Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008R0771-20160615

Regolament tal - Kummissjoni (KE) Nru 771/2008 ta’ l- 1 ta’ Awwissu 2008 li jistipula r-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/771/2016-06-15

2008R0771 — MT — 15.06.2016 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 771/2008

ta’ l-1 ta’ Awwissu 2008

li jistipula r-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 206 2.8.2008, p. 5)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/823 tal-25 ta' Mejju 2016

  L 137

4

26.5.2016




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 771/2008

ta’ l-1 ta’ Awwissu 2008

li jistipula r-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

Organizzazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell



Taqsima 1

Il-Bord ta’ l-Appell

Artikolu 1

Kompożizzjoni

1.  Kull appell għandu jiġi deċiż minn tliet membri tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Aġenzija, minn issa ‘l quddiem “il-Bord ta’ l-Appell”.

Mill-inqas membru wieħed għandu jkun ikkwalifikat legalment u mill-inqas membru wieħed għandu jkun ikkwalifikat teknikament skond ir-Regolament (KE) Nru 1238/2007.

2.  Il-President tal-Bord ta’ l-Appell, minn issa ’l quddiem “il-President”, jew wieħed mis-sostituti tiegħu, għandu jippresjiedi l-appelli kollha.

3.  Il-President għandu jiżgura l-kwalità u l-konsistenza tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell.

▼M1

4.  Sabiex jiġi żgurat li l-appelli jkunu jistgħu jiġu proċessati b'rata sodisfaċenti, il-President, wara konsultazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija, jista' jalloka l-appell lil membri addizzjonali jew supplenti.” F'każijiet bħal dawn, il-President jista' jaħtar President supplenti.

Artikolu 1a

Qbil amikevoli

Fl-interess tal-proċedura, il-President tal-Bord tal-Appell jista' jistieden lill-partijiet jilħqu qbil amikevoli. F'dak il-każ, il-President għandu jaħtar membru wieħed biex jiffaċilita l-qbil amikevoli. Il-President għandu jikkomunika d-deċiżjoni li jaħtar membru uniku lill-partijiet.

Jekk il-partijiet jilħqu qbil amikevoli, il-membru uniku għandu jagħlaq il-proċedimenti u s-sommarju tal-qbil amikevoli għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Aġenzija. Fin-nuqqas ta' qbil amikevoli fi żmien xahrejn mid-deċiżjoni li tiġi allokata l-kawża lil membru uniku, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Bord tal-Appell.

Artikolu 1b

Irtirar ta' appell

Meta appell jiġi rtirat, il-President għandu jagħlaq il-proċedimenti.

▼B

Artikolu 2

Esklużjonità tal- membri

Meta l-proċedura bl-Artikolu 90(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tiġi applikata, il-membru kkonċernat tal-Bord ta’ l-Appell għandu jkun mistieden biex jippreżenta l-kummenti tiegħu fuq kull oġġezzjoni mqajma skond l-Artikolu 90(6) ta’ dak ir-Regolament qabel ma tittieħed deċiżjoni.

Sakemm tittieħed id-deċiżjoni skond l-Artikolu 90(7) ta’ dak ir-Regolament, il-proċedimenti għandhom ikunu sospiżi.

Artikolu 3

Sostituzzjoni tal-membri

1.  Il-Bord ta’ l-Appell għandu jibdel membru b’sostitut fejn dan jiddeċiedi li jeskludih mill-proċedimenti skond l-Artikolu 90(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

2.  Il-President jista’ jibdel xi membru tal-Bord ta’ l-Appell, fuq it-talba ta’ dak il-membru, b’sostitut f’każ ta’ leave, mard, impenji li ma jistgħux jiġu evitati ta’ dak il-membru jew meta, għal raġunijiet oħra, dak il-membru jiġi projbit milli jipparteċipa fil-proċedimenti. Il-kriterji għal għażla ta’ sostitut Il-Bord ta’ l-Appell jista’ jistabbilixxi, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 27(3).

Jekk membru ma jkunx jista’ jsib sostitut, il-President jista’ jieħu postu fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

Il-President jista’ jiċħad it-talba għal sostituzzjoni biss b’deċiżjoni motivata.

Jekk il-President ikun eskluż milli jipparteċipa fil-proċedimenti, hu għandu jinnomina lis-sostitiut tiegħu. Jekk il-President ma jkunx jista’, il-membru l-ieħor li jkun qed jiddeċiedi l-każ li għandu l-itwal servizz fuq il-Bord ta’ l-Appell, jew fejn dawk il-membri l-oħra għandhom l-istess tul ta’ ż-żmien ta’ servizz, l-aktar membru anzjan, għandu jinnomina s-sostitut.

3.  Jekk membru jiġi sostitwit qabel ma ssir is-seduta, il-proċedimenti m’għandhomx ikunu sospiżi u s-sostituzzjoni għandha tkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe pass proċedurali li diġa’ jkun ittieħed.

Jekk membru jiġi sostitwit wara seduta, is-seduta għandha terġa’ ssir sakemm il-partijiet, is-sostitut u ż-żewġ membri l-oħra li jkunu qed jiddeċiedu l-appell ma jiftiehmux mod ieħor.

