EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0552

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Settembru 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Vetturi bil-mutur – Kiri jew leasing ta’ vettura bil-mutur minn resident ta’ Stat Membru mingħand fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor – Taxxa ta’ reġistrazzjoni – Ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa meta ssir ir-reġistrazzjoni – Kundizzjonijiet dwar ir-rimbors tat-taxxa – Proporzjonalità.
Kawża C-552/15.

Kawża C‑552/15

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Irlanda

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Vetturi bil-mutur – Kiri jew leasing ta’ vettura bil-mutur minn resident ta’ Stat Membru mingħand fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor – Taxxa ta’ reġistrazzjoni – Ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa meta ssir ir-reġistrazzjoni – Kundizzjonijiet dwar ir-rimbors tat-taxxa – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad‑19 ta’ Settembru 2017

  1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu–Proċedura prekontenzjuża–Suġġett–Definizzjoni tas-suġġett tat-tilwima

    (Artikolu 258 TFUE)

  2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu–Dritt ta’ azzjoni tal-Kummissjoni–Terminu ta’ eżerċizzju–Assenza–Għażla diskrezzjonali dwar il-mument tal-preżentata tar-rikors

    (Artikolu 258 TFUE)

  3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu–Eżami tal-fondatezza mill-Qorti tal-Ġustizzja–Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni–Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

    (Artikolu 258 TFUE)

  4. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu–Rikors promotur–Dikjarazzjoni tal-ilmenti u tal-motivi–Rekwiżiti formali–Formulazzjoni inekwivokabbli tat-talbiet

    (Artikolu 258 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 120(c))

  5. Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Restrizzjonijiet–Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-obbligu fuq ir-residenti li jħallsu bil-quddiem l-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni dovuta għal reġistrazzjoni definittiva, indipendentement mit-tul reali tal-użu maħsub tal-vettura importata fl-Istat Membru kkonċernat–Inammissibbiltà–Ġustifikazzjoni–Protezzjoni tal-ambjent–Assenza–Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    (Artikolu 56 TFUE)

  6. Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Restrizzjonijiet–Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-obbligu fuq ir-residenti li jħallsu bil-quddiem l-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni dovuta għal reġistrazzjoni definittiva, indipendentement mit-tul reali tal-użu maħsub tal-vettura importata fl-Istat Membru kkonċernat–Rimbors sussegwenti tal-imsemmija taxxa ta’ reġistrazzjoni mingħajr ħlas ta’ interessi u bla ħsara għal tnaqqis ta’ EUR 500–Inammissibbiltà

    (Artikolu 56 TFUE)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 28, 29)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 34, 36)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 35, 63)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 38)

  5.  Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skont l-Artikolu 56 TFUE meta jimponi l-obbligu li jitħallas, bil-quddiem, l-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi applikabbli fil-każ ta’ reġistrazzjoni definittiva, ikun xi jkun it-tul limitat reali tal-użu maħsub, f’dan l-Istat, ta’ vettura importata f’dan l-Istat Membru, u minkejja li t-tul temporanju tal-leasing jew tal-kiri ġie ddeterminat b’mod preċiż u huwa magħruf bil-quddiem.

    Fil-fatt, tali obbligu jista’ jagħmel il-kiri jew il-leasing ta’ vetturi mingħand kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor iktar onerużi minn meta l-kuntratt ta’ kiri jew ta’ leasing ikun konkluż ma’ kumpannija stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura diskriminatorja ta’ tali obbligu fir-rigward tat-tnaqqis tat-taxxa bi ħsara għall-impriżi ta’ kiri jew ta’ leasing stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

    Fil-fatt, dan l-obbligu li jitħallas, bil-quddiem, l-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni jista’ jiskoraġġixxi kemm lir-residenti milli jużaw is-servizzi ta’ kiri jew ta’ leasing ta’ vetturi offruti minn fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, kif ukoll lil dawn il-fornituri milli joffru servizzi ta’ kiri jew ta’ leasing ta’ vetturi lir-residenti. Tali obbligu jikkostitwixxi għaldaqstant restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ipprojbita, bħala prinċipju, bl-Artikolu 56 TFUE.

