Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021O2322

    Linja Gwida (UE) 2021/2322 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2021 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/280 dwar l-istabbiliment ta' Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2021/56)

    ECB/2021/56

    ĠU L 467, 29.12.2021, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2021/2322/oj

    29.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 467/3


    LINJA GWIDA (UE) 2021/2322 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tas-17 ta’ Diċembru 2021

    li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/280 dwar l-istabbiliment ta' Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2021/56)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikoli 12.1 u 14.3 u l-Artikolu 16 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/44) (1) tipprevedi għal prinċipju ta’ distakk li jirrikjedi arranġamenti interni effettivi li jiżguraw separazzjoni sħiħa bejn stamperija pubblika u l-kontijiet ta’ awtorità pubblika tagħha u r-rimborż minn stamperija pubblika tal-ispejjeż tal-appoġġ amministrattiv u organizzattiv kollu li tirċievi mill-awtorità pubblika tagħha. Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati aktar ir-rekwiżiti rigward il-prinċipju ta’ distakk biex jiġi żgurat li stamperija pubblika trid turi li implimentat il-prinċipju qabel ma ħadet sehem fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti ta’ grupp ta’ banek ċentrali nazzjonali (BĊN) li joħroġ sejħiet għal offerti.

    (2)

    L-Artikolu 8(1)(b) tal-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) jippermetti lill-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni jistabbilixxu kooperazzjoni orizzontali mhux istituzzjonalizzata biex b’mod konġunt iwettqu kompiti pubbliċi. BĊN li jagħlaq l-istamperiji tiegħu jista’ jibqa’ fil-grupp intern billi jipparteċipa f’kooperazzjoni orizzontali bħal din, sakemm jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti. Bħala tali, BĊN li jagħlaq l-istamperija tiegħu jista' jagħżel bejn li jsir parti mill-grupp li joħroġ is-sejħa għall-offerti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) jew li jipparteċipa f'kooperazzjoni orizzontali. Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għall-BĊNi li jagħlqu l-istamperiji tagħhom, dawn il-BĊNi għandhom jitħallew jiċċaqilqu bejn iż-żewġ opzjonijiet disponibbli (“mudell b’żewġ pilastri”) għal perjodu tranżitorju ta’ ħames snin qabel ma tittieħed deċiżjoni finali. Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-BĊNi, BĊN tal-grupp bi stamperiji interni li għalaq l-istamperiji tiegħu għandu wkoll jitħalla jiċċaqlaq bejn iż-żewġ opzjonijiet disponibbli matul perjodu tranżitorju ta’ ħames snin, sakemm il-BĊN kien innotifikat bir-revoka tal-akkreditazzjoni tal-istamperija interna tiegħu wara l-1 ta’ Novembru 2019. Il-perjodu tranżitorju għandu jibda b’mod retroattiv mid-data ta’ din in-notifika.

    (3)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni bejn il-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni, il-BĊNi mill-Istati Membri li se jissieħbu fiż-żona tal-euro fil-futur għandhom jitħallew jagħżlu bejn li jsiru parti mill-grupp li joħroġ is-sejħa għall-offerti skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) jew li jipparteċipaw f’kooperazzjoni orizzontali.

    (4)

    F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, li għandhom jiġu definiti mill-Kunsill Governattiv, tista’ tingħata aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-mudell b’żewġ pilastri.

    (5)

    Għaldaqstant, il-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) għandha tiġi emendata kif xieraq,

    ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

    Artikolu 1

    Emendi

    Il-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) hija emendata kif ġej:

    1.

    fl-Artikolu 1, il-punt (1) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(1)

    “prinċipju ta’ distakk” ifisser arranġamenti interni effettivi li jiżguraw separazzjoni sħiħa bejn stamperija pubblika u l-kontijiet ta’ awtorità pubblika tagħha u r-rimborż minn stamperija pubblika tal-ispejjeż tal-appoġġ amministrattiv u organizzattiv kollha li tirċievi mill-awtorità pubblika tagħha;”;

    2.

    fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-grupp ta’ BĊNi li joħorġu sejħiet għall-offerti għandhom jiddikjaraw fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għall-offerti li sabiex ikunu eliġibbli għal kwalunkwe sejħa għall-offerti, l-istamperiji pubbliċi jridu jkunu implimentaw il-prinċipju ta’ distakk qabel ma jitfgħu offerta. Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta meta l-istamperiji pubbliċi jkunu qed jirrispondu għal sejħa għall-offerti, dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà għandu jirrikjedi li:

    (a)

    l-attivitajiet ta’ stampar tal-karti tal-flus tal-euro huma kompletament separati finanzjarjament mill-attivitajiet l-oħra tal-istamperija pubblika;

    (b)

    ma tingħata l-ebda għajnuna mill-istat diretta jew indiretta lill-istamperija pubblika li b’xi mod tkun inkompatibbli mat-Trattat;

    (c)

    l-istamperiji pubbliċi huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ struttura organizzattiva xierqa u sistema ta’ kontabilità tal-ispejjeż li tiżgura allokazzjoni ċara tal-ispejjeż u separazzjoni finanzjarja sħiħa bejn l-attivitajiet tal-istampar tal-karti tal-flus tal-euro u attivitajiet oħra;

    (d)

    l-ispejjeż kollha għall-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, inklużi l-ispejjeż imġarrba għall-appoġġ amministrattiv u organizzattiv għall-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro huma allokati lill-istamperiji pubbliċi;

    (e)

    l-allokazzjoni tal-ispejjeż imġarrba trid tkun traċċabbli u applikata b’mod konsistenti u akkumpanjata minn dokumentazzjoni ta’ sostenn tal-allokazzjoni tal-ispejjeż; u

    (f)

    is-separazzjoni finanzjarja tiġi vverifikata u ċċertifikata kull sena minn awditur estern indipendenti u tiġi rrapportata lill-BĊN li joħroġ sejħiet għall-offerti, li għandu jipprovdi kopja tad-dikjarazzjoni tal-awditur għal kull sena kalendarja lill-BĊE.”;

    3.

    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

    “3.   Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku, BĊN li jagħlaq l-istamperiji interni tiegħu jista’ jiddeċiedi li jsir parti mill-grupp li joħroġ sejħiet għall-offerti skont it-tifsira tal-Artikolu 3 jew jipparteċipa f’kooperazzjoni orizzontali abbażi ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 8.

    Għal perjodu tranżitorju ta’ ħames snin li jibda mid-data li fiha l-BĊN tal-grupp bi stamperiji interni jiġi nnotifikat bir-revoka tal-akkreditazzjoni tal-istamperiji interni tiegħu, il-BĊN li jagħlaq l-istamperiji tiegħu jista’ jaqleb bejn il-parteċipazzjoni fil-grupp bi stamperiji interni jew fil-grupp li joħroġ sejħiet għall-offerti qabel ma jieħu deċiżjoni finali, sakemm ir-rekwiżiti legali rispettivi jiġu ssodisfatti.

    It-tieni subparagrafu għandu japplika wkoll fil-każ ta’ BĊN li jkun diġà għalaq l-istamperiji tiegħu, iżda li l-BĊN ġie innotifikat dwar ir-revoka tal-akkreditazzjoni tal-istamperija interna tiegħu wara l-1 ta’ Novembru 2019. Il-perjodu tranżitorju għandu jibda b’mod retroattiv mid-data ta’ din in-notifika.”;

    (b)

    il-paragrafi 4 u 5 li ġejjin huma miżjuda:

    “4.   Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku, BĊN minn Stat Membru li fil-futur se jissieħeb fiż-żona tal-euro jista’ jagħżel bejn li jsir parti mill-grupp li joħroġ is-sejħiet għall-offerti skont it-tifsira tal-Artikolu 3 jew li jipparteċipa f’kooperazzjoni orizzontali fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 8, sakemm ftehim ta’ kooperazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 8(2)(b) ikun fis-seħħ mill-ewwel allokazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro.

    5.   Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku, il-Kunsill Governattiv jista’, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u fuq bażi ta’ każ b’każ, jiddeċiedi dwar devjazzjonijiet mill-mudell b’żewġ pilastri stabbilit fl-Artikolu 6.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    Artikolu 3

    Destinatarji

    Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

    Il-President tal-BĊE

    Christine LAGARDE


    (1)  Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-istabbiliment tas-Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2014/44) (ĠU L 47, 20.2.2015, p. 29).


    Top