4.  Jekk membru jiġi sostitwit, is-sostitut ikkonċernat għandu jkun marbut ma’ kull deċiżjoni interim li tittieħed qabel dik is-sostituzzjoni.

5.  In-nuqqas ta’ preżenza ta’ membru wara li l-Bord ta’ l-Appell ikun ħa deċiżjoni finali m’għandux iwaqqaf il-Bord ta’ l-Appell milli jwettaq il-passi proċedurali li jkun baqa’.

Jekk il-President ma jkunx jista’ jiffirma d-deċiżjoni jew iwettaq il-passi proċedurali oħra li jkun baqa’, il-membru l-ieħor b’servizz itwal li jkun qed jisma’ l-każ fuq il-Bord ta’ l-Appell, jew fejn il-membri l-oħra għandhom l-istess tul taż-żmien ta’ servizz, l-aktar membru anzjan, għandu jwettaq dawn il-passi f’isem il-President.

Artikolu 4

Ir-Rapporteur

1.  Il-President għandu jinnomina wieħed mill-membri l-oħrajn li jkunu qed jiddeċiedu dwar l-Appell bħala rapporteur għall-każ jew jissodisfa dik il-funzjoni huwa stess, billi jikkunsidra l-bżonn li tkun żgurata distribuzzjoni bilanċjata tax-xogħol bejn il-membri kollha.

2.  Ir-rapporteur għandu jwettaq studju preliminari dwar l-appell.

3.  Il-Bord ta’ l-Appell jista’, fuq proposta mir-rapporteur, jistabbilixxi kull miżura ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 15.

L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri tista’ tiġi fdata lir-rapporteur.

4.  Ir-rapporteur għandu jipprepara abbozz ta’ deċiżjoni.



Taqsima 2

Ir-Reġistru

Artikolu 5

Ir-Reġistru u r-Reġistratur

1.  Ir-Reġistru qiegħed b’dan jiġi stabbilit fl-Aġenzija taħt l-awspiċji tal-Bord ta’ l-Appell. Il-persuna maħtura bħala Reġistratur skond il-paragrafu 5 għandha tkun il-kap tar-Reġistru.

2.  Ix-xogħol tar-Reġistru għandu jkun ir-riċevuta, it-trażmissjoni u l-kustodja tad-dokumenti, u dak li jaffetwa servizzi oħrajn kif stabbilit b’dan ir-Regolament.

3.  Ir-Reġistru ta’ appelli għandu jinżamm fir-Reġistru fejn hemm ir-referenzi għas-avviżi kollha tal-appell u dokumenti rrelatati.

▼M1

4.  Il-persunal tar-Reġistru, inkluż ir-Reġistratur, ma għandu jipparteċipa f'ebda proċediment tal-Aġenzija marbut ma' deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta' appelli skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew skont l-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

5.  Il-Bord tal-Appell għandu jkun assistit fl-eżerċizzju ta' dmirijietu minn Reġistratur, li għandu jinħatar mill-President.

Il-President għandu jkollu setgħat maniġerjali u organizattivi biex jagħti struzzjonijiet lir-Reġistratur dwar kwistjonijiet marbuta mal-funzjonijiet tal-Bord tal-Appell.

▼B

6.  Ir-Reġistratur għandu jivverifika li jitħarsu l-limiti taż-żmien u kondizzjonijiet formali oħra dwar il-preżentazzjoni ta’ l-appelli.

7.  L-istruzzjonijiet ġenerali għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 27(3).



KAPITOLU II

IL-Proċedura

Artikolu 6

Avviż ta’ l-Appell

1.  L-avviż ta’ l-appell irid jigbor fih:

(a) l-isem u l-indirizz ta’ l-appellant;

(b) fejn l-appellant ikun ħatar rappreżentant, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant;

(c) indirizz għan-notifikazzjoni, jekk differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-punti (a) u (b);

(d) ir-referenza tad-deċiżjoni li qed tiġi kkontestata u r-rimedju mitlub mill-appellant;

(e) it-talbiet legali miġjuba u l-argumenti ta’ fatti u liġi li ta’ min joqgħod fuqhom;

(f) fejn xieraq, in-natura ta’ kull evidenza offruta u dikjarazzjoni li tispjega l-fatti li għalihom l-evidenza hi offruta bħala appoġġ;

▼M1

(g) fejn xieraq, indikazzjoni dwar liema informazzjoni fl-avviż tal-appell għandha titqies bħala kunfidenzjali u għaliex;

▼B

(h) indikazzjoni jekk l-appellant jaqbilx li dik in notifikazzjoni ser taffetwa lilu jew, fejn xieraq, lir-rappreżentant tiegħu b’telefax, ittra elettronika jew mezzi tekniċi oħrajn ta’ komunikazzjoni.

▼M1

2.  Prova tal-ħlas tat-tariffa tal-appell skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 340/2008 jew, fejn applikabbli, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 564/2013 ( 5 ) għandha tinhemeż mal-avviż tal-appell.