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali restrizzjoni hijiex iġġustifikata, l-għanijiet li jirrigwardaw il-kumpens tal-ispejjeż relatati mal-infrastruttura tat-toroq, mal-kontroll tat-traffiku, mas-servizzi ta’ emerġenza u mas-servizzi ta’ reġistrazzjoni, maħluqa bl-użu tal-vetturi, ma jistgħux, madankollu, jiġġustifikaw l-obbligu li l-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni jitħallas bil-quddiem, indipendentement mit-tul tal-użu tal-vettura fl-Istat Membru kkonċernat.

    Fil-fatt, għanijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    Min-naħa l-oħra, fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja hemm il-protezzjoni tal-ambjent. B’mod partikolari, il-fatt li jiġu skoraġġuti l-kiri jew il-leasing ta’ vetturi b’konsum għoli ta’ fjuwil jista’ jkollu għan ta’ interess ġenerali.

    Fir-rigward tal-osservanza, minn tali sistema nazzjonali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-introduzzjoni ta’ fattur addizzjonali li jikkorrispondi mat-tul tal-użu previst fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat meta jsir il-ħlas inizjali tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni jippermetti li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent imfittex permezz ta’ miżura inqas restrittiva, mingħajr ma tiġi mminata l-bażi taxxabbli kkostitwita bil-valur tal-vettura fis-suq ħieles u bil-livell ta’ emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju tagħha.

    (ara l-punti 78, 82, 88‑90, 102, 108, u d-dispożittiv 1)

  6.  Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skont l-Artikolu 56 TFUE meta jimponi l-obbligu li jitħallas, bil-quddiem, l-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi applikabbli fil-każ ta’ reġistrazzjoni definittiva, ikun xi jkun it-tul limitat reali tal-użu maħsub, f’dan l-Istat, ta’ vettura importata f’dan l-Istat Membru, u minkejja li t-tul temporanju tal-leasing jew tal-kiri ġie ddeterminat b’mod preċiż u huwa magħruf bil-quddiem, u meta jonqos milli jipprevedi l-ħlas ta’ interessi mar-rimbors ta’ din it-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi u meta jnaqqas is-somma ta’ EUR 500 bħala spejjeż amministrattivi fuq l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni li għandha tiġi rrimborsata.

    Fil-fatt, meta tkun prevista proċedura ta’ rimbors ta’ tali taxxa, il-fatt li dik il-proċedura tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet sproporzjonati huwa, fih innifsu, ta’ natura li jipproduċi effett dissważiv, indipendentement mill-fatt li t-tul temporanju tal-leasing jew tal-kiri jista’, jew le, ikun iddeterminat b’mod preċiż u magħruf minn qabel.

    Issa, sistema bbażata fuq il-preżunzjoni li tipprovdi li parti mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni mħallsa inizjalment se tikkostitwixxi ħlas żejjed u għandha għaldaqstant tiġi rrimborsata, mingħajr ma tipprevedi l-ħlas ta’ interessi fuq dawn l-ammonti, ma tippermettix li jittaffa l-iżvantaġġ finanzjarju li jġib miegħu l-ħlas bil-quddiem tal-ammont kollu tat-taxxa. L-assenza ta’ ħlas ta’ interessi għaldaqstant ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Barra minn hekk, l-obbligu li titħallas somma ta’ EUR 500 bħala spejjeż amministrattivi jista’ jiskoraġġixxi lil persuna taxxabbli milli tibda l-proċedura ta’ rimbors u għaldaqstant imur kontra l-għan imfittex minn tali proċedura. F’dan ir-rigward, meta Stat Membru jorganizza l-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni b’mod li jagħmel, f’ċerti każijiet, ir-rimbors ta’ parti minnha inevitabbli, l-ispejjeż relatati mal-organizzazzjoni ta’ din is-sistema ma jistgħux jiġu ffinanzjati billi jitnaqqsu mis-somom dovuti lil dawk li għandhom dritt għar-rimbors. L-eżistenza ta’ tnaqqis ta’ EUR 500 bħala spejjeż amministrattivi fuq l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni li għandu jiġi rrimborsat lanqas ma tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    (ara l-punti 108, 112, 117, 120, 122‑124, u d-dispożittivi 1, 2)

Top