jkopri wkoll ix-xbihat realistiċi ta’ tifel/tifla, fejn it-tifel jew tifla jkunu mdaħħlin jew rappreżentati bħala mdaħħlin f'imġiba sesswalment espliċita għal skopijiet primarjament sesswali.

(10)

Id-diżabbiltà, waħidha, ma tikkostitwixxix awtomatikament impossibbiltà li jkun hemm kunsens għal relazzjonijiet sesswali. Madankollu, l-abbuż tal-eżistenza ta’ tali diżabbiltà sabiex wieħed jieħu sehem f'attivitajiet sesswali mat-tfal għandu jiġi kkriminalizzat.

(11)

Fl-adozzjoni ta’ leġislazzjoni dwar id-dritt kriminali sostantiv, l-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza ta’ din il-leġislazzjoni b'mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ pieni. Għandu jittieħed kont tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 u l-25 ta’ April 2002 dwar l-approċċ li għandu jiġi applikat fir-rigward tal-approssimazzjoni tal-pieni, li jindika erba' livelli ta’ pieni, fid-dawl tat-Trattat ta’ Lisbona. Din id-Direttiva, billi fiha numru eċċezzjonalment għoli ta’ reati differenti, teħtieġ, sabiex tirrifletti l-gradi diversi ta’ serjetà, differenzjazzjoni fil-livell ta’ pieni li tmur lil hinn minn dak li normalment għandu jkun previst fl-istrumenti legali tal-Unjoni.

(12)

Il-forom serji ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali tat-tfal għandhom ikunu soġġetti għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dan jinkludi, b'mod partikolari, diversi forom ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali tat-tfal iffaċilitat mill-użu ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, bħas-solleċitazzjoni bl-Internet ta’ tfal għal skopijiet sesswali permezz ta’ netwerks soċjali u ta’ chat rooms. Id-definizzjoni ta’ pedopornografija għandha tkun iċċarata u allinjatat aktar qrib għal dik li tinsab fi strumenti internazzjonali.

(13)

It-terminu massimu ta’ priġunerija prevista f'din id-Direttiva għar-reati msemmija fiha għandha tapplika mill-anqas għall-aktar forom serja ta’ tali reati.

(14)

Sabiex jintlaħaq it-terminu massimu ta’ priġunerija previst f'din id-Direttiva għal reati li jikkonċernaw l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, u l-pedopornografija, l-Istati Membri, b'kont meħud tal-liġi nazzjonali tagħhom, jistgħu jikkombinaw it-termini ta’ priġunerija previsti fil-leġislazzjoni nazzjonali fir-rigward ta’ dawk ir-reati.

(15)

Din id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu għal pieni kriminali fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija. Din id-Direttiva ma toħloq l-ebda obbligu fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ pieni bħal dawn, jew kwalunkwe sistema disponibbli oħra ta’ infurzar tal-liġi, f'każijiet individwali.

(16)

B'mod partikolari f' dawk il-każijiet fejn ir-reati msemmija f'din id-Direttiva jkunu kommessi bl-iskop ta’ gwadann finanzjarju, l-Istati Membri huma mistedna jikkunsidraw li jiddisponu għall-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ pieni finanzjarji oltre għall-priġunerija.

(17)

Fil-kuntest tal-pedopornografija, it-terminu “mingħajr dritt” jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għal difiża fir-rigward tal-imġiba marbuta ma’ materjal pronografiku li jkollu, pereżempju, skop mediku, xjentifiku jew simili. Jippermetti wkoll li jsiru attivitajiet skont setgħat legali domestiċi, bħall-pussess leġittimu tal-pedopornografija mill-awtoritajiet bl-iskop li jmexxu proċedimenti kriminali jew li jipprevjenu, jiskopru jew jinvestigaw reati. Barra minn hekk, ma jeskludix id-difiżi legali jew prinċipji relevanti simili li jeżoneraw persuna mir-responsabbiltà f'ċirkostanzi speċifiċi, pereżempju meta l-hotlines telefoniċi jew bl-Internet iwettqu attivitajiet biex jirrapportaw dawk il-każijiet.

(18)

L-akkwist konxju ta’ aċċess, permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, għall-pedopornografija għandu jiġi kkriminalizzat. Sabiex titqies responsabbli, il-persuna għandu jkollha kemm l-intenzjoni li tidħol f'sit fejn il-pedopornografija tkun disponibbli kif ukoll tkun taf li tali immaġini jistgħu jinstabu hemm. M'għandhomx jiġu applikati pieni lil persuni li bi żvista jaċċessaw siti li jkun fihom il-pedopornografija. In-natura intenzjonata tar-reat tista' tkun dedotta b'mod partikolari mill-fatt li dan ikun rikorrenti jew li r-reati jkunu saru permezz ta’ servizz li għalih ikun sar ħlas.

(19)

Is-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali hija theddida b'karatteristiċi speċifiċi fil-kuntest tal-Internet, billi dan jagħti anonimità mingħajr preċedenti lill-utentiminħabba li jistgħu jaħbu l-identità vera tagħhom u l-karatteristiċi personali ta’ dak li jkun, bħalma hi l-età tagħhom. Fl-istess waqt, l-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza tal-ġlieda wkoll kontra s-solleċitazzjoni ta’ tifel/tifla barra mill-kuntest tal-Internet, b’ mod partikolari fejn tali solleċitazzjoni ma ssirx bl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. L-Istati Membri huma inkoraġġiti jikkriminalizzaw l-imġiba fejn is-solleċitazzjoni ta’ tifel/tifla għal laqgħa mal-akkużat għal skopijiet sesswali sseħħ fil-preżenza jew fil-prossimità tat-tifel/tifla, pereżempju fil-forma ta’ reat preparatorju partikolari, tentattiv ta’ kommissjoni ta’ reati msemmija f'din id-Direttiva jew bħala forma partikolari ta’ abbuż sesswali. Tkun liema tkun is-soluzzjoni ġuridika magħżula għall-kriminalizzazzjoni tal-grooming off-line, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprosegwixxu kontra l-perpetraturi ta’ tali reati b'mod jew ieħor.

(20)

Din id-Direttiva ma tirregolax il-linji politiċi tal-Istati Membri rigward attivitajiet sesswali kunsenswali li fihom jistgħu jkunu involuti t-tfal u li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-iskoperta normali tas-sesswalità fil-kors tal-iżvilupp uman, b'kont meħud tat-tradizzjonijiet kulturali u legali differenti u ta’ forom ġodda fejn jiġu stabbiliti u jinżammu relazzjonijiet fost it-tfal u l-adolexxenti, inkluż permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Dawn il-kwistjonijiet mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri li jużaw il-possibilitajiet imsemmija f'din id-Direttiva, għandhom jagħmlu dan fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom.

(21)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal ċirkostanzi aggravanti fil-liġi nazzjonali tagħhom f'konformità mar-regoli applikabbli stabbiliti mis-sistemi legali tagħhom dwar ċirkostanzi aggravanti. Huma għandhom jiżguraw li dawn iċ-ċirkostanzi aggravanti jkunu disponibbli biex l-imħallfin jikkunsidrawhom meta jagħtu sentenzi fir-rigward ta’ trasgressuri, għalkemm m'hemm l-ebda obbligu fuq l-imħallfin biex japplikaw dawk iċ-ċirkostanzi aggravanti. Iċ-ċirkostanzi aggravanti ma għandhomx ikunu previsti mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali meta jkunu irrelevanti b'kont meħud tan-natura tar-reat speċifiku. Ir-relevanza tad-diversi ċirkostanzi aggravanti previsti f'din id-Direttiva għandha tiġi evalwata fil-livell nazzjonali għal kull wieħed mir-reati msemmija f'din id-Direttiva.