▼B

3.  Jekk l-avviż ta’ l-appell ma jkunx konformi mal-ħtiġiet stabbiliti f’paragrafi 1 (a) sa (d) u paragrafu 2, ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-appellant għandu jkun konformi magħhom. Ir-Reġistratur jista’ jistabbilixxi perjodu ta’ żmien bħal dan darba biss.

▼M1

Matul dak il-perjodu, iż-żmien għall-finijiet tal-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 93(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa sospiż.

▼B

4.  Jekk tirriżulta irregolarità li tista’ tagħmel appell inammissibli, ir-Reġistratur għandu, jibgħat, mingħajr dewmien, opinjoni motivata lill-President.

Fejn ir-Reġistratur jistabbilixxi perjodu konformi mal-paragrafu 3, hu għandu jibgħat opinjoni bħal din wara li jiskadi dak il-perjodu taż-żmien-jekk l-irregolarità ma ġietx korretta

5.  Ir-Reġistratur għandu jipprovdi l-avviż ta’ l-appell dwar l-Aġenzija mingħajr dewmien.

▼M1

Meta l-appellant mhuwiex id-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Reġistratur għandu jinforma lil dan tal-aħħar dwar il-preżentazzjoni ta' appell kontra deċiżjoni bħal din.

▼B

6.  Għandu jiġi ppubblikat avviż fuq il-websajt ta’ l-Aġenzija, li jindika li d-data ta’ reġistrazzjoni ta’ appell li ser jibda l-proċedimenti, l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet, in-natura tas-suġġett tal-proċedimenti, ir-rimedju mitlub mill-appellant u rendikont tat-talbiet legali miġjuba u l-argumenti ta’ sostenn ewlenin.

▼M1

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-President għandu jiddeċiedi jekk l-informazzjoni indikata minn appellant skont il-paragrafu 1(g) għandhiex titqies bħala kunfidenzjali u għandu jiżgura li kull informazzjoni li titqies bħala kunfidenzjali ma tiġix ippubblikata fl-avviż. Id-dettalji prattiċi tal-pubblikazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 27(3).

▼B

Artikolu 7

Difiża

1.  L-aġenzija għandha tressaq id-difiża fi żmien xahrejn wara s-servizz ta’ l-avviż ta’ l-appell.

Il-President jista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, itawwal dak il-limitu ta’ żmien b’applikazzjoni motivata mill-Aġenzija.

2.  Id-difiża trid tigbor fiha:

(a) fejn l-Aġenzija tkun ħatret rappreżentant, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant;

(b) it-talbiet legali miġjuba u l-argumenti ta’ fatti u liġi li ta’ min joqgħod fuqhom;

(c) fejn xieraq, in-natura ta’ kull evidenza offruta u dikjarazzjoni li tispjega l-fatti li għalihom l-evidenza hi offruta bħala appoġġ;

▼M1

(d) fejn xieraq, indikazzjoni dwar liema informazzjoni fid-difiża għandha titqies bħala kunfidenzjali u għaliex;

▼B

(e) indikazzjoni jekk l-Aġenzija taqbilx li s-servizz għandu jiġi attivat fuqha jew, fejn xieraq, fuq ir-rappreżentant tagħha b’telefax, b’ittra elettronika jew mezzi tekniċi oħrajn ta’ komunikazzjoni.

3.  Fejn l-Aġenzija, għalkemm titħarrek kif suppost, tonqos li tressaq sottomissjonijiet bil-miktub bħala difiża, il-proċedimenti għandhom ikomplu mingħajr dawn is-sottomissjonijiet.

▼M1

Artikolu 8

Intervent

1.  Kull persuna li tistabbilixxi interess fir-riżultat tal-kawża ppreżentata lill-Bord tal-Appell tista' tintervjeni fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

B'deroga mill-ewwel paragrafu, f'każijiet relatati mat-Titolu VI tal-Kapitolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-Istat Membru li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun wettqet l-evalwazzjoni tas-sustanza jista' jintervjeni mingħajr ma jkollu għalfejn jistabbilixxi interess fir-riżultat ta' dik il-kawża.

2.  Applikazzjoni li tiddikkjara ċ-ċirkostanzi li jistabbilixxu d-dritt ta' intervent għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet ġimgħat mill-pubblikazzjoni tal-avviż imsemmi fl-Artikolu 6(6).

3.  L-intervent għandu jkun limitat biex jappoġġa jew jopponi, kompletament jew parzjalment, il-forma ta' rimedju mfittex minn waħda mill-partijiet.

L-intervent ma għandux jikkonferixxi l-istess drittijiet proċedurali bħal dawk kkonferiti fuq il-partijiet u għandu jkun anċillari għall-proċedimenti ewlenin. Huwa jitlef l-għan tiegħu jekk il-kawża titneħħa mir-reġistru tal-Bord tal-Appell bħala riżultat ta' diskontinwità jew irtirar mill-proċedimenti jew ta' qbil amikevoli bejn il-partijiet, jew fejn l-avviż tal-appell huwa ddikjarat inammissibbli.

L-intervenjenti għandhom jaċċettaw l-kawża fl-istat li tkun tinsab fiha fil-mument tal-intervent tagħhom.

