Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0649

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-2 ta’ Frar 2023.
Ir-Renju ta’ Spanja et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għall-akkwist ta’ bastimenti (sistema Spanjola ta’ leasing fiskali) – Kundizzjoni dwar is-selettività – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Irkupru tal-għajnuna.
Kawżi magħquda C-649/20 P, C-658/20 P u C-662/20 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:60

Kawżi magħquda C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P

Ir-Renju ta’ Spanja et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-2 ta’ Frar 2023

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għall-akkwist ta’ bastimenti (sistema Spanjola ta’ leasing fiskali) – Kundizzjoni dwar is-selettività – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Irkupru tal-għajnuna”

  1. Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Parti ammessa tintervjeni f’kawża fl-istadju tal-appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali – Annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali b’rinviju tal-kawża quddiemha – Parti ammessa sabiex tintervjeni fl-istadju tal-appell li tgawdi ipso iure mill-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 217(1))

    (ara l-punt 23)

  2. Appell – Ammissibbiltà – Appell ippreżentat minn intervenjent fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali – Intervenjent li mhux Stat Membru jew istituzzjoni – Ħtieġa li tkun direttament affettwata mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali – Evalwazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Rimbors li jista’ jintalab wara ċ-ċaħda ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali

    (Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56)

    (ara l-punti 24 sa 26)

  3. Appell – Aggravji – Motiv imressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell – Inammissibbiltà – Aggravju intiż biss sabiex jikkontesta l-fondatezza tas-sentenza appellata – Aggravju mqajjem mis-sentenza appellata stess – Ammissibbiltà

    (Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 170(1))

    (ara l-punti 29 sa 31)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Għażla tal-metodu ta’ analiżi tas-selettività tal-miżura inkwistjoni maħsuba bħala skema ta’ għajnuna – Eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali fl-għoti tal-vantaġġ fiskali – Rilevanza ta’ analiżi bbażata fuq dan l-element biss – Neċessità ta’ analiżi tas-selettività tal-miżura bbażata fuq il-karatterizzazzjoni tagħha bħala miżura li tistabbilixxi deroga mhux iġġustifikata minn sistema fiskali ġenerali identifikata minn qabel – Assenza

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punti 46 sa 48)

  5. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Għoti tal-vantaġġ fil-kuntest ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Kriterji ta' evalwazzjoni – Attribuzzjoni lill-amministrazzjoni fiskali ta’ setgħa diskrezzjonali estiża li tiddetermina l-benefiċjarji u l-kundizzjonijiet għall-għoti – Eżerċizzju ta’ tali setgħa xierqa sabiex tiffavorixxi ċerti impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli fid-dawl tal-għan imfittex – Inklużjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punt 57)

  6. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali maħsub bħala skema ta’ għajnuna – Eżami bbażat fuq analiżi ex ante fil-mument tal-adozzjoni tal-iskema inkwistjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti kkonstatati a posteriori – Esklużjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punt 63)

  7. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

    (It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

    (ara l-punti 65 sa 68)

  8. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżuri fiskali favur ċerti gruppi ta’ interess ekonomiku u l-investituri tagħhom – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għall-akkwist ta’ bastimenti – Sistema bbażata fuq il-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel abbażi ta’ kriterji vagi li jeħtieġu interpretazzjoni mill-amministrazzjoni fiskali – Assenza ta’ qafas regolatorju għall-interpretazzjoni hekk meħtieġa – Natura diskrezzjonali de jure tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali eżaminati – Inklużjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punt 69)

  9. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżuri fiskali favur ċerti gruppi ta’ interess ekonomiku u l-investituri tagħhom – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għall-akkwist ta’ bastimenti – Selettività tal-iskema kollha mingħajr l-effetti tal-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat fuq il-benefiċċju tal-miżuri l-oħra stabbiliti – Ammissibbiltà

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punti 71, 72)