(22)

L-inkapaċità fiżika jew mentali skont din id-Direttiva għandha tinftiehem bħala li tinkludi wkoll l-istat tal-inkapaċità fiżika jew mentali kkawżata mill-influwenza tad-drogi u l-alkoħol.

(23)

Fil-ġlieda kontra l-isfruttament tat-tfal, għandu jsir użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti dwar il-qbid u l-konfiska tar-rikavat mill-kriminalità, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transkonfinali u l-Protokolli tagħha, il-Konvenzjoni tal-1990 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil, it-Tiftix, il-Qbid u l-Konfiska tar-Rikavat mill-Kriminalità, id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (9) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska tar-Rikavat, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (10). Għandu jitħeġġeġ l-użu tal-mezzi strumentali maqbuda u kkonfisati u tal-qligħ mir-reati msemmija f'din id-Direttiva sabiex ikun hemm appoġġ għall-għajnuna lill-vittmi u għall-protezzjoni tagħhom.

(24)

Għandha tiġi evitata l-vittimizzazzjoni sekondarja għall-vittmi tar-reati msemmijin f'din id-Direttiva. Fl-Istati Membri fejn il-prostituzzjoni jew il-preżenza f'pornografija hija punibbli, skont id-dritt kriminali nazzjonali, għandu jkun possibbli li ma ssirx prosekuzzjoni jew jiġu imposti pieni skont dawn il-liġijiet fejn it-tfal ikkonċernati jkunu wettqu dawn l-atti minħabba li kienu vittmi ta’ sfruttament sesswali jew fejn it-tfal ġew imġiegħla jipparteċipaw fil-pedopornografija.

(25)

Bħala strument tal-approssimazzjoni tal-liġi kriminali, din id-Direttiva tipprevedi livelli ta’ pieni li għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-politika kriminali speċifika tal-Istati Membri fir-rigward ta’ trasgressuri tfal.

(26)

L-investigazzjoni tar-reati u l-akkużi fi proċedimenti kriminali għandhom jiġu ffaċilitati, biex jittieħed kont tad-diffikultà għat-tfal vittmi biex jirrapportaw l-abbuż sesswali u l-anonimità tat-trasgressuri fl-ispazju ċibernetiku. Sabiex ikun żgurat is-suċċess tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tar-reati msemmijin f'din id-Direttiva, l-inizjazzjoni tagħhom m'għandhiex tiddipendi, fil-prinċipju, minn rapport jew akkuża magħmulin mill-vittma jew mir-rappreżentant tagħha. It-tul tal-perijodu ta’ żmien suffiċjenti għal prosekuzzjoni għandu jiġi ddeterminat f'konformità mal-liġi nazzjonali rispettiva.

(27)

Għandhom ikunu disponibbli għodod effettivi ta’ investigazzjoni għal dawk responsabbli mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati msemmija f' din id-Direttiva. Dawk l-għodod jistgħu jinkludu l-interċezzjoni ta’ komunikazzjonijiet, sorveljanza sigrieta inkluża sorveljanza elettronika, il-monitoraġġ ta’ kontijiet tal-bank jew investigazzjonijiet finanzjarji oħra, b'kont meħud, fost l-oħrajn, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tan-natura u s-serjetà tar-reati investigati. Fejn ikun il-każ u f'konformità mal-liġi nazzjonali, tali għodod għandhom jinkludu wkoll il-possibbiltà għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jużaw identità mistura fuq l-Internet.

(28)

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lil kwalunkwe persuna li għandha għarfien jew suspett ta’ abbuż sesswali jew ta’ sfruttament sesswali ta’ tfal biex tirrapporta lis-servizzi kompetenti. Hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jiddetermina l-awtoritajiet kompetenti fejn jistgħu jiġu rapportati tali suspetti. Dawk l-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx ikunu limitati għal servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal jew servizzi soċjali relevanti. Ir-rekwiżit ta’ suspett “in bona fede” għandu jkollu l-għan li jimpedixxi l-invokazzjoni tad-dispożizzjoni biex tiġi awtorizzata d-denunzja ta’ fatti purament imaġinarji jew mhux veri mwettqa b'intenzjoni malizzjuża.

(29)

Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni għandhom jiġu emendati sabiex ikun żgurat li dawk fl-Unjoni li jabbużaw sesswalment minn jew jisfruttaw sesswalment it-tfal, jiffaċċjaw il-prosekuzzjoni anke jekk ir-reati tagħhom isiru barra mill-Unjoni, permezz tal-hekk imsejjaħ turiżmu tas-sess. It-turiżmu tas-sess mat-tfal għandu jinftiehem bħala sfruttament sesswali tat-tfal minn persuna jew persuni li jivvjaġġaw mill-ambjent tas-soltu tagħhom lejn destinazzjoni barra minn pajjiżhom fejn ikollhom kuntatt sesswali mat-tfal. Fejn it-turiżmu għas-sess mat-tfal iseħħ barra mill-Unjoni, l-Istati Membri huma mħeġġin ifittxu jżidu, permezz tal-istrumenti nazzjonali u internazzjonali disponibbli, inklużi t-trattati bilaterali jew multilaterali dwar l-estradizzjoni, l-assistenza reċiproka jew it-trasferiment tal-proċedimenti, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, bil-għan li jikkumbattu t-turiżmu tas-sess. L-Istati Membri għandhom irawmu d-djalogu miftuħ u l-komunikazzjoni mal-pajjiżi barra mill-Unjoni biex, taħt il-leġislazzjoni nazzjonali relevanti, dawn ikunu jistgħu jħarrku lit-trasgressuri li jivvjaġġaw barra mill-fruntieri tal-Unjoni għall-iskopijiet tat-turiżmu sesswali mat-tfal.

(30)

Għandhom jiġu adottati miżuri li jipproteġu t-tfal vittmi fl-aħjar interess tagħhom, b'kont meħud ta’ stima tal-ħtiġijiet tagħhom. It-tfal vittmi għandu jkollhom aċċess faċli għal rimedji legali u miżuri biex jindirizzaw il-kunflitti ta’ interess fejn l-abbuż sesswali jew l-isfruttament sesswali ta’ tifel jew tifla isir fil-familja. Meta jkollu jinħatar rappreżentant speċjali għat-tfal waqt investigazzjoni jew proċediment kriminali, dan ir-rwol jista' wkoll jitwettaq minn persuna ġuridika, istituzzjoni jew awtorità. Barra minn dan, it-tfal vittmi għandhom ikunu protetti minn pieni, pereżempju taħt leġislazzjoni nazzjonali dwar il-prostituzzjoni, jekk iġibu l-każ tagħhom għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Barra dan, il-parteċipazzjoni ta’ tfal vittmi fi proċedimenti kriminali m'għandhiex, sa fejn ikun possibbli, tikkawża iktar trawma bħala riżultat ta’ intervisti jew kuntatt viżwali mat-trasgressuri. Li jkun mifhumin sew it-tfal u kif iġibu ruħhom meta jiltaqgħu ma’ esperjenzi trawmatiċi, sabiex jiżguraw kwalità għolja ta’ teħid ta’ evidenza u biex jitnaqqas l-istress fuq it-tfal meta jkunu qed jitwettqu l-miżuri meħtieġa.

(31)

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jagħtu assistenza fit-terminu l-qasir u fit-terminu t-twil lit-tfal li jkunu vittmi. Kull ħsara kkawżata mill-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali ta’ tifel jew tifla hi sinifikattiva u għandha tiġi indirizzata. Minħabba n-natura tal-ħsara kkawżata mill-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali, tali assistenza għandha tkompli għal kemm ikun hemm bżonn għall-irkupru fiżiku u psikoloġiku tat-tifel jew tifla u tista' tkompli sa meta jsiru adulti jekk ikun hemm bżonn. L-għajnuna u l-konsulenza għandu jitqies li jiġu estiżi għall-ġenituri u l-persuni li jkollhom it-tutela tat-tfal vittmi fejn ma jkunux involuti bħala persuni suspettati fir-rigward tar-reat ikkonċernat, sabiex jingħataw għajnuna dwar kif għandhom jassistu t-tfal vittmi tagħhom matul il-proċedimenti.