4.  L-applikazzjoni għal intervent għandha tinkludi:

(a) id-deskrizzjoni tal-kawża;

(b) l-isem tal-partijiet;

(c) l-isem u l-indirizz tal-intervenjent;

(d) fejn l-intervenjent ikun ħatar rappreżentant skont l-Artikolu 9, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant;

(e) indirizz għan-notifikazzjoni, jekk differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-punti (c) u (d);

(f) ir-rimedju mfittex, minn parti waħda jew aktar, li b'sostenn għaliha l-intervenjent qiegħed japplika għal permess biex jintervjeni;

(g) dikjarazzjoni taċ-ċirkostanzi li jistabbilixxu d-dritt ta' intervent;

(h) indikazzjoni jekk l-intervenjent jaqbilx li dik in-notifikazzjoni għandha tiġi attivata fuqu jew, fejn xieraq, fuq ir-rappreżentant tiegħu b'telefax, e-Mail jew mezzi tekniċi oħrajn ta' komunikazzjoni.

L-applikazzjoni għal intervent għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet sabiex tinkiseb kwalunkwe osservazzjoni li huma jixtiequ jagħmlu dwar dik l-applikazzjoni qabel ma l-Bord tal-Appell jiddeċiedi dwarha.

5.  Fejn il-Bord tal-Appell jiddeċiedi li jippermetti l-intervent, l-intervenjent għandu jirċievi kopja ta' kull dokument proċedurali nnotifikat lill-partijiet pprovduta għal din il-fini lill-Bord tal-Appell mill-partijiet. Oġġetti jew dokumenti kunfidenzjali għandhom jiġu esklużi minn din il-komunikazzjoni.

6.  Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi jekk jippermettix l-applikazzjoni għall-intervent jew le.

Fejn il-Bord tal-Appell jippermetti l-intervent, il-President għandu jippreskrivi perjodu li fih l-intervenjent jista' jippreżenta dikjarazzjoni ta' intervent.

Id-dikjarazzjoni ta' intervent għandha tinkludi:

(a) dikjarazzjoni tar-rimedju rikjest mill-intervenjent favur jew kontra, kompletament jew parzjalment, il-forma ta' rimedju rikjest minn waħda mill-partijiet;

(b) it-talbiet legali miġjuba u l-argumenti ta' fatti u liġi li servew ta' bażi;

(c) fejn xieraq, in-natura ta' kwalunkwe evidenza favur imressqa;

(d) fejn xieraq, indikazzjoni dwar liema informazzjoni fl-applikazzjoni għandha titqies bħala kunfidenzjali u għaliex.

Wara l-preżentata tad-dikjarazzjoni ta' intervent, il-President għandu jippreskrivi terminu li fih il-partijiet jistgħu jirrispondu għal dik id-dikjarazzjoni.

7.  L-intervenjenti għandhom iħallsu l-ispejjeż tagħhom.

Artikolu 9

Rappreżentanza

Fejn parti jew intervenjent ikun ħatar rappreżentant, dak ir-rappreżentant għandu jipprovdi mandat maħruġ mill-parti rappreżentata jew l-intervenjent.

▼B

Artikolu 10

It-Tressiq ta’ dokumenti proċedurali

1.  It-talbiet kollha għandhom ikunu ffirmati u jkollhom data.

2.  Għall-għanijiet ta’ kalkolu ta’ limiti tal-ħin, dokument m’għandux jitqies bħala mressaq qabel ma jirċevih ir-Reġistru.

3.  Parti jew intervenjent għandha/u t/jibgħat dokumenti lir-Reġistru personalment jew bil-posta. Madankollu, l-Bord ta’ l-Appell jista’ jippermetti dokumenti ta’ parti jew ta’ intervenjent biex jintbagħtu b’telefax, ittra elettronika jew b’xi mezzi tekniċi oħrajn ta’ komunikazzjoni.

Ir-regoli li jmexxu l-użu tal-mezzi tekniċi tal-komunikazzjoni, inkluż l-użu tal-firma elettronika, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 27(3).

Artikolu 11

L-Ammissibilità ta’ l-appell

1.  Ir-raġunijiet li fuqhom għandu jitmexxa appell inammissibbli għandu jinkludi dan li ġej:

(a) l-avviż ta’ l-appell mhux konformi mal-ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikoli 6(1) (a) sa (d) u (2) u Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament;

(b) l-appellant ikun qabeż il-limitu taż-żmien biex jagħmel appell kif stabbilit fl-Artikolu 92(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

▼M1

(c) l-appell mhux miġjub kontra deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew l-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012;

▼B

(d) l-appellant la huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata bl-appell, u lanqas ma jista’ jistabbilixxi tħassib dirett jew individwali skond l-Artikolu 92(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

2.  Jekk il-President ma jiddeċidix dwar l-ammissibilità ta’ l-appell fil-limitu taż-żmien stabbilit f’Artikolu 93(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-appell għandu jintbagħat lill-Bord ta’ l-Appell għal eżami tal-bażi u l-ammissibilità. Id-deċiżjoni dwar l-ammissibilità għandha tagħmel parti mid-deċiżjoni finali.