  10. Proċedura ġudizzjarja – Motivazzjoni tas-sentenzi – Portata – Eżami separat ta’ argumenti dwar żewġ prinċipji distinti tad-dritt tal-Unjoni ppreżentati flimkien – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Assenza ta’ ommissjoni li tingħata deċiżjoni

    (It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 117(m))

    (ara l-punt 83)

  11. Appell – Aggravji – Aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ risposta mill-Qorti Ġenerali lil motiv – Modalitajiet ta’ preżentazzjoni – Mezz intiż sabiex jikkontesta l-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna illegali li għandha tiġi rkuprata – Obbligu ta’ rkupru biss mingħand il-kategorija ta’ operaturi identifikati bħala benefiċjarji – Aggravju li jsostni impliċitament iżda neċessarjament in-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ benefiċjarji oħra – Assenza ta’ risposta li tammonta għal ommissjoni li tingħata deċiżjoni – Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36)

    (ara l-punti 118 sa 120, u d-dispożittiv 1)

  12. Appell – Appell meqjus fondat – Riżoluzzjoni tat-tilwima fuq il-mertu mill-qorti tal-appell – Kundizzjoni – Kawża fi stat li tista’ tiġi deċiża – Kunċett – Determinazzjoni tal-parti tar-rikors li għad trid tiġi eżaminata fid-dawl tal-portata tal-annullament parzjali tas-sentenza appellata

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61)

    (ara l-punti 122, 123)

  13. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti – Kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat – Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Kriterju – Tgawdija effettiva – Trasferiment ta’ parti mill-vantaġġi fiskali ġġenerati mill-miżura inkwistjoni – Inkoerenza bejn il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq dan il-punt u l-konklużjoni dwar l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji – Żball ta’ liġi

    (Artikolu 108(2) TFUE)

    (ara l-punti 129 sa 139)

Sunt

Għajnuna mill-Istat: il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal‑Kummissjoni dwar l-“iskema Spanjola ta’ leasing fiskali”.

Fil-fatt, l-irkupru tal‑ammont kollu tal-għajnuna prevista ġie ordnat abbażi ta’ identifikazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji

Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea kienet irċeviet diversi lmenti dwar l-applikazzjoni tal-“iskema Spanjola ta’ leasing fiskali” (iktar ’il quddiem l-“ISLF”) għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament, sa fejn din l-iskema ippermettiet lill-kumpanniji marittimi jibbenefikaw minn tnaqqis fil-prezz ta’ 20 għal 30 % għax-xiri ta’ bastimenti mibnija minn tarzni Spanjoli, b’detriment għall-bejgħ minn tarzni ta’ Stati Membri oħra. Skont il-Kummissjoni, l-għan tal-ISLF kien li tipprovdi vantaġġi fiskali lil gruppi ta’ interess ekonomiku (iktar ’il quddiem il-“GIE”) u lill-investituri li kienu jipparteċipaw fihom, li mbagħad kienu jittrasferixxu parti minn dawn il-vantaġġi lill-kumpanniji marittimi li jkunu xtraw vapur ġdid.

Fid-Deċiżjoni kontenzjuża ( 1 ), adottata f’Lulju 2013, il-Kummissjoni qieset li tlieta mill-ħames miżuri fiskali li jifformaw l-ISLF kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fil-forma ta’ vantaġġ fiskali selettiv, parzjalment inkompatibbli mas-suq intern. Peress li l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet implimentata mill-1 ta’ Jannar 2002 bi ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni ( 2 ), il-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet nazzjonali jirkuprawha mingħand l-investituri, jiġifieri l-membri tal-GIE.

F’Settembru 2013, ir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing SA u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión (PYMAR) SA ppreżentaw rikorsi għal annullament kontra d-Deċiżjoni kontenzjuża. Fis-sentenza tagħha Spanja et vs Il-Kummissjoni ( 3 ), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-vantaġġ miksub mill-investituri tal-GIE ma kienx selettiv u li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni dwar il-kriterji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ kienet insuffiċjenti. Konsegwentement, hija annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża.