(32)

Id-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/ĠAI tistabbilixxi sett ta’ drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali, inkluż id-dritt għal protezzjoni u kumpens. Barra minn hekk, tfal li huma vittmi ta’ abbuż sesswali, sfruttament sesswali u pedopornografija għandhom ikollhom aċċess għal konsulenza legali, u, skont ir-rwol tal-vittmi fis-sistemi tal-ġustizzja relevanti, għal rappreżentanza legali, inkluż għall-fini li jitolbu kumpens. Tali għajnuna legali tista' tiġi pprovduta wkoll mill-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta’ talba ta’ kumpens mill-Istat. Il-fini tal-konsulenza legali huwa biex tippermetti lill-vittmi jkunu informati u jirċievu parir dwar il-possibilitajiet diversi li huma miftuħin għalihom. Il-konsulenza legali u r-rappreżentanza għandhom jingħataw minn persuna li tkun irċeviet taħriġ legali adatt mingħajr ma neċessarjament tkun avukat. Il-konsulenza legali u, f'konformità mar-rwol tal-vittmi fis-sistemi tal-ġustizzja relevanti, ir-rappreżentanza legali għandha tingħata mingħajr ħlas għall-inqas meta l-vittma ma għandhiex riżorsi finanzjarji suffiċjenti b'mod konsistenti mal-proċeduri interni tal-Istati Membri.

(33)

L-Istati Membri għandhom iwettqu azzjoni għall-prevenzjoni u l-projbizzjoni ta’ atti relatati mal-promozzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u t-turiżmu tas-sess mat-tfal. Jistgħu jiġu kkunsidrati miżuri differenti ta’ prevenzjoni bħat-tfassil u r-rinfurzar ta’ kodiċi ta’ kondotta u mekkaniżmi awtoregolatorji fl-industrija tat-turiżmu, l-istabbiliment ta’ kodiċi ta’ etika jew “tabelli ta’ kwalità” għal organizzazzjonijiet tat-turisti li jiġġieldu t-turiżmu tas-sess mat-tfal, jew l-istabbiliment ta’ politika espliċita li tittratta t-turiżmu tas-sess.

(34)

L-Istati Membri għandhom jistabblixxu u/jew isaħħu il-linji politiċi biex jipprevjenu l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal inklużi miżuri biex jiskoraġġixxu u jnaqqsu t-talba li twassal għal kull forma ta’ sfruttament sesswali tat-tfal u miżuri biex jiġi ridott ir-riskju ta’ tfal li jaqgħu vittmi, permezz ta’ tagħrif u kampanji ta’ tqajjim tal-kuxjenza, u riċerka u programmi ta’ tagħlim. F'tali inizjattivi, l-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal. Għandha tingħata attenzjoni partikolari li jkun żgurat li l-kampanji ta’ tqajjim tal-kuxjenza mmirati lejn it-tfal ikunu xierqa u faċli biżżejjed li jinftiehmu. It-twaqqif ta’ helplines jew hotlines għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni.

(35)

Fir-rigward tas-sistema tar-rappurtar tal-abbuż sesswali u tal-isfruttament sesswali tat-tfal u tal-assistenza lit-tfal fil-bżonn, għandhom jiġu promossi u għandha titqies l-esperjenza rigward il-funzjonament tal-linji telefoniċi diretti tal-Unjoni taħt in-numri 116 000 għat-tfal li għebu, 116 006 għall-vittmi ta’ reat u 116 111 għat-tfal, kif introdotti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/116/KE tal-15 ta’ Frar 2007 dwar l-irriservar tal-firxa nazzjonali ta’ numri li jibdew b'116 għal numri armonizzati ta’ servizzi armonizzati ta’ valur soċjali (11).

(36)

Il-professjonisti li x'aktarx jiġu f'kuntatt ma’ tfal vittmi tal-isfruttament sesswali u tal-isfruttament sesswali għandhom ikunu mħarrġin b'mod xieraq sabiex jidentifikaw tali vittmi u jittrattaw magħhom. L-obbligu tat-taħriġ għandu jiġi promoss għall-membri tal-kategoriji li ġejjin meta aktarx li dawn jiġu f'kuntatt mal-vittmi li jkunu tfal: uffiċjali tal-pulizija, prosekuturi pubbliċi, avukati, membri tal-ġudikatura u uffiċjali tal-qorti, persunal tal-kura tat-tfal u tas-saħħa, imma jistgħu jinvolvu wkoll gruppi oħrajn ta’ persuni li fix-xogħol tagħhom aktarx jiltaqgħu ma’ tfal vittmi tal-abbuż sesswali u tal-isfruttament sesswali.

(37)

Sabiex jiġu impediti l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, għandhom jiġu proposti lilhom, programmi jew miżuri ta’ intervent li jimmiraw għat-trasgressuri tas-sess. Dawk il-programmi jew miżuri ta’ intervent għandhom jilħqu approċċ wiesa' u flessibbli, filwaqt li jiffokaw fuq l-aspetti mediċi u psikosoċjali u jkunu ta’ natura mhux obbligatorja. Dawk il-programmi jew il-miżuri ta’ intervent huma mingħajr preġudizzju għal programmi jew miżuri ta’ intervent imposti mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

(38)

Il-programmi jew miżuri ta’ intervent mhumiex mogħtija bħala dritt awtomatiku. Huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu liema programmi jew miżuri ta’ intervent huma adatti.

(39)

Biex jiġi impedit u jiġi minimizzat ir-reċidiviżmu, it-trasgressuri għandhom ikunu soġġetti għal stima tal-perikolu kkaġunat mit-trasgressuri u tar-riskji possibbli ta’ repetizzjoni tar-reati sesswali kontra t-tfal. L-arranġamenti għal tali stima, bħat-tip ta’ awtorità kompetenti li tordna u tagħmel l-istima jew il-mument matul jew wara l-proċedimenti kriminali meta dik l-istima għandha sseħħ kif ukoll l-arranġamenti għal programmi jew miżuri effettivi ta’ intervent offruti wara dik l-istima, għandhom ikunu konsistenti mal-proċeduri interni tal-Istati Membri. Għall-istess objettiv li jiġi impedit u minimizzat ir-reċidiviżmu, it-trasgressuri għandu wkoll ikollhom aċċess għal programmi jew miżuri effettivi ta’ intervent fuq bażi volontarja. Dawn il-programmi jew il-miżuri ta’ intervent m'għandhomx jinterferixxu ma’ skemi nazzjonali stabbiliti biex jiġi indirizzat it-trattament ta’ persuni li jsofru minn diżabbiltà mentali.

(40)

Fejn ikun meħtieġ minħabba l-perikolu kkawżat mit-trasgressuri u r-riskji possibbli ta’ repetizzjoni, it-trasgressuri kkundannati għandhom temporanjament jew permanentement jiġu impediti milli jwettqu mill-inqas attivitajiet professjonali li jinvolvu kuntatt dirett u regolari mat-tfal. Il-persuni li jħaddmu huma intitolati jkunu informati, meta jirreklutaw għal post li jinvolvi kuntatti regolari dirett u regolari mat-tfal, dwar kundanni eżistenti għal reati sesswali kontra t-tfal imdaħħla fir-rekord kriminali, jew dwar skwalifiki eżistenti. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “impjegati” għandu jkopri wkoll persuni li jkunu qed jiġġestixxu organizzazzjonijiet li jkunu attivi fix-xogħol volontier marbut mas-superviżjoni u/jew il-kura tat-tfal li tkun tinvolvi kuntatt dirett u regolari mat-tfal. Il-mod kif titwassal l-informazzjoni, bħal pereżempju l-aċċess permezz tal-persuna kkonċernatau l-kontenut eżatt tal-informazzjoni, it-tifsira tal-attivitajiet volontarji organizzati u l-kuntatt dirett u regolari mat-tfal għandhom ikunu stabbiliti skont il-liġi nazzjonali.