Artikolu 12

Eżami ta’ l-appelli

1.  L-ebda prova oħra ma tista’ tiġi introdotta wara l-ewwel skambju ta’ skritturi sakemm il-Bord ta’ l-Appell jiddeċiedi li d-dewmien li joffri l-evidenza hu ġġustifikat kif xieraq.

2.  L-ebda talba ġdida miġjuba ma tista’ tiġi introdotta wara l-ewwel skambju ta’ skritturi ħlief jekk il-Bord ta’ l-Appell jiddeċiedi li hija bbażata fuq kwistjonijiet ġodda ta’ liġi jew ta’ fatt li jinqalgħu fl-andament tal-proċedimenti.

3.  Fejn xieraq, il-Bord ta’ l-Appell għandu jistieden il-partijiet għall-proċedimenti biex jissottomettu osservazzjonijiet jew notifiki maħruġa mill-Bord ta’ l-Appell jew dwar komunikazzjonijiet mill-parti l-oħra jew minn dawk li jintervjenu.

4.  Il-Bord ta’ l-Appel għandu jinnotifika lill-partiti dwar it-tmiem tal-parti miktuba tal-proċeduri.

Artikolu 13

Seduti

1.  Il-Bord ta’ l-Appell għandu jsejjaħ seduta jekk iqis li dan ikun meħtieġ jew jekk parti titlob dan.

It-talba għandha tiġi sottomessa fi żmien ġimagħtejn minn notifika ta’ l-għeluq tal-parti l-miktuba tal-proċedimenti. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż mill-President.

2.  It-talba għas-smigħ għandha tkun ikkomunikata lill-partijiet mir-Reġistru.

3.  Jekk parti li tkun imħarrka għas-smigħ kif xieraq, ma tidhirx bħala mħarrka, il-proċedimenti jistgħu jkomplu mingħajr dik il-parti.

▼M1

4.  Smigħ quddiem il-Bord tal-Appell għandu jkun pubbliku, sakemm il-Bord tal-Appell, minn jeddu jew fuq it-talba ta' parti, ma jiddeċidix mod ieħor, meta dan ikun debitament ġustifikat

▼B

5.  Is-smigħ għandu jinfetaħ u jitmexxa mill-President, li għandu jkun responsabbli għall-andament xieraq tiegħu.

Il-President u l-membri l-oħra għandhom jagħmlu mistoqsijiet lill-partijiet jew lir-rappreżentanti tagħhom.

6.  Ir-Reġistratur għandu jkun responsabbli biex iniżżel il-minuti ta’ kull seduta.

Il-minuti għandhom ikunu ffirmati mill-President u r-Reġistratur u għandhom jikkostitwixxu reġistru uffiċjali.

Qabel ma l-minuti jkunu ffirmati, xhieda jew esperti għandhom jingħataw l-opportunità biex jivverifikaw u jikkonfermaw il-kontenut tal-partijiet ta’ minuti filwaqt li jirreġistraw l-evidenza tagħhom.

7.  Is-seduta tista’ ssir b’ vidjokonferenza jew billi tintuża teknoloġija tal-komunikazzjoni oħra jekk il-mezzi tekniċi jkunu disponibbli.

Artikolu 14

Użu tal-lingwi

1.  Il-lingwa ta’ l-avviż ta’ l-appell għandha tkun il-lingwa tal-każ fuq l-appell.

Jekk l-appellant huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni li kontriha tressaq l-appell, l-avviż ta’ l-appell għandu jintbagħat fil-lingwa tad-deċiżjoni jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Komunità li jidhru fis-sottomissjoni li taw lok lid-deċiżjoni, inkluża kull informazzjoni sottomessa skond l-Artikolu 10(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

2.  Il-lingwa tal-każ għandha tintuża fi proċedimenti bil-miktub jew verbali u fil-minuti u fid-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell.

Kull dokument ta’ appoġġ f’lingwa oħra għandu jkun akkumpanjat bi traduzzjoni fil-lingwa tal-każ.

F’każ ta’ dokumenti twal, it-traduzzjonijiet jistgħu jkunu llimitati għal estratti. Madankollu, il-Bord ta’ l-Appell jista’, minn jeddu jew fuq talba ta’ parti, f’kull ħin jesiġi traduzzjoni aktar estensiva jew kompleta.

3.  Fuq talba ta’ parti, u wara li jkun sar is-smigħ tal-parti l-oħra, il-Bord ta’ l-Appell jista’ jawtorizza l-użu ta’ lingwa uffiċjali tal-Komunitajiet barra dik il-lingwa tal-każ għall-proċedimenti kollha jew parti minnhom.

4.  Fuq talba ta’ intervenjent, u wara li jkun sar is-smigħ tal-partijiet, il-Bord ta’ l-Appell jista’ jawtorizza lill-intervenjent biex juża lingwa uffiċjali tal-Komunitajiet barra dik il-lingwa tal-każ.

5.  Fejn xhud jew espert jiddikjara li hu ma jkunx jista’ jesprimi lilu nnifsu kif xieraq fil-lingwa tal-każ, il-Bord ta’ l-Appell jista’ jawtorizza lilu biex juża lingwa uffiċjali oħra tal-Komunitajiet.

