Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0730

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2019.
DQ et vs Il-Parlament Ewropew.
Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Portata tad-dmir ta’ assistenza – Miżura ta’ tneħħija – Tul tal-proċedura amministrattiva – Responsabbiltà – Danni morali.
Kawża T-730/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:725

Kawża T-730/18

DQ et

vs

Il-Parlament Ewropew

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2019

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Portata tad-dmir ta’ assistenza – Miżura ta’ tneħħija – Tul tal-proċedura amministrattiva – Responsabbiltà – Danni morali”

  1. Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għad-danni – Talba għall-annullament tad-deċiżjoni prekontenzjuża li tiċħad talba għad-danni – Talba li ma hijiex awtonoma meta mqabbla mat-talbiet għal kumpens

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

    (ara l-punt 42)

  2. Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi

    (Artikolu 340 TFUE)

    (ara l-punt 47)

  3. Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Kumpens għal dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Portata

    (Artikoli 268 u 270 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu340 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

    (ara l-punti 48, 50, 51)

  4. Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Obbligu tal-vittma tal-fastidju psikoloġiku li fl-ewwel lok tfittex kumpens għad-dannu li hija soffriet quddiem qorti nazzjonali

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

    (ara l-punti 57 sa 59, 99)

  5. Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Portata – Dmir tal-amministrazzjoni li teżamina t-talbiet għal assistenza fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku u li tinforma lill-persuna li tressaq it-talba bis-segwitu mogħti għat-talba tagħha – Kundizzjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24 u 90(1))

    (ara l-punti 80 sa 82, 84, 108, 109)

  6. Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kunċett – Assenza

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

    (ara l-punt 82)

  7. Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Implimentazzjoni fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku – Trattament ta’ talba għal assistenza – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Portata

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

    (ara l-punti 101 sa 103, 106)

  8. Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Kunċett – Spejjeż sostnuti fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża – Esklużjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

    (ara l-punt 115)

Résumé

Permezz tas-sentenza DQ et vs Il-Parlament (T-730/18), mogħtija fit-3 ta’ Ottubru 2019, il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Parlament Ewropew jikkumpensa lill-DQ u lill-uffiċjali l-oħra għad-danni morali li dawn tal-aħħar ġarrbu minħabba t-trattament mhux xieraq tat-talba tagħhom għal assistenza mressqa fl-24 ta’ Jannar 2014 fir-rigward ta’ fatti ta’ fastidju psikoloġiku imputati fil-konfront tas-superjur ġerarkiku tagħhom u minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

Ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-persunal”), talbu, fit-13 ta’ Diċembru 2017, lill-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) tagħtihom kumpens għad-danni invokati li huma allegatament ġarrbu minħabba n-nuqqasijiet tal-imsemmija awtorità fit-trattament tat-talba tagħhom għal assistenza, b’mod partikolari l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura kif ukoll ksur tad-dinjità tagħhom u tad-dritt tagħhom għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jiżguraw is-saħħa tagħhom, is-sigurtà tagħhom u d-dinjità tagħhom. Peress li l-Awtorità tal-Ħatra ma aġixxietx fir-rigward ta’ din it-talba għad-danni, ir-rikorrenti, fit 23 ta’ Mejju 2018, ippreżentaw ilment kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-imsemmija talba mis-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment sostnew li huma kienu ġarrbu danni morali, li huma jevalwaw ex æquo et bono għall-ammont ta’ EUR 192000, li rriżultaw min-nuqqas tal-Awtorità tal-Ħatra li tadotta fi żmien xieraq il-miżuri xierqa ta’ natura li jissodisfaw it-talba tagħhom għal assistenza u li jiggarantixxulhom kundizzjonijiet tax-xogħol konformi mal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Huma jqisu li, minħabba l-passività tad-dipartimenti tal-Awtorità tal-Ħatra, huma kienu ġew esposti għal ħsara lid-dinjità tagħhom, lill-personalità tagħhom u lill-integrità fiżika u mentali tagħhom min-naħa tal-Kap tad-diviżjoni. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx wettqet l-investigazzjoni amministrattiva fl-osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Hija lanqas ma kienet bdiet il-proċedura dixxiplinari kontra l-Kap tad-diviżjoni u lanqas ma kienet imponiet fuq dan tal-aħħar sanzjoni dixxiplinari fi żmien xieraq.