(41)

Fir-rispett dovut lit-tradizzjonijiet ġuridiċi differenti tal-Istati Membri, din id-Direttiva tieħu kont tal-fatt li l-aċċess għall-fedina penali huwa permess biss mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-persuna konċernata. Din id-Direttiva ma tistabbilixxix obbligu għall-modifika tas-sistemi nazzjonali li jirregolaw il-fedini penali jew il-mezz ta’ aċċess ta’ dawn il-fedini.

(42)

L-objettiv ta’ din id-Direttiva mhuwiex li jkunu armonizzati r-regoli li jikkonċernaw il-kunsens tal-persuna kkonċernata meta jkun hemm skambju ta’ informazzjoni mir-reġistri kriminali, jiġifieri jekk ikunx rikjest tali kunsens jew le. Irrispettivament minn jekk tali kunsens ikunx rikjest jew le skont il-liġi nazzjonali, din id-Direttiva ma tistabbilixxix obbligi ġodda għal tibbdil fil-liġi nazzjonali u fil-proċeduri nazzjonali f'dan is-sens.

(43)

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jadottaw miżuri amministrattivi addizzjonali b'rabta mat-trasgressuri, bħal pereżempju r-reġistrazzjoni, f'reġistri ta’ trasgressuri sesswali, ta’ persuni kkundannati għal reati msemmija f'din id-Direttiva. L-aċċess għal dawn ir-reġistri għandu jkun soġġett għal limitazzjoni skont il-prinċipji kostituzzjonali nazzjonali u l-istandards applikabbli tal-protezzjoni tad-dejta, pereżempju bil-limitazzjoni tal-aċċess għall-ġudikatura u/jew awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi.

(44)

L-Istati Membri huma inkoraġġiti joħolqu mekkaniżmi għall-ġbir tad-dejta jew punti fokali, f'livelli nazzjonali jew lokali u f'kollaborazzjoni mas-soċjetà ċivili, għall-fini tal-osservazzjoni u stima tal-fenomenu tal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal. Biex tkun tista' tevalwa adegwatement ir-riżultati tal-azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, l-Unjoni għandha tkompli tiżviluppa l-ħidma tagħha fir-rigward tal-metodoloġiji u tal-metodi tal-ġbir ta’ dejta sabiex tiġi prodotta statistika komparabbli.

(45)

L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa biex jistabbilixxu servizzi ta’ informazzjoni biex jagħtu informazzjoni dwar kif jiġu rikonoxxuti s-sinjali ta’ abbuż sesswali u ta’ sfruttament sesswali.

(46)

Il-pedopornografija, li tikkostitwixxi immaġini ta’ abbuż sesswali tat-tfal, hija tip ta’ kontenut speċifiku li ma jistax jiġi interpretat bħala l-espressjoni ta’ opinjoni. Biex tiġi miġġielda, jinħtieġ li tonqos iċ-ċirkolazzjoni ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal billi jsir aktar diffiċli li t-trasgressuri jtellgħu tali kontenut fuq l-Internet aċċessibbli pubblikament. Għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni biex jitneħħa l-kontenut u jinqabdu dawk ħatja tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u t-tniżżil ta’ immaġini ta’ abbuż sesswali tat-tfal. Bil-għan li jkunu appoġġati l-isforzi tal-Unjoni fit-taqbida kontra l-pedopornografija, l-Istati Membri għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jikkoperaw ma’ pajjiżi terzi sabiex jiżguraw it-tneħħija ta’ tali kontenut mis-servers fit-territorju tagħhom.

(47)

Madanakollu, minkejja dawn l-isforzi, it-tneħħija ta’ kontenut pedopornografiku mis-sors tiegħu spiss ma tkunx possibbli fejn il-materjali oriġinali ma jkunux allokati fl-Unjoni, jew għaliex l-Istat fejn ikunu ospitati s-servers ma jkunx lest jikkoopera jew għaliex it-tneħħija tal-materjal mill-Istat ikkonċernat tkun proċess partikolarment twil. Għalhekk jistgħu jiġu stabbiliti wkoll mekkaniżmi għall-imblukkar ta’ aċċess mit-territorju tal-Unjoni għal paġni tal-Internet li jkun fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija. Il-miżuri meħudin mill-Istati Membri skont din id-Direttiva sabiex jeliminaw jew, fejn ikun xieraq, jimblukkaw il-websites li jkun fihom pedopornografija jistgħu jkunu msejsin fuq varji tipi ta’ azzjoni pubblika, bħal dik leġislattiva, non-leġislattiva, ġudizzjarja jew xort'oħra. F'dak il-kuntest, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-azzjoni volontarja meħuda mill-industrija tal-Internet li tipprevjeni l-użu ħażin tas-servizzi tagħha, jew għal kull appoġġ għal tali azzjoni mill-Istati Membri. Irrispettivament mill-bażi għall-azzjoni jew il-metodu magħżulin, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun jagħti livell adegwat ta’ ċertezza legali u prevedibbiltà għall-utenti u fornituri tas-servizz. Kemm bil-ħsieb li jitneħħa kif ukoll biex jiġi mblukkat il-kontenut tal-abbuż tat-tfal, għandha tiġi stabbilita u msaħħa kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari fl-interess li jiġi żgurat li listi nazzjonali ta’ websites li jkollhom fihom materjal ta’ pedopornografija jkunu kemm jista' jkun kompleti u jiġi evitat xogħol doppju. Kwalunkwe tali żviluppi jeħtieġ jieħdu kont tad-drittijiet tal-utenti finali, iżommu mal-proċeduri legali u ġudizzjarji eżistenti u jikkonformaw mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Programm Għal Internet Aktar Sikur waqqaf netwerk ta’ hotlines li għandhom l-għan li jiġbru informazzjoni u jiżguraw kopertura u skambju ta’ rapporti dwar it-tipi ewlenin ta’ kontenut illegali online.

(48)

Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/68/ĠAI. Ladarba l-emendi li jridu jsiru huma ta’ numru u ta’ natura sostanzjali, id-Deċiżjoni Qafas għandha, fl-interess taċ-ċarezza, tiġi sostitwita fl-intier tagħha fir-rigward tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

(49)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(50)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, id-dritt għall-protezzjoni tad-dinjità umana, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew il-kastig inuman jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati kriminali u pieni. Din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għal dawk id-drittijiet u prinċipji u għandha tiġi implimentata kif meħtieġ.

