EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0310

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2015.
Nike European Operations Netherlands BV vs Sportland Oy, en liquidation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikoli 4 u 13 – Proċedura ta’ insolvenza – Atti li jikkawżaw preġudizzju – Kawża għall-ħlas lura tal-pagamenti mwettqa qabel id-data ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza – Liġi tal-Istat Membru ta’ ftuh tal-proċedura ta’ insolvenza – Liġi ta’ Stat Membru ieħor li tirregola l-att inkwistjoni – Liġi li ma tippermettix ‘xi mezzi biex jiġi disputat dak l-att fil-każ rilevanti’ – Oneru tal-prova.
Kawża C-310/14.

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2015.
Nike European Operations Netherlands BV vs Sportland Oy, en liquidation.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Helsingin hovioikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikoli 4 u 13 – Proċedura ta’ insolvenza – Atti li jikkawżaw preġudizzju – Kawża għall-ħlas lura tal-pagamenti mwettqa qabel id-data ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza – Liġi tal-Istat Membru ta’ ftuh tal-proċedura ta’ insolvenza – Liġi ta’ Stat Membru ieħor li tirregola l-att inkwistjoni – Liġi li ma tippermettix ‘xi mezzi biex jiġi disputat dak l-att fil-każ rilevanti’ – Oneru tal-prova.
Kawża C-310/14.

Digital reports (Court Reports - general)

Kawża C‑310/14

Nike European Operations Netherlands BV

vs

Sportland Oy

(talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Helsingin hovioikeus)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikoli 4 u 13 — Proċedura ta’ insolvenza — Atti li jikkawżaw preġudizzju — Kawża għall-ħlas lura tal-pagamenti mwettqa qabel id-data ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza — Liġi tal-Istat Membru ta’ ftuh tal-proċedura ta’ insolvenza — Liġi ta’ Stat Membru ieħor li tirregola l-att inkwistjoni — Liġi li ma tippermettix ‘xi mezzi biex jiġi disputat dak l-att fil-każ rilevanti’ — Oneru tal-prova”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal‑15 ta’ Ottubru 2015

  1. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Interpretazzjoni uniformi — Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi — Kuntest u għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni bħala bażi ta’ riferiment

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 13)

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Atti li jikkawżaw preġudizzju — Loi applikabli — Eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tiġi applikata l-lex fori concursus — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Att li ma jistax jiġi kkontestat abbażi tal-lex causae — Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 13)

  3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Atti li jikkawżaw preġudizzju — Liġi applikabbli — Eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tiġi applikata l-lex fori concursus — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Att li ma jistax jiġi kkontestat abbażi tal-lex causae — Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-konvenut f’azzjoni għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzabbiltà

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 13)

  4. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Atti li jikkawżaw preġudizzju — Liġi applikabbli — Eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tiġi applikata l-lex fori concursus — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Att li ma jistax jiġi kkontestat abbażi tal-lex causae — Oneru tal-prova rregolat mir-Regolament — Assenza ta’ modalitajiet proċedurali — Applikazzjoni tad‑dritt nazzjonali — Kundizzjoni — Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 13)

  5. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Atti li jikkawżaw preġudizzju — Liġi applikabbli — Eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tiġi applikata l-lex fori concursus — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Att li ma jistax jiġi kkontestat abbażi tal-lex causae — Evalwazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji ġenerali kollha ta’ din il-liġi

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 13)

  6. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Atti li jikkawżaw preġudizzju — Liġi applikabbli — Eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tiġi applikata l-lex fori concursus — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Att li ma jistax jiġi kkontestat abbażi tal-lex causae — Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-konvenut f’azzjoni għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzabbiltà — Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-parti li tressaq l-azzjoni biss wara l-istabbiliment mill-konvenut tan-natura mhux ikkontestabbli tal-att ikkonċernat

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 13)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 17)

  2.  L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-att inkwistjoni ma jistax jiġi kkontestat abbażi tal-liġi applikabbli għal dan l-att (lex causae), fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

