EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0369

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018.
Shajin Ahmed vs Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 17 – Esklużjoni mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Kawżi – Kundanna għal delitt serju – Determinazzjoni tas-serjetà abbażi tal-piena inflitta skont id-dritt nazzjonali – Ammissibbiltà – Neċessità ta’ evalwazzjoni individwali.
Kawża C-369/17.

Kawża C‑369/17

Shajin Ahmed

vs

Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 17 – Esklużjoni mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Kawżi – Kundanna għal delitt serju – Determinazzjoni tas-serjetà abbażi tal-piena inflitta skont id-dritt nazzjonali – Ammissibbiltà – Neċessità ta’ evalwazzjoni individwali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat‑13 ta’ Settembru 2018

  1. Dritt tal-Unjoni Ewropea–Interpretazzjoni–Dispożizzjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri–Interpretazzjoni awtonoma u uniformi–Applikabbiltà għall-kunċetti ta’ “delitt serju”, ta’ “delitt partikolarment serju” u ta’ “delitt serju mhux politiku” fis-sens tad-Direttiva 2011/95

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikoli 12(2)(b), 14(4)(b) u 17(1)(b))

  2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni–Politika tal-ażil–Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja–Direttiva 2011/95–Esklużjoni mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja–Kawżi ta’ esklużjoni–Twettiq ta’ delitt serju–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina s-serjetà tad-delitt abbażi biss tat-tul tal-piena inflitta fir-rigward tiegħu–Inammissibbiltà–Esklużjoni suġġetta għal evalwazzjoni individwali tal-fatti mill-awtorità kompetenti

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 17(1)(b))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 33, 34, 36)

  2.  L-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-applikant għal protezzjoni sussidjarja huwa meqjus li “[kkommetta] delitt serju” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jista’ jeskludih mill-eleġibbiltà għal din il-protezzjoni, abbażi biss tal-piena inflitta għal delitt partikolari skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru. Hija l-awtorità jew il-qorti nazzjonali kompetenti li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja li għandha tevalwa l-gravità tal-ksur inkwistjoni, billi twettaq eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali kkonċernat.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk il-kriterju tal-piena inflitta skont il-leġiżlazzjoni kriminali tal-Istat Membru kkonċernat għandu importanza partikolari sabiex tiġi evalwata s-serjetà tad-delitt li jiġġustifika l-esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tinvoka l-kawża ta’ esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni biss wara li, għal kull każ individwali, tkun għamlet evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija taf bihom sabiex tiddetermina jekk hemmx raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, li barra minn hekk tissodisfa l-kriterji sabiex tikseb l-istatus ta’ refuġjat, jaqgħu taħt din il-kawża ta’ esklużjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 87, u tal‑31 ta’ Jannar 2017, Lounani, C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 72).

    (ara l-punti 55, 58 u d-dispożittiv)

Top