(51)

F'konformità mal-Artikoli 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(52)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Tratttat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi rigward id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, il-pedopornografija u solleċitazzjoni tat-tfal għal finijiet sesswali. Hija wkoll tintroduċi dispożizzjonijiet komuni biex issaħħaħ il-prevenzjoni ta’ dawk ir-reati u l-protezzjoni tal-vittmi tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“tfal” tfisser kwalunkwe persuna taħt l-età ta’ 18-il sena;

(b)

“età ta’ kunsens sesswali” tfisser l-età li taħtha, skont il-liġi nazzjonali, hija pprojbita l-parteċipazzjoni f'attivitajiet sesswali mat-tfal;

(c)

“pedopornografija” tfisser

(i)

kwalunkwe materjal li viżwalment juri tfal li jkunu qed jieħdu sehem f'imġiba sesswalment espliċita, reali jew simulata;

(ii)

kwalunkwe rappreżentazzjoni tal-organi sesswali ta’ tfal għal finijiet primarjament sesswali;

(iii)

kwalunkwe materjal li viżwalment juri kwalunkwe persuna li tidher li hija tfal li tkun qed tieħu sehem f'imġiba sesswalment espliċita, reali jew simulata, jew kwalunkwe rappreżentazzjoni tal-organi sesswali ta’ kwalunkwe persuna li tidher tfal, għal finijiet primarjament sesswali; jew

(iv)

immaġini realistiċi ta’ tfal li jkunu qed jieħdu sehem f'imġiba sesswalment espliċita jew immaġini realistiċi tal-organi sesswali ta’ tfal, għal finijiet primarjament sesswali;

(d)

“prostituzzjoni tat-tfal” tfisser l-użu ta’ tfal għal attivitajiet sesswali fejn il-flus jew kwalunkwe forma oħra ta’ rimunerazzjoni jew konsiderazzjoni tingħata jew tiġi mwegħda bħala ħlas sabiex it-tfal jieħdu sehem f'attivitajiet sesswali, irrispettivament minn jekk dak il-ħlas, il-wegħda jew il-konsiderazzjoni ssirx lit-tfal jew lil parti terza;

(e)

“prestazzjoni pornografika” tfisser l-esibizzjoni diretta organizzata, immirata għal udjenza, anke permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ta':

(i)

ta' tfal li jkunu qed jieħdu sehem f'imġiba sesswalment espliċita, reali jew simulata; jew

(ii)

tal-organi sesswali ta’ tfal għal finijiet primarjament sesswali;

(f)

“persuna ġuridika” tfisser entità li jkollha personalità ġuridika skont il-liġi applikabbli, barra minn Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità Statali u għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Artikolu 3

Reati li jikkonċernaw abbuż sesswali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba intenzjonali msemmija fil-paragrafi 2 sa 6 tkun punibbli.

2.   L-imġiba li, għal finijiet sesswali, iġġiegħel lil tfal, li ma jkunux laħqu l-età ta’ kunsens sesswali, li jaraw attivitajiet sesswali, anki jekk dawn ma jiġux imġiegħla jipparteċipaw, għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas sena priġunerija.

3.   L-imġiba li, għal finijiet sesswali, iġġiegħel lil tfal li ma jkunux laħqu l-età ta’ kunsens sesswali li jaraw abbuż sesswali, anki jekk dawn ma jiġux imġiegħla jipparteċipaw, għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas sentejn priġunerija.

4.   Il-parteċipazzjoni f'attivitajiet sesswali ma’ tfal li ma jkunux laħqu l-età ta’ kunsens sesswali għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas ħames snin priġunerija.

5.   Il-parteċipazzjoni f'attivitajiet sesswali mat-tfal, fejn:

(i)

isir abbuż minn pożizzjoni rikonoxxuta ta’ fiduċja, awtorità jew influwenza fuq it-tfal għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas tmien snin priġunerija jekk it-tfal ikunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali u ta’ mill-inqas tliet snin priġunerija, jekk it-tfal ikunu qabżu dik l-età; jew

(ii)

isir abbuż minn sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tat-tfal, b’ mod partikolari minħabba diżabbiltà mentali jew fiżika jew sitwazzjoni ta’ dipendenza, għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas tmien snin priġunerija jekk it-tfal ikunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali, u ta’ mill-inqas tliet snin priġunerija jekk it-tfal ikunu qabżu dik l-età; jew

(iii)

isir użu minn ġegħil, forza jew theddid, għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas għaxar snin priġunerija jekk it-tfal ikunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali, u ta’ mill-inqas ħames snin priġunerija jekk it-tfal ikunu qabżu dik l-età.

6.   L-imġiba li b'ġegħil, forza jew theddid iddaħħal tfal f'attivitajiet sesswali ma’ parti terza għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas għaxar snin priġunerija jekk it-tfal ikunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali, u ta’ mill-inqas ħames snin priġunerija jekk it-tfal ikunu qabżu dik l-età.

Artikolu 4

Reati li jikkonċernaw sfruttament sesswali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba intenzjonali msemmija fil-paragrafi 2 sa 7 tkun punibbli.

2.   L-imġiba li twassal jew tirrekluta lil tfal biex jipparteċipaw f'wirjiet pornografiċi, jew li tagħmel qligħ minn jew li tisfrutta b'xi mod ieħor lil tfal għal dawn il-finijiet, għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas ħames snin priġunerija jekk it-tfal ikunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali, u ta’ mill-inqas sentejn priġunerija jekk it-tfal ikunu qabżu dik l-età.

3.   L-imġiba li ġġiegħel jew tisforza lil tfal biex jipparteċipaw f'wirjiet pornografiċi, jew li thedded lil tfal għal dawn il-finijiet, għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas tmien snin priġunerija jekk it-tfal ikunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali, u ta’ mill-inqas ħames snin priġunerija jekk it-tfal ikunu qabżu dik l-età.

4.   L-attendenza konxja għal wirjiet pornografiċi li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ tfal għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas sentejn priġunerija jekk it-tfal ikunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali, u ta’ mill-inqas sena priġunerija jekk it-tfal ikunu qabżu dik l-età.

5.   L-imġiba li twassal jew tirrekluta lil tfal biex jipparteċipaw fil-prostituzzjoni tat-tfal, jew li tagħmel qligħ minn jew li tisfrutta b'xi mod ieħor lil tfal għal dawn il-finijiet, għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas tmien snin priġunerija jekk it-tfal ikunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali, jew ta’ mill-inqas ħames snin priġunerija jekk it-tfal ikunu qabżu dik l-età.

6.   L-imġiba li ġġiegħel jew tisforza lil tfal fil-prostituzzjoni tat-tfal, jew li thedded lil tfal għal dawn il-finijiet, għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas għaxar snin priġunerija jekk it-tfal ikunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali u ta’ mill-inqas ħames snin priġunerija jekk it-tfal ikunu qabżu dik l-età.

7.   Il-parteċipazzjoni f'attivitajiet sesswali ma’ tfal, fejn isir rikors għall-prostituzzjoni tat-tfal għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas ħames snin priġunerija jekk it-tfal ikunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali u ta’ mill-inqas sentejn priġunerija jekk it-tfal ikunu qabżu dik l-età.

Artikolu 5

Reati li jikkonċernaw il-pedopornografija

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba intenzjonata msemmija fil-paragrafi 2 sa 6, meta titwettaq mingħajr dritt, tkun punibbli.

2.   L-akkwist jew il-pussess ta’ pedopornografija għandhom ikunu punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas sena priġunerija.

3.   L-akkwist konxju ta’ aċċess, permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, għall-pedopornografija għandu jkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas sena priġunerija.

4.   Id-distribuzzjoni, it-tixrid jew it-trasmissjoni ta’ pedopornografija għandhom ikunu punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas sentejn priġunerija.

5.   L-offerta, il-forniment jew l-imġiba li tagħmel disponibbli l-pedopornografija għandhom ikunu punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas sentejn priġunerija.

6.   Il-produzzjoni ta’ pedopornografija għandha tkun punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas tliet snin priġunerija.

7.   Għandu jkun fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk dan l-Artikolu japplikax għal każijiet li jinvolvu l-pedopornografija, kif imsemmi fl-Artikolu 2(c)(iii), fejn il-persuna li tidher li tkun tfal fil-fatt kellha 18-il sena jew aktar fil-mument tar-rappreżentazzjoni.

8.   Għandu jkun fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk il-paragrafi 2 u 6 ta’ dan l-Artikolu japplikawx għal każijiet fejn jiġi stabbilit li materjal pornografiku kif imsemmi fl-Artikolu 2(c)(iv) ikun magħmul u miżmum mill-produttur għall-użu privat tiegħu jew tagħha biss safejn l-ebda materjal pronografiku kif imsemmi fl-Artikolu 2(c)(i), (ii) jew (iii) ma jkun intuża għall-fini tal-produzzjoni tiegħu, u dment li l-att ma jkun jinvolvi l-ebda riskju li l-materjal jinxtered.