    Fil-fatt, l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament huwa intiż li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna li bbenefikat minn att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha, billi jipprovdi li dan l-att għandu jibqa’ rregolat, anki wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, mid-dritt li kien applikabbli għalih fid-data ta’ meta twettaq, jiġifieri l-lex causae. Minn dan l-għan jirriżulta b’mod ċar li l-applikazzjoni tal-imsemmi jirrikjedi t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Fil-fatt, ma jistax ikun hemm ċertezza legali fil-fatt li l-validità ta’ att għandha tiġi evalwata, wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, billi jiġu esklużi dawn iċ-ċirkustanzi, meta, fl-assenza tal-ftuħ ta’ tali proċedura, dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    Barra minn hekk, l-obbligu li tiġi interpretata strettament l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament jipprekludi interpretazzjoni estensiva tal-portata ta’ dan l-artikolu, li jippermetti lil min ibbenefika minn att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha milli jevita l-applikazzjoni tal-lex fori concursus billi jinvoka biss b’mod purament astratt in-natura mhux ikkontestabbli tal-att ikkonċernat abbażi ta’ dispożizzjoni tal-lex causae.

    (ara l-punti 19-22 u d-dispożittiv 1)

  3.  Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, u fl-ipoteżi fejn il-konvenut f’azzjoni għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ att iqajjem dispożizzjoni tal-liġi applikabbli għal dan l-att (lex causae) li tgħid li dan l-att jista’ jiġi kkontestat biss fiċ-ċirkustanzi previsti minn din id-dispożizzjoni, huwa l-konvenut li għandu jinvoka l-assenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u li għandu jipproduċi l-prova ta’ dan.

    Fil-fatt, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament jirriżulta li huwa l-konvenut f’azzjoni għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ att li għandu jipproduċi l-prova li dan l-att, abbażi tal-lex causae, ma jistax jiġi kkontestat. Barra minn hekk, billi jipprovdi li dan il-konvenut għandu jipproduċi l-prova li l-att ikkunsidrat ma jista’ jiġi kkontestat bl-ebda mod, u dan, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, l-imsemmi Artikolu 13 jimponi wkoll lil dan il-konvenut, mill-inqas impliċitament, l-obbligu li jipproduċi l-prova kemm tal-eżistenza tal-punti ta’ fatt li jippermettu li jiġi konkluż li l-att ikkonċernat ma jistax jiġi kkontestat kif ukoll tal-assenza ta’ kull element li jmur kontra din il-konklużjoni.

    (ara l-punti 25, 31 u d-dispożittiv 2)

  4.  Għalkemm l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, jirregola espressament l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova, huwa ma jinkludix dispożizzjonijiet relatati mal-aspetti proċedurali iktar speċifiċi. B’hekk, dan l-artikolu ma jinkludix dispożizzjonijiet relatati, b’mod partikolari, mal-modalitajiet ta’ produzzjoni tal-prova, mal-mezzi ta’ prova ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti jew mal-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni, minn din il-qorti, tas-saħħa probatorja tal-provi prodotti quddiemha.

    Issa, fl-assenza fid-dritt tal-Unjoni ta’ armonizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

    Dan l-aħħar prinċipju jipprekludi, minn naħa, l-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali nazzjonali li fil-prattika jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli li wieħed jirrikorri għall-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, billi jipprovdi regoli stretti wisq, b’mod partikolari fir-rigward tal-prova negattiva tal-assenza ta’ ċirkustanzi determinati. Min‑naħa l-oħra, dan il-prinċipju jipprekludi regoli nazzjonali ta’ prova li jkunu wisq ftit eżiġenti li l-applikazzjoni tagħhom twassal, fil-prattika, sabiex jinqaleb l-oneru tal-prova prevista fl-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament.

    Madankollu, is-sempliċi diffikultà li tiġi prodotta l-prova tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi li fihom il-lex causae teskludi li jiġi kkontestat l-att inkwistjoni, jew, jekk ikun il-każ, tal-assenza taċ-ċirkustanzi, previsti mil-lex causae, li fihom dan l-att jista’ jiġi kkontestat, ma tippreġudikax, fiha nnifisha, il-prinċipju ta’ effettività, iżda pjuttost tissodisfa r-rekwiżit li l-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat strettament.