Adita b’appell mill-Kummissjoni kontra din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja annullatha permezz tas-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P) ( 4 ), billi qieset, b’mod partikolari, li l-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar is selettività li fuqha l-Kummissjoni kienet ibbażat l-analiżi tagħha kienet żbaljata. Madankollu hija qieset li, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kinitx ippronunzjat ruħha fuq il-motivi kollha mressqa quddiemha, it-tilwima ma kinitx fi stat li tiġi deċiża u, konsegwentement, bagħtet il-kawżi lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Permezz tas-sentenza tagħha wara r-rinviju Spanja et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi mressqa mir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing u PYMAR, b’dawn tal-aħħar ikunu sostnuti fit-talbiet tagħhom minn 34 entità li kienu ġew ammessi li jintervjenu għal dan l-istess għan fil-kuntest tal-Kawża C‑128/16 P (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti fl-ewwel appell”).

F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv intiż li jikkontesta s-selettività tal-ISLF, billi qieset, essenzjalment, li l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali estiża tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat kienet suffiċjenti sabiex tiġi ammessa s-selettività tal-ISLF kollha kemm hi. Hija ċaħdet ukoll il-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża, fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kif ukoll tal-prinċipji applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna. Fuq dan il-punt tal-aħħar, b’mod partikolari, hija qieset li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna kollha inkwistjoni biss mingħand l-investituri tal-GIE, minkejja li parti mill-vantaġġ fiskali miksub kienet ġiet ittrasferita lil terzi, jiġifieri l-kumpanniji marittimi.

Ir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing u PYMAR, kif ukoll l-intervenjenti fl-ewwel appell ressqu għalhekk tliet appelli distinti kontra s-sentenza appellata, li permezz tagħhom huma jfittxu li jiksbu l-annullament tagħha u, sussegwentement, dik tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-aggravju tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni u tiċħad il-kumplament tal-appelli. Wara li annullat għalhekk parzjalment din is-sentenza u qieset li kienet f’pożizzjoni li tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv parti mir-rikorsi li kien għad trid tiġi eżaminata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fi tmiem l-eżami tagħha, li hemm lok li d-Deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata sa fejn din tordna l-irkupru tal-ammont kollu tal-għajnuna prevista mingħand il-benefiċjarji tagħha abbażi ta’ identifikazzjoni żbaljata ta’ dawn tal-aħħar.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-appell imressaq mill-intervenjenti fl-ewwel appell, ibbażat fuq żball ta’ liġi li bih ir-rikonoxximent tal-istatus tagħhom ta’ intervenjenti huwa vvizzjat fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-drittijiet proċedurali ggarantiti lill-intervenjenti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġu, fil-kuntest ta’ artikolazzjoni konsistenti tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, li intervenjent f’appell igawdi ipso jure mill-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, meta kawża tintbagħat lura lil din il-qorti tal-aħħar wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. B’hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta rrikonoxxiet tali kwalità lill-partijiet ikkonċernati, f’tali ċirkustanzi. Konsegwentement, il-partijiet interessati huma, bħala tali, intitolati li jressqu appell kontra s-sentenza appellata, sa fejn huma, barra minn hekk, direttament affettwati minn din is-sentenza ( 5 ), peress li, biċ-ċaħda tal-appelli, din tal-aħħar tesponihom għar-riskju li jkollhom iħallsu lura l-għajnuna li huma rċevew. L-appell tagħhom huwa għalhekk ammissibbli.

It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-aggravji relatati, għal xi wħud, mal-analiżi tas-selettività tal-ISLF u, għal oħrajn, mal-obbligu ta’ rkupru.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, qabelxejn, li miżura fiskali vantaġġuża li l-għoti tagħha tiddependi mis-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali ma tistax titqies li hija ta’ natura ġenerali. Minn dan isegwi li s-selettività ta’ tali miżura ma tistax tiġi evalwata abbażi ta’ metodu maħsub speċifikament sabiex juri s-selettività moħbija ta’ miżuri fiskali vantaġġużi ta’ portata ġenerali ( 6 ). Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ntalbet tippronunzja ruħha fuq l-analiżi ta’ miżura li l-għoti tagħha kienet tiddependi mis-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti, b’tali mod li ma tistax tiġi kkritikata li naqset milli tanalizzaha skont il-metodu applikabbli għall-miżuri fiskali ta’ natura ġenerali.