Artikolu 6

Solleċitazzjoni tat-tfal għal finijiet sesswali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tkun punibbli:

il-proposta, permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, minn adult biex jiltaqa' ma’ tfal li jkunu għadhom ma laħqux l-età ta’ kunsens sesswali, għall-fini li jitwettaq kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 5(6), fejn dik il-proposta tkun ġiet segwita minn atti materjali li jwasslu għal tali laqgħa, għandha tkun punibbli b'piena ta’ mill-inqas sena priġunerija.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li kull tentattiv permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, għall-kommissjoni tar-reati previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) minn adult li jissolleċita tfal li ma jkunux tal-età tal-kunsens li jagħtu pedopornografija li turi dawk it-tfal jkun punibbli.

Artikolu 7

Inċitament, għajnuna u faċilitazzjoni, u tentattiv

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-faċilitazzjoni biex jitwettaq kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 6 jkunu punibbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tentattiv biex jitwettaq kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikolu 3(4), (5) u (6), l-Artikolu 4(2), (3), (5), (6) u (7), u l-Artikolu 5(4), (5) u (6) jkun punibbli.

Artikolu 8

Attivitajiet sesswali kunsenswali

1.   Għandu jkun fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk l-Artikolu 3(2) u (4) japplikax għal attivitajiet sesswali kunsenswali bejn il-pari, li jkunu qrib fl-età u fil-livell ta’ żvilupp jew maturità psikoloġika u fiżika, safejn l-atti ma kinux jinvolvu abbuż.

2.   Għandu jkun fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk l-Artikolu 4(4) japplikax għal prestazzjoni ssir fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kunsenswali fejn it-tfal ikunu laħqu l-età ta’ kunsens sesswali jew bejn il-pari li jkunu qrib fl-età u fil-livell ta’ żvilupp jew maturità psikoloġika u fiżika, safejn l-atti ma jinvolvux xi abbuż jew sfruttament u l-ebda flus jew forom oħra ta’ rimunerazzjoni jew konsiderazzjoni ma jingħataw bħala ħlas għall-prestazzjoni pronografika.

3.   Għandu jkun fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk l-Artikolu 5(2) u (6) japplikawx għall-produzzjoni, l-akkwist jew il-pussess ta’ materjal li jinvolvi tfal li jkunu laħqu l-età ta’ kunsens sesswali fejn dak il-materjal ikun magħmul u miżmum bil-kunsens ta’ dawk it-tfal u jkun għall-użu privat biss tal-persuni involuti, safejn l-atti ma kinux jinvolvu abbuż.

Artikolu 9

Ċirkostanzi aggravanti

Safejn iċ-ċirkostanzi li ġejjin ma jiffurmawx diġà parti mill-elementi kostitwenti tar-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ċ-ċirkostanzi li ġejjin, f'konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ċirkostanzi aggravanti, fir-rigward tar-reati relevanti msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7:

(a)

ir-reat kien imwettaq kontra tfal f'qagħda partikolarment vulnerabbli, bħalma huma t-tfal b’ diżabbiltà mentali jew fiżika jew sitwazzjoni ta’ dipendenza jew stat ta’ inkapaċità fiżika jew mentali;

(b)

ir-reat kien imwettaq minn membru tal-familja tat-tfal, persuna li tkun tgħix mat-tfal jew persuna li tkun abbużat mill-pożizzjoni rikonoxxuta ta’ fiduċja jew awtorità tagħha;

(c)

ir-reat kien imwettaq minn diversi persuni li kienu qed jaġixxu flimkien;

(d)

ir-reat kien imwettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali fit-tifsira tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (12);

(e)

it-trasgressur ikun diġà kkundannat b'reati tal-istess natura;

(f)

it-trasgressur ikun deliberatament jew b'nuqqas ta’ ħsieb ipperikola l-ħajja tat-tfal; jew

(g)

ir-reat ikun involva vjolenza serja jew ikkaġuna ħsara serja għat-tfal.

Artikolu 10

Skwalifika li tirriżulta minn kundanni

1.   Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ repetizzjoni tar-reati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna fiżika li ġiet ikkundannata bi kwalunkwe mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7, tkun tista' tiġi temporanjament jew permanentement impedita milli twettaq mill-inqas attivitajiet professjonali li jinvolvu kuntatt dirett u regolari mat-tfal.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li min iħaddem, meta jkun qed jirrekluta persuna għal attivitajiet professjonali jew volontarji organizzati li jinvolvu kuntatti diretti u regolari mat-tfal, ikun intitolat li jitlob informazzjoni, f'konformità mal-liġi nazzjonali, permezz ta’ kwalunkwe mod xieraq, bħal pereżempju l-aċċess meta ssir talba għalih jew permezz tal-persuna kkonċernata, dwar l-eżistenza ta’ kundanni kriminali għal xi reat li hemm riferiment għalih fl-Artikoli 3 sa 7 mdaħħla fil-fedina penali, jew l-eżistenza ta’ kwalunkwe skwalifika għall-eżerċizzju tal-attivitajiet li jinvolvu kuntatti diretti u regolari mat-tfal ikkawżati minn dawk il-kundanni kriminali.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li, għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, informazzjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ kundanni kriminali għal xi wieħed mir-reati li hemm riferiment għalih fl-Artikoli 3 sa 7, jew ta’ xi skwalifika għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jinvolvu kuntatti diretti u regolari mat-tfal derivanti minn dawk il-kundanni kriminali, tkun trażmessa f'konformità mal-proċeduri ddelineati fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (13) meta rikjest skont it-termini tal-Artikolu 6 ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas bil-kunsens tal-persuna kkonċernata.

Artikolu 11

Qbid u konfiska

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu intitolati li jaqbdu u jikkonfiskaw l-istrumenti u r-rikavat mir-reati msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5.

Artikolu 12

Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7 li jkun twettaq għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi waħedha jew bħala parti minn korp tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fil-persuna ġuridika, abbażi ta':

(a)

setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika; jew

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli fejn in-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 tkun għamlet possibbli t-twettiq, minn persuna taħt l-awtorità tagħha, ta’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika.

3.   Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridici taħt il-paragrafi 1 u 2 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti kriminali kontra l-persuni fiżiċi li jkunu kkommettew, inċitaw ir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7 jew li jkunu kompliċi fihom.

Artikolu 13

Sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tinżamm responsabbli skont l-Artikolu 12(1) tkun punibbli permezz ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a)

esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

(b)

skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali;

(c)

tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;

(d)

stralċ ġudizzjarju; jew

(e)

għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li setgħu ntużaw biex ikun kommess ir-reat.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tinżamm responsabbli skont l-Artikolu 12(2) tkun punibbli permezz ta’ sanzjonijiet jew miżuri li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 14

Nonprosekuzzjoni jew nonapplikazzjoni fir-rigward ta’ pieni għall-vittma

L-Istati Membri, f'konformità mal-prinċipji bażiċi tas-sistemi legali tagħhom, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu intitolati li ma jipproċedux jew jimponu sanzjonijiet kontra t-tfal vittmi tal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali għall-involviment tagħhom f'attivitajiet kriminali li ġew sfurzati jwettqu bħala konsegwenza diretta tal-fatt li jkunu suġġetti għal xi wieħed mill-atti li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 4(2), (3), (5) u (6), u fl-Artikolu 5(6).