Mitluba tiddeċiedi fil-kuntest ta’ rikors għal danni li jirrigwarda, essenzjalment, il-kundizzjonijiet li skonthom kellha tiġi trattata talba għal assistenza għal fatti ta’ fastidju psikoloġiku, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat l-obbligi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha abbażi tal-obbligu ta’ assistenza u, kif ukoll, abbażi tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tfakkar li ma tistax tikkumpensa dannu morali li jirriżulta mill-fastidju psikoloġiku bħala tali. Fil-fatt, hija l-vittma li għandha tiftaħ kawża quddiem il-qorti nazzjonali kontra l-awtur tal-fastidju u huwa biss jekk din il-kawża ma tirnexxix li hija tista’ ddur lejn l-Awtorità tal-Ħatra sabiex din tal-aħħar tinżamm, sussidjarment, responsabbli in solidum b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, peress li f’dan il-każ ir-rikorrenti ma ressqux tali rikors nazzjonali, it-talbiet għad-danni li jirrigwardaw tali danni morali huma miċħuda għaliex prematuri.

Peress li r-rikorrenti, fl-ewwel lok, għamlu senjalazzjoni u sussegwentement, fit-tieni lok, ressqu talba għal assistenza, il-Qorti Ġenerali tfakkar li kull uffiċjal jew membru tal-persunal li jkun xhud ta’ fatti li jistgħu potenzjalment jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku pprojbit mill-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jissenjala dan l-aġir lis-superjur ġerarkiku tiegħu abbażi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tosserva li r-rikorrenti ma kellhomx l-intenzjoni li jissenjalaw ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda biss il-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni min-naħa tal-Kap tad-Diviżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Awtorità tal-Ħatra ma kellhiex titratta s-senjalazzjoni bħala talba għal assistenza. Bl-istess mod, minkejja li r-rikorrenti kienu żvelaw lis-Servizz Mediku tal-istituzzjoni t-tħassib tagħhom dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sa fejn is-Servizz Mediku ma ġiex adit formalment, huwa ma kellux jibda fuq inizjattiva tiegħu stess investigazzjoni amministrattiva għal fatti ta’ fastidju psikoloġiku.

Min-naħa l-oħra, meta talba għal assistenza titressaq u tkun akkumpanjata minn prova prima facie suffiċjenti tal-fatti allegati, l-Awtorità tal-Ħatra għandha taġixxi bil-ħeffa kollha meħtieġa. Hija għandha, b’mod partikolari, fiċ-ċirkustanzi kollha, tiftaħ l-investigazzjoni amministrattiva, mingħajr ma għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward, sabiex teluċida l-fatti u tislet il-konklużjonijiet kollha minnhom, billi tadotta l-miżuri meħtieġa, bħall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra l-persuna akkużata meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi, wara investigazzjoni amministrattiva, li jeżisti fastidju psikoloġiku.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Awtorità tal-Ħatra tal-Parlament ma aġixxietx bil-ħeffa neċessarja, peress li hija stenniet xahrejn biex tiftaħ l-investigazzjoni amministrattiva u xahar addizzjonali sabiex tinforma lir-rikorrenti dwar dan. Hija kellha wkoll tadotta miżura ta’ tneħħija sħiħa tal-Kap tad-Diviżjoni kkonċernat mit-talba għal assistenza, peress li kważi d-diviżjoni kollha kienet tal-fehma li, b’emilu, il-Kap tad-Diviżjoni kien qed jikser l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, billi ppermettiet li l-Kap tad-Diviżjoni jintervjeni f’ċerti suġġetti tad-diviżjoni matul l-investigazzjoni amministrattiva u billi kkonsultatu dwar l-evalwazzjoni tar-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra kisret ukoll l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Kien hemm ksur ieħor tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal anki peress li f’dan il-każ l-Awtorità tal-Ħatra kienet naqset milli tinforma lir-rikorrenti bl-eżitu tal-investigazzjoni amministrattiva, milli tikkomunikalhom ir-rapporti tal-investigazzjoni u milli tinformahom bil-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari kontra l-Kap tad-Diviżjoni kif ukoll dwar in-natura u dwar il-gravità tas-sanzjoni li ġiet sussegwentement imposta kontrih wara l-imsemmija proċedura dixxiplinari.

Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li l-proċedura amministrattiva ta’ trattament tat-talba għal assistenza, li ħadet kważi sentejn, tikser il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkundannat lill-Parlament iħallas lir-rikorrenti s-somma totali ta’ EUR 36000 li għandha tinqasam bejniethom, miżjuda bl-interessi moratorji u kompensatorji bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew miżjuda bi tliet punti perċentwali u nofs.

Top