    (ara l-punti 27‑30)

  5.  L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “ma tippermettix xi mezzi biex [ma tippermetti bl-ebda mod li] jiġi disputat dak l-att” huwa intiż, minbarra għad-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli għal dan l-att (lex causae) applikabbli fil-qasam tal-insolvenza, għad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali kollha ta’ din il-liġi.

    Fil-fatt, l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament huwa intiż li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna li bbenefikat minn att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha, billi jipprovdi li dan l-att għandu jibqa’ rregolat, anki wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, mil-lex causae. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 13 favur tali benefiċjarju jirrikjedi t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

    Issa, l-għan ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ jirrikjedu interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tal-istess regolament fis-sens li l-imsemmi benefiċjarju għandu jipproduċi l-prova li l-att ikkunsidrat ma jista’ jiġi kkontestat la abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-lex causae applikabbli fir-rigward tal-insolvenza, u lanqas tal-lex causae kollha kemm hi.

    Fil-fatt, minn naħa, il-kliem tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa kjarament favur tali interpretazzjoni, ġaladarba dan jimponi lill-benefiċjarju ta’ att li jikkawża preġudizzju l-oneru li jipproduċi l-prova li dan l-att ma jista’ jiġi kkontestat b’ebda mod. Min-naħa l-oħra, ma jistax ikun hemm aspettattivi leġittimi fil-fatt li att, li jista’ jiġi kkontestat abbażi ta’ dispożizzjoni jew ta’ prinċipju ġenerali tal-lex causae, jiġi evalwat, wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, biss fir-rigward tas-sempliċi dispożizzjonijiet tal-lex causae applikabbli fir-rigward tal-insolvenza.

    (ara l-punti 33-36 u d-dispożittiv 3)

  6.  L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konvenut f’azzjoni għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ att għandu juri li l-liġi applikabbli għal dan l-att (lex causae), kollha kemm hi, ma tippermettix li l-imsemmi att jiġi kkontestat.

    Fil-fatt, l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li l-imsemmi konvenut għandu jinvoka l-assenza taċ-ċirkustanzi li jippermettu li dan l-att jiġi kkontestat abbażi tal-lex causae u li għandu jipproduċi l-prova dwar dan, ma jagħmilx distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-lex causae applikabbli fil-qasam tal-insolvenza u d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tal-lex causae, applikabbli għal oqsma oħra, iżda jipprovdi li huwa l-konvenut li għandu jipproduċi l-prova li l-att ikkonċernat ma jista’ jiġi kkontestat b’ebda mod. Għaldaqstant mill-formulazzjoni ta’ dan l artikolu jirriżulta b’mod ċar li dan għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istess konvenut għandu juri li l-lex causae, kollha kemm hi, ma tippermettix li dan l-att jiġi kkontestat.

    Din il-konklużjoni hija wkoll konformi mal-prinċipju li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat strettament u jikkorrispondi mal-għan tal-imsemmi Artikolu 13 li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-persuna li bbenefikat minn att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha billi jipprovdi li dan l-att għandu jibqa’ rregolat mid-dritt li kien applikabbli għalih fid-data ta’ meta twettaq.

    Il-qorti nazzjonali adita b’azzjoni għal nullità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ att tista’ tqis li hija l-parti li tressaq l-azzjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ dispożizzjoni jew ta’ prinċipju tal-imsemmija liġi li skonthom l-imsemmi att jista’ jiġi kkontestat biss meta din il-qorti tqis li l-konvenut, prima facie, stabbilixxa b’mod effettiv, fir-rigward tar-regoli normalment applikabbli skont id-dritt proċedurali nazzjonali, li l-att ikkonċernat, bis-saħħa tal-istess liġi, ma jistax jiġi kkontestat.

    (ara l-punti 38-41, 45 u d-dispożittiv 4)

Top