Artikolu 15

Investigazzjoni u prosekuzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7 ma jkunux jiddependu minn rapport jew akkuża mill-vittma jew mir-rappreżentant tagħha, u li l-proċedimenti kriminali jistgħu jitkomplew anke jekk dik il-persuna tkun irtirat id-dikjarazzjonijiet tagħha.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikolu 3, l-Artikolu 4(2), (3), (5), (6) u (7) u ta’ kull reat gravi msemmi fl-Artikolu 5(6) meta tkun intużat il-pedopornografija msemmija fl-Artikolu 2(c)(i) u (ii), għal żmien suffiċjenti wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġuri u li hu proporzjonat mal-gravità tar-reat ikkonċernat.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għodod investigattivi, bħal dawk li jintużaw f'każijiet ta’ kriminalità organizzata jew ta’ kriminalità serja oħra, ikunu disponibbli għall-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu lill-unitajiet jew lis-servizzi investigattivi jippruvaw jidentifikaw il-vittmi tar-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7, b'mod partikolari billi janalizzaw materjal tal-pedopornografija, bħal ritratti u reġistrazzjonijiet awdjoviżivi trasmessi jew magħmulin disponibbli permezz ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Artikolu 16

Rappurtar ta’ suspett ta’ abbuż sesswali jew sfruttament sesswali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-regoli ta’ kunfidenzjalità imposti mil-liġi nazzjonali fuq ċerti professjonisti li għandhom il-kompitu prinċipali li jaħdmu mat-tfal, ma jkunux ta’ ostakolu għall-possibblità, għal dawk il-professjonisti, milli jirrapportaw lis-servizzi responsabbli għall-protezzjoni tat-tfal kwalunkwe sitwazzjoni fejn ikollhom raġunijiet suffiċjenti biex jemmnu li tfal ikunu vittmi ta’ reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu lil kwalunkwe persuna li tkun taf jew tissuspetta, b'rieda tajba, li kwalunkwe reat msemmi fl-Artikoli 3 sa 7 ġie kommess, biex tirrapporta dan lis-servizzi kompetenti.

Artikolu 17

Ġurisdizzjoni u koordinazzjoni ta’ prosekuzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom fuq ir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7 fejn:

(a)

ir-reat ikun twettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tagħhom; jew

(b)

it-trasgressur ikun wieħed miċ-ċittadini tagħhom.

2.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni fejn huwa jiddeċiedi li jistabbilixxi ġurisdizzjoni ulterjuri fuq reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7 li jkun twettaq barra t-territorju tiegħu, inter alia fejn:

(a)

ir-reat jitwettaq kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew kontra persuna li għandha r-residenza abitwali fit-territorju tiegħu;

(b)

ir-reat jitwettaq għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu; jew

(c)

it-trasgressur għandu r-residenza abitwali fit-territorju tiegħu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraz li l-ġurisdizzjoni tagħhom tinkludi sitwazzjonijiet fejn reat imsemmi fl-Artikoli 5 u 6, u safejn ikun relevanti, fl-Artikoli 3 u 7, jitwettaq permezz ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni aċċessata mit-territorju tagħhom, kemm jekk din tinsab fuq it-territorju tagħhom, kif ukoll jekk le.

4.   Għall-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe mir-reati msemmijin fl-Artikolu 3(4), (5) u (6), l-Artikolu 4(2), (3), (5), (6) u (7), u l-Artikolu 5(6) meta jkunu twettqu barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, fir-rigward tal-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-ġuriżdizzjoni tiegħu ma tkunx subordinata għall-kondizzjoni li l-atti jkunu reat kriminali fil-post fejn ikunu saru.

5.   Għall-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe mir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7 meta jkunu twettqu barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, fir-rigward tal-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-ġuriżdizzjoni tiegħu ma tkunx subordinata għall-kondizzjoni li l-prosekuzzjoni tista' tinbeda biss wara rapport li jkun sar mill-vittma fil-post fejn ikun sar ir-reat, jew denunzja mill-Istat tal-post fejn ikun sar ir-reat.

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar assistenza, appoġġ u miżuri ta’ protezzjoni għal tfal vittmi

1.   Tfal vittmi ta’ reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7 għandhom jingħataw assistenza, appoġġ u protezzjoni f'konformità mal-Artikoli 19 u 20, b'kont meħud tal-aħjar interessi tat-tfal.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tfal li jkunu vittmi jingħataw għajnuna, appoġġ hekk kif l-awtoritajiet kompetenti jkollhom bażi raġonevoli, indikazzjoni ta’ bażi raġonevoli sabiex jemmnu li t-tfal setgħu kienu ġew soġġetti għal xi reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-età ta’ persuna soġġetta għal kwalunkwe mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ma tkunx ċerta u jkun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-persuna hija tifel jew tifla, għandu jkun preżunt li dik il-persuna hija tifel jew tifla sabiex huwa/hija jirċievi/tirċievi aċċess immedjat għall-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni f'konformità mal-Artikoli 19 u 20.

Artikolu 19

Assistenza u appoġġ għall-vittmi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-vittmi jingħataw assistenza u appoġġ, qabel, matul u għal perijodu ta’ żmien adatt wara l-konklużjoni ta’ proċedimenti kriminali sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif stipulati fid-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/ĠAI, u f'din id-Direttiva. B'mod aktar partikolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw il-protezzjoni tat-tfal li jirrappurtaw każijiet ta’ abbuż li qed iseħħu fl-ambjent familjari tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għajnuna u l-appoġġ lill-vittma ma jingħatawx bil-kundizzjoni li l-vittma minorenni turi rieda li tikkopera fl-investigazzjoni kriminali, fil-proċeduri jew fil-proċess.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jittieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jassistu u jappoġġaw it-tfal vittmi biex igawdu d-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva, wara li tkun saret stima individwali taċ-ċirkostanzi speċjali ta’ kull vittma partikolari, u jittieħed kont tal-fehmiet, il-ħtiġijiet u l-interessi tat-tfal.

4.   Tfal vittmi ta’ kwalunkwe reat msemmi fl-Artikoli 3 sa 7 għandhom jitqiesu bħala partikolarment vulnerabbli skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/ĠAI.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri, fejn adatt u possibbli, biex jipprovdu assistenza u appoġġ lill-familja tat-tfal vittmi sabiex jibbenefikaw mid-drittijiet taħt din id-Direttiva meta l-familja tkun fit-territorju tal-Istat Membru. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom, fejn adatt u possibbli, japplikaw l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/ĠAI għall-familja tat-tfal vittmi.

Artikolu 20

Protezzjoni ta’ tfal vittmi f'investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fl-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali, skont ir-rwol tal-vittmi fis-sistema relevanti tal-ġustizzja, l-awtoritajiet kompetenti jaħtru rappreżentant speċjali għat-tfal vittmi fejn, taħt il-liġi nazzjonali, id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkunu preklużi milli jirrappreżentaw lit-tfal bħala riżultat ta’ konflitt ta’ interess bejnhom u t-tfal vittmi, jew fejn it-tfal ma jkunux akkumpanjati jew ikunu separati mill-familja.

