Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62021CJ0487

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Mejju 2023.
F.F. vs Österreichische Datenschutzbehörde.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Dritt ta’ aċċess mill-persuna kkonċernata għall-ipproċessar tad-data personali – Artikolu 15(3) – Fornitura ta’ kopja tad-data – Kunċett ta’ ‘kopja’ – Kunċett ta