6.  Fejn il-Bord ta’ l-Appell jawtorizza l-użu ta’ lingwa barra dik il-lingwa tal-każ, ir-Reġistru għandu jagħmel arranġamenti għal traduzzjoni jew interpretazzjoni.

Artikolu 15

Miżuri proċedurali

1.  Il-Bord ta’ l-Appell jista’ jistabbilixxi miżuri proċedurali fil-proċedimenti jkun meta jkun.

2.  L-għan ta’ miżuri proċedurali għandu, b’mod partikolari, ikun:

(a) li jiżgura t-twettiq effiċjenti tal-proċedimenti u li jiffaċilita l-ġbir ta’ provi;

(b) li jistabbilixxi l-punti li fuqhom il-partijiet għandhom jippreżentaw aktar argumenti;

(c) li jiċċara r-rimedji rikjesti mill-partijiet, it-talbiet legali miġjuba tagħhom u argumenti u l-punti kkonċernati bejniethom;

▼M1

(d) biex jiġi ffaċilitat il-qbil amikevoli bejn il-partijiet.

▼B

3.  Miżuri proċedurali jistgħu, b’mod partikolari, jikkonsistu f’:

(a) mistoqsijiet ippreżentati lill-partijiet;

(b) stedina lill-partijiet biex jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub jew verbali dwar ċerti aspetti tal-proċedimenti;

(c) mistoqsijiet lill-partijiet jew partijiet terzi għal informazzjoni;

(d) mistoqsijiet għal dokumenti dwar il-każ li se jkun prodott;

(e) jissejħu l-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom għal-laqgħat;

(f) tinġibed l-attenzjoni għal kwistjonijiet li jidhru li jkunu ta’ sinifikat speċjali, jew għall-fatt li ċerti mistoqsijiet ma jkunux jidhru aktar kontenzjużi;

(g) isiru osservazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ għajnuna sabiex jinżamm il-punt fokali fuq l-essenzjali waqt il-proċedimenti.

Artikolu 16

Provi

1.  Fi proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell, il-mezzi ta’ ġbir ta’ provi jistgħu jinkludu:

(a) It-talbiet għat-tagħrif;

(b) Il-produzzjoni ta’ dokumenti u oġġetti;

(c) Smigħ tal-partijiet jew xhieda;

(d) l-opinjonijiet mill-esperti;

Regoli dettaljati dwar il-ġbir ta’ provi ser ikunu stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura mfassla fl-Artikolu 27(3).

2.  Jekk il-Bord ta’ l-Appell jikkunsidra li hu neċessarju li parti, xhud jew espert jagħtu x-xhieda tagħhom bil-fomm, huwa għandu jħarrek lill-persuna interessata sabiex tidher quddiemu.

3.  Il-partijiet għandhom ikunu infurmati fejn ser ikun se jsir is-smigħ tax-xhud jew l-espert quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Għandu jkollhom id-dritt li jkunu preżenti u li jagħmlu mistoqsijiet lix-xhud jew lill-espert.

Il-partijiet jistgħu joġġezzjonaw għal espert jew xhud fuq bażi ta’ nuqqas ta’ kompetenza fir-rigward ta’ l-appell. Meta titqajjem oġġezzjoni bħal din, il-kwistjoni għandha tkun riżolta mill-Bord ta’ l-Appell.

4.  Qabel ma jingħataw il-provi, kull espert jew xhud għandu jiddikjara kull interess personali li hu jista’ jkollu fil-każ, jew jekk qabel hu kien involut bħala rappreżentant ta’ wieħed mill-partijiet, jew jekk hu pparteċipa fid-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi appellata.

Fejn l-espert jew ix-xhud jonqos li jagħmel dikjarazzjoni bħal din hu stess, il-partijiet jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-Bord ta’ l-Appell bil-kwistjoni.

5.  Oġġezzjoni lil xhud jew espert għandha titqajjem fi żmien ġimagħtejn tal-partijiet li ngħataw l-avviż tat-taħrika tax-xhud jew il-ħatra ta’ l-espert. Il-parti għandha tippreżenta l-bażi ta’ l-oġġezzjoni tagħha u tindika in-natura ta’ kull prova offruta biex issostniha.

6.  Fejn xhud jew espert ta l-provi, dawk il-provi għandhom ikunu riprodotti fil-minuti.

Artikolu 17

Spejjeż irrelatati mal-ġbir tal-prova

1.  Ix-xhieda u l-esperti li jitħarrku mill-Uffiċċju u li jidhru quddiem il-Bord ta’ l-Appell għandhom ikunu intitolati għal rifużjoni xierqa ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivjaġġar u ta’ l-għajxien.

Xhieda li jitħarrku u li jidhru quddiem il-Bord ta’ l-Appell għandhom ikunu intitolati għal kumpens xieraq għal telf ta’ dħul.

Esperti li mhumiex membri tal-persunal ta’ l-Aġenzija għandhom ikunu intitolati għal ħlas għal xogħlhom.