2.   L-Istati Membri għandhomjiżguraw li t-tfal vittmi jkollhom aċċess, mingħajr dewmien, għal konsulenza legali, u skont ir-rwol tal-vittmi fis-sistema relevanti tal-ġustizzja, għal rappreżentanza legali, anke għall-fini li jitolbu kumpens. Il-konsulenza legali u r-rappreżentanza legali għandhom ikunu mingħajr ħlas fejn il-vittma ma jkollhiex riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fl-investigazzjonijiet kriminali relatati ma’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7:

(a)

l-intervisti mat-tfal vittmi jsiru mingħajr dewmien mhux ġustifikat wara li l-fatti jkunu ġew irrapportati lill-awtoritajiet kompetenti;

(b)

l-intervisti mat-tfal vittmi jsiru, fejn meħtieġ, f'post imfassal jew adattat għal dan il-fini;

(c)

l-intervisti mat-tfal vittmi jitwettqu minn jew permezz ta’ professjonisti mħarrġa għal dak il-fini;

(d)

l-istess persuni, jekk possibbli u fejn adatt, imexxu l-intervisti kollha mat-tfal vittmi;

(e)

l-għadd ta’ intervisti jkun limitat kemm jista' jkun u l-intervisti jsiru biss fejn strettament meħtieġ għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali relevanti;

(f)

it-tfal vittmi jistgħu jkunu akkumpanjati mir-rappreżentant legali tagħhom jew, fejn adatt, minn adult tal-għażla tagħhom, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni raġunata kontra dik il-persuna.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, f'investigazzjonijiet kriminali ta’ kwalunkwe mir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7, l-intervisti kollha mat-tfal vittmi jew, fejn xieraq, ma’ xhieda tfal, ikunu jistgħu jiġu rreġistrati b'mod awdjoviżiv u li dawn ir-reġistrazzjonjiet awdjoviżivi tal-intervisti jkunu jistgħu jintużaw bħala evidenza fi proċedimenti tal-qorti kriminali, skont ir-regoli taħt il-liġi nazzjonali tagħhom.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fil-proċedimenti tal-qorti kriminali relatata ma’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7, ikun jista' jiġi ordnat li:

(a)

is-smigħ isir mingħajr il-preżenza tal-pubbliku;

(b)

it-tfal vittmi jkunu jistgħu jagħtu xhieda mingħajr ma jkunu preżenti fl-awla tal-qorti, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjoni adatta.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, fejn ikun fl-interess ta’ tfal vittmi u b'kont meħud ta’ interessi superjuri oħra, biex jipproteġu l-privatezza, l-identità u l-immaġni tat-tfal vittmi u jimpedixxu t-tixrid pubbliku ta’ kwalunkwe informazzjoni li tista' twassal għall-identifikazzjoni tagħhom.

Artikolu 21

Miżuri kontra r-reklamar ta’ opportunitajiet ta’ abbuż u ta’ turiżmu tas-sess mat-tfal

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ta’ prevenzjoni jew projbizzjoni:

(a)

it-tixrid ta’ materjal li jirreklama l-opportunità għat-twettiq ta’ kwalunkwe mir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 6; u

(b)

l-organizzazzjoni ta’ arranġamenti oħra, kemm jekk ikunu għal finijiet kummerċjali jew le, ta’ vjaġġar bil-fini li jitwettaq kwalunkwe mir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 5.

Artikolu 22

Programmi jew miżuri ta’ intervent preventiv

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni li jkollhom il-biża' li jistgħu jwettqu kwalunkwe wieħed mir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7, jista' jkollhom aċċess, fejn xieraq, għal programmi jew miżuri effettivi ta’ intervent, imfassla għall-istima u l-prevenzjoni tar-riskju li jitwettqu dawn ir-reati.

Artikolu 23

Prevenzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, biex jiskoraġġixxu u jnaqqsu d-domanda li tħeġġeġ il-forom kollha ta’ sfruttament sesswali tat-tfal.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjoni xierqa, inkluż permezz tal-Internet, bħalma huma kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni, programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, fejn xieraq f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet relevanti tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħrajn, immirati biex iqajmu kuxjenza u jnaqqsu r-riskju ta’ tfal li jsiru vittmi ta’ abbuż sesswali jew tal-isfruttament sesswali.

3.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu taħriġ regolari għall-uffiċjali li x'aktarx ikunu f'kuntatt mat-tfal vittmi ta’ abbuż sesswali jew tal-isfruttament sesswali, inklużi pulizija li jaħdmu f'dan il-qasam, bil-għan li jkunu jistgħu jidentifikaw u jittrattaw tfal vittmi u tfal vittmi potenzjali ta’ abbuż sesswali jew tal-isfruttament sesswali.

Artikolu 24

Programmi jew miżuri ta’ intervent fuq bażi volontarja matul jew wara proċedimenti kriminali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-programmi jew miżuri ta’ intervent imposti mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkunu disponibbli programmi jew miżuri effettivi ta’ intervent biex jimpedixxu u jimminimizzawi r-riskji ta’ reati ripetuti ta’ natura sesswali kontra t-tfal. Tali programmi jew miżuri għandhom ikunu aċċessibbli fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti kriminali, kemm ġewwa u kif ukoll barra mill-ħabs, skont il-liġi nazzjonali.

2.   Il-programmi jew il-miżuri ta’ intervent imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-iżvilupp tat-tfal li jwettqu reat sesswali.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin ikun jista' jkollhom aċċess għall-programmi jew il-miżuri ta’ intervent imsemmijin fil-paragrafu 1:

(a)

persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali għal kwalunkwe mir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7 taħt kondizzjonijiet li ma jkunux la għad-detriment u lanqas imorru kontra d-drittijiet tad-difiża jew għar-rekwiżiti ta’ smigħ ġust u imparzjali, u b'mod partikolari b’ konformita' mal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza; u

(b)

persuni kkundannati għal kwalunkwe reat msemmi fl-Artikoli 3 sa 7.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni msemmijin fil-paragrafu 3 jkunu soġġetti għal stima tal-perikolu li jippreżentaw u tar-riskji possibbli ta’ repetizzjoni ta’ kwalunkwe mir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7, bil-għan li jiġu identifikati programmi jew miżuri adatti ta’ intervent.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni msemmijin fil-paragrafu 3 li għalihom ġew proposti l-programmi jew il-miżuri ta’ intervent f'konformità mal-paragrafu 4:

(a)

ikunu kompletament informati bir-raġunijiet għall-proposta;

(b)

jagħtu l-kunsens tagħhom biex jipparteċipaw fil-programmi jew il-miżuri bl-għarfien sħiħ tal-fatti;

(c)

jistgħu jirrifjutaw u, fil-każ ta’ persuni kkundannati, ikunu mgħarrfa bil-konsegwenzi possibbli ta’ tali rifjut.

Artikolu 25

Miżuri kontra siti elettroniċi li jkollhom fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw it-tneħħija ta’ paġni web li jkun fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija, ospitati fit-territorju tagħhom u għandhom jimpenjaw ruħhom biex ineħħu tali paġni ospitati barra t-territorju tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jimblukkaw l-aċċess għal paġni web li jkun fihom jew ixerrdu pedopornografija lejn utenti tal-Internet fit-territorju tagħhom. Dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ proċeduri trasparenti u għandhom jagħtu salvagwardji adegwati, b'mod partikolari biex jiżguraw li r-restrizzjoni tkun limitata għal dak li hu neċessarju u proporzjonat, u li l-utenti jkunu infurmati bir-raġuni għal tali restrizzjoni. Dawn is-salvagwardji għandhom jinkludu wkoll il-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju.

Artikolu 26

Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/68/ĠAI

Id-Deċiżjoni Kwadru 2004/68/ĠAI hija b'dan sostitwita relattivament għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali.

Relattivament għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Kwadru 2004/68/ĠAI għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 27

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-18 ta’ Diċembru 2013.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Direttiva.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 28

Rappurtar

1.   Il-Kummissjoni għandha, sat-18 ta’ Diċembru 2015, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-punt safejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, flimkien, jekk meħtieġ, ma’ proposta leġislattiva.

2.   Sat-18 ta’ Diċembru 2015 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 25.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 30

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

M. SZPUNAR


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 138.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Ottubru 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2011

(3)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(4)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(5)  ĠU L 13, 20.1.2004, p. 44, Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap. 19, Vol. 07, p. 10.

(6)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1, Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap. 19, Vol. 04, p. 72.

(7)  ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42.

(8)  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(9)  ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1, Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap. 19, Vol. 04, p. 158.

(10)  ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 223.

(11)  ĠU L 338M, 17.12.2008, p. 913.

(12)  ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

(13)  ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23.


Top