Wara li tittratta għalhekk il-kriterji ta’ evalwazzjoni rilevanti fil-preżenza ta’ miżura fiskali vantaġġuża mogħtija fuq bażi diskrezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-Qorti Ġenerali meta tfakkar li l-eżistenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni, fiha nnifisha, ma timplikax in-natura selettiva tal-miżura kkunsidrata. Fil-fatt, tali kwalifika teħtieġ li jintwera li l-awtoritajiet kompetenti għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw il-benefiċjarji kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-miżura kkunsidrata, b’tali mod li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jitqies li jiffavorixxi l-impriżi jew il-produzzjonijiet benefiċjarji meta mqabbla ma’ oħrajn, mhux benefiċjarji, li madankollu jkunu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Qorti Ġenerali b’hekk kienet iġġustifikata meta kkonstatat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tad-dritt nazzjonali, li l-iżnaturament tiegħu, barra minn hekk, ma ġiex allegat, li dan id-dritt kien jagħti lill-amministrazzjoni fiskali marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-impreċiżjoni tal-kriterji implimentati u tal-assenza ta’ qafas regolatorju għall-interpretazzjoni li dawn jeħtieġu. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn tivverifika jekk, fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali de jure kienx effettivament wassal għal trattament favorevoli mhux ġustifikat ta’ ċerti operaturi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.

Konsegwentement, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali qieset, sabiex tikkonkludi dwar is-selettività tal-miżura tad-deprezzament antiċipat, li l-eżistenza ta’ aspetti diskrezzjonali kienet ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji meta mqabbla ma’ persuni taxxabbli oħra li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali setgħet validament tikkonkludi li l-Kummissjoni ma żbaljatx meta ddeduċiet min-natura selettiva tad-deprezzament antiċipat li l-ISLF kienet selettiva kollha kemm hi, sa fejn huwa paċifiku li l-miżuri kontenzjużi l-oħra li jifformaw l-ISLF kienu jiddependu mill-awtorizzazzjoni minn qabel tad-deprezzament antiċipat. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-motivi kollha relatati mas-selettività tal-ISLF bħala infondati.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna illegali, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali fis-sentenza appellata hija nieqsa minn kwalunkwe żball ta’ liġi, minbarra żball wieħed li madankollu ma kellu ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li l ilmenti invokati fuq din il-bażi għandhom ukoll jiġu miċħuda.

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tippronunzja ruħha fuq aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, jekk din tal-aħħar tidher li hija suffiċjentement motivata skont il-liġi fir-rigward tan-natura selettiva tal-ISLF, ma jistax, mill-banda l-oħra, jingħad l-istess fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, sabiex twieġeb għal motiv intiż li jikkontesta l-ordni ta’ rkupru li tinsab fid-Deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn tordna l-irkupru tal-għajnuna kollha inkwistjoni mingħand l-investituri filwaqt li parti kbira ħafna tal-vantaġġ hekk mogħti ġiet sistematikament ittrasferita lill-kumpanniji marittimi, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha għal li tindika li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, kienu biss l-investituri li ġew identifikati bħala benefiċjarji tal-għajnuna u li tikkonstata li din il-konklużjoni ma kinitx is-suġġett tat-tilwima. Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji ma kinitx ikkontestata mill-partijiet ikkonċernati, dawn tal-aħħar, bil-motiv tagħhom, madankollu sostnew, impliċitament iżda neċessarjament, li ma kinux l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni. Peress li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għal dan il-motiv, hija għalhekk naqset milli tiddeċiedi dwaru, u dan jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata sa fejn ċaħdet ir-rikorsi inkwantu dawn kienu jipprevedu l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tindika lill-GIE u l-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna prevista kif ukoll l-annullament tad-dispożizzjoni li tobbliga lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna prevista mingħand l-investituri tal-GIE. L-appelli huma miċħuda fir-rigward tal-kumplament tagħhom.

It-tielet, sa fejn tqis li l-parti tar-rikorsi għal annullament li għad trid tiġi eżaminata wara l-annullament parzjali tas-sentenza appellata, dwar, f’dan il-każ, il-fondatezza tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji tagħha, hija fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni hija stess b’mod definittiv fuq dan il-punt. F’dan ir-rigward, hija tiċħad, qabelxejn, il-motivi u l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali u kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bħala infondati, bl-adozzjoni tal-parti l-kbira tar-raġunijiet korrispondenti tas-sentenza appellata.

Wara li ttrattat għalhekk, abbażi tal-motiv li dwaru l-Qorti Ġenerali naqset li tiddeċiedi, il-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna kkunsidrata mill-Kummissjoni li hija inkompatibbli mas-suq intern għandu l-għan li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni ta’ qabel l-għoti tal-għajnuna, billi jċaħħad lill-benefiċjarji tagħha, jiġifieri l-impriżi li effettivament ibbenefikaw minnha, mill-vantaġġ kompetittiv li din l-għajnuna tathom.

Issa, f’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni stess jirriżulta li l-ISLF kienet tikkostitwixxi, kollha kemm hi, skema fiskali intiża li tiġġenera vantaġġ għall-benefiċċju mhux biss tal-investituri miġbura fi ħdan GIE, iżda wkoll tal-kumpanniji marittimi. Barra minn hekk, mill-elementi esposti mill-Kummissjoni jirriżulta li t-tqassim ta’ dan il-vantaġġ bejn kumpannija marittima u l-investituri ta’ GIE kien previst f’kuntratti legalment vinkolanti, sottomessi lill-awtoritajiet fiskali u li dawn tal-aħħar kienu jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jawtorizzaw, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, id-deprezzament antiċipat. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, fir-rigward tal-għan imfittex permezz tal-irkupru, meta indikat l-investituri tal-GIE bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni essenzjalment minħabba li l-vantaġġ miksub mill-kumpanniji marittimi abbażi tat-trasferiment ta’ parti mill-vantaġġ fiskali mogħti lill-GIE kien jirriżulta minn kombinazzjoni ta’ operazzjonijiet legali bejn entitajiet privati li, minħabba f’hekk, ma kienx imputabbli lill-Istat, meta l-GIE kienu madankollu obbligati, skont ir-regoli applikabbli, jittrasferixxu lil dawn il-kumpanniji marittimi parti mill-vantaġġ fiskali miksub.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla, parzjalment, id-Deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri sa fejn din tindika lill-GIE u lill-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna prevista u, sussegwentement, sa fejn din tordna l-irkupru tal-ammont kollu tagħha biss mingħand l-investituri tal-GIE.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas-17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1).

( 2 ) Obbligu previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

( 3 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il-Kummissjoni,T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004).

( 4 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et, C‑128/16 P.

( 5 ) Din l-kundizzjoni hija prevista fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 6 ) Skont dan il-metodu, imsejjaħ “fi tliet stadji”, l-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura ġenerali li tistabbilixxi skema fiskali vantaġġuża teħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi identifikata l-iskema fiskali komuni, imbagħad li jiġi vverifikat jekk l-iskema inkwistjoni tidderogax mill-iskema komuni, bħala qafas ta’ riferiment, billi tissuġġetta operaturi li huma komparabbli, fil-livell fattwali u legali, għal trattament fiskali ddifferenzjat u, f’dan il-każ, li jiġi eżaminat, fl-aħħar nett, jekk tali differenzjazzjoni tistax tkun iġġustifikata min-natura jew l-istruttura tas-sistema ta’ tassazzjoni.

Top