2.  Il-pagamenti għandhom isiru lix-xhieda wara li jkunu taw il-provi u lill-esperti wara li jkunu eżawrew id-dmirijiet jew il-kompiti tagħhom. Madankollu, għandu jsir ħlas bil-quddiem.

3.  Il-Bord tat-Tmexxija ta’ l-Aġenzija għandu jistabbilixxi regoli għal kalkolu ta’ l-ammonti u ħlas bil-quddiem li għandhom jitħallsu.

4.  Regoli dettaljati għandhom ikunu stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura mfassla fl-Artikolu 27(3), u bi qbil mal-Bord ta’ Ġestjoni, dwar dan li ġej:

(a) min hu responsabbli għall-ispejjeż fir-rigward tal-ġbir tal-provi;

(b) l-arranġamenti għal xi pagamenti għal rifużjoni, kumpens u ħlas lix-xhieda u lill-esperti.

5.  Ir-regoli msemmijin fil-paragrafi 3 u 4 għandhom jikkunsidraw, kif xieraq, regoli komparabbli li jeżistu f’oqsma oħra tal-liġi Komunitarja.

▼M1

Artikolu 17a

Spejjeż

Il-partijiet għandhom iħallsu l-ispejjeż tagħhom.

▼B

Artikolu 18

Il-Kompetenza

Jekk il-Bord ta’ l-Appell jirrimanda l-każ lill-korp kompetenti ta’ l-Aġenzija skond l-Artikolu 93(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, dan ta’ l-aħħar għandu jkun marbut bir-raġunament wara d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell sakemm ma jkunx hemm xi bidla f’ċirkostanzi li jinqalgħu.

Artikolu 19

Deliberazzjonijiet

1.  It-tliet membri tal-Bord ta’ l-Appell biss li qegħdin jiddeċiedu l-appell għandhom jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet dwar dak l-appell. Id-deliberazzjonijiet għandhom jibqgħu sigrieti.

2.  Waqt id-deliberazzjonijiet, kull membru għandu jiddikjara l-opinjoni tiegħu u r-raġunijiet għaliha.

L-opinjoni tar-rapporteur għandha tinstema’ l-ewwel u, jekk ir-rapporteur mhux il-President, l-opinjoni tal-President l-aħħar.

Artikolu 20

Votazzjoni

Jekk votazzjoni tkun neċessarja, il-voti għandhom ikunu mitfugħa skond is-sekwenza mogħtija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 19(2). Madankollu, jekk il-President ikun ukoll ir-rapporteur, hu għandu jivvota l-aħħar.

Deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ voti.

M’humiex permessi astenzjonijiet.

Artikolu 21

Deċiżjonijiet

1.  Id-deċiżjoni għandha tinkludi:

(a) dikjarazzjoni li d-deċiżjoni ngħatat mill-Bord ta’ l-Appell;

(b) id-data meta d-deċiżjoni ttieħdet;

(c) l-ismijiet tal-membri tal-Bord ta’ l-Appell li jkunu ħadu sehem fil-proċedimenti;

(d) l-ismijiet tal-partijiet u ta’ dawk li jintervjenu għall-appell u r-rappreżentanti tagħhom fil-proċedimenti;

(e) dikjarazzjoni tar-rimedju rikjest mill-partijiet;

(f) taqsira tal-fatti;

(g) ir-raġunijiet li fuqhom hija msejsa d-deċiżjoni;

▼M1

(h) l-ordni tal-Bord tal-Appell, inkluża, fejn meħtieġa aġġudikazzjoni ta' spejjeż għal ġbir ta' provi u deċiżjoni għar-rifużjoni ta' tariffi skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 340/2008 jew l-Artikolu 4(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 564/2013.

▼B

2.  Il-President u r-Reġistratur għandu jiffirma d-deċiżjoni. Il-firem jistgħu jkunu elettroniċi.

L-oriġinal tad-deċiżjoni għandu jkun iddepożitat fir-Reġistru.

3.  Id-deċiżjoni għandha ssir fuq il-partijiet skond l-Artikolu 22.

4.  Id-deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata b’dikjarazzjoni li tista’ tkun ikkontestata skond l-Artikolu 230 tat-Trattat u l-Artikolu 94(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Id-dikjarazzjoni għandha tinkludi l-limitu taż-żmien għal bidu ta’ dik l-azzjoni.

Nuqqas li tiġi nkluża dik id-dikjarazzjoni m’għandhiex tinvalida d-deċiżjoni.

5.  Deċiżjonijiet finali tal-Bord ta’ l-Appell għandhom ikunu ppubblikati kollha f’forma xierqa, sakemm il-President ma jiddeċidix mod ieħor fuq talba motivata ta’ parti.

▼M1

6.  Il-President għandu jiddeċiedi jekk l-informazzjoni indikata mill-appellant skont l-Artikolu 6(1)(g), l-Aġenzija skont l-Artikolu 7(2)(d) jew intervenjent skont l-Artikolu 8(6)(d) għandhiex titqies bħala kunfidenzjali. Il-President għandu jiżgura li kull informazzjoni li hi meqjusa bħala kunfidenzjali ma tiġix ippubblikata fid-deċiżjoni finali.

▼B

Artikolu 22

Servizz ta’ dokumenti

Ir-Reġistratur għandu jiżgura li d-deċiżjonijiet u l-komunikazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell isiru fuq il-partijiet u fuq dawk li jintervjenu.

In-notifikazzjoni għandha tingħata minn waħda minn dawn il-mezzi li ġejjin:

(1) posta rreġistrata b’formola għal konferma ta’ l-irċevuta;

(2) kunsinna personali tal-kopja b’irċevuta;

(3) xi mezzi tekniċi ta’ kominikazzjoni disponibbli għall-Bord ta’ l-Appell li l-parti jew ir-rappreżentant tagħha jkun qabel/qablet li jaċċetta/taċċetta għal dawn l-għanijiet.

Artikolu 23

Skadenzi

1.  Kull perjodu stabbilit minn jew imfassal taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew dan ir-Regolament għall-għanijiet ta’ proċedimenti ta’ l-appell għandhom ikunu kkalkolati skond il-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.  Fejn perjodu espress fi ġranet, ġimgħat, xhur jew snin ikun ikkalkolat minn ġurnata li fiha jsir l-avveniment jew tkun saret azzjoni, dik il-ġurnata m’għandhiex taqa’ taħt dak il-perjodu.

3.  Perjodu espress f’ġimgħat, xhur jew snin għandu jintemm bl-iskadenza tal-jum ikun liema jkun fl-aħħar ġimgħa, xahar jew sena li jkun l-istess jum tal-ġimgħa jew jaqa’ fl-istess data, bħal jum li matulu l-avveniment jew l-azzjoni li minnu l-perjodu għandu jkun ikkolkolat li ġara jew sar.

Jekk, f’perjodu espress f’xhur jew snin, il-jum li fih għandu jiskadi ma jkunx jidher fl-aħħar xahar, il-perjodu għandu jintemm bl-iskadenza ta’ l-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.

4.  Fejn perjodu espress f’xhur jew ġranet, għandu l-ewwel ikun ikkalkolat f’xhur sħaħ, imbagħad fi ġranet.

5.  Il-perjodi għandhom jinkludu vaganzi uffiċjali ta’ l-Aġenzija, Sibtijiet u Ħdud.

6.  Jekk perjodu kien jispiċċa s-Sibt, il-Ħadd jew vaganza uffiċjali ta’ l-Aġenzija, għandu jiġi estiż sa l-aħħar ta’ l-ewwel ġurnata tax-xogħol li jmiss.

Artikolu 24

Estensjoni u l-qabża tal-limitu taż-żmien

1.  Kull limitu taż-żmien stabbilit skond dan ir-Regolament jista’ jkun estiż minn kull min għamel il-preskrizzjoni.

2.  Li jinqabeż limitu taż-żmien għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ parti jekk il-parti kkonċernata tipprova l-eżistenza ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ force majeure a sodisfazzjon tal-Bord ta’ l-Appell.

Artikolu 25

Waqfien tal-proċedimenti

Fuq talba ta’ parti jew min jeddu, il-Bord ta’ l-Appell jista’, wara s-smigħ tal-partijiet, iwaqqaf il-proċedimenti.

Jekk xi ħadd mill-partijiet jopponi l-waqfien, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed b’deċiżjoni motivata.

Artikolu 26

Rettifikazzjoni

Il-Bord ta’ l-Appell jista’, wara s-smigħ tal-partijiet, minn jeddu jew fuq applikazzjoni minn parti li saret fi żmien xahar wara li d-deċiżjoni ġiet notifikata, jirratifika żballji klerikali, żbalji fil-kalkoli u żbalji ovvji fid-deċiżjoni.



KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 27

Miżuri ta’ implimentazzjoni

1.  Regoli addizzjonali ta’ natura proċedurali neċessarji għall-ipproċessar effiċjenti ta’ l-appelli u r-regoli neċessarji għall-organizzazzjoni tax-xogħol tal-Bord ta’ l-Appell, inklużi regoli li jikkonċernaw l-allokazzjoni ta’ każijiet bejn membri, jistgħu jiġu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita f’paragrafu 3.

2.  Direzzjonijiet ta’ prattika lill-partijiet u lil dawk li jintervjenu u istruzzjonijiet relatati mal-preparazzjonijiet għal u tmexxija tas-smigħ quddiem il-Bord ta’ l-Appell jista’ jadotta, u għall-preżentazzjoni u notifikazzjoni ta’ sottomissjonijiet bil-miktub jew osservazzjonijiet skond il-proċedura stabbilita f’paragrafu 3.

3.  Il-President u żewġ membri oħra maħtura skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 89(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandhom jadottaw ir-regoli u l-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament b’maġġoranza ta’ voti.

Artikolu 28

Dħul fis-Seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1354/2007 (ĠU L 304, 22.11.2007, p. 1).

( 2 ) ĠU L 280, 24.10.2007, p. 10.

( 3 ) ĠU L 107, 17.4.2008, p. 6.

( 4 ) Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

( 5 ) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 564/2013 tat-18 ta' Ġunju 2013 dwar it-tariffi u l-imposti dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 19.6.2013, p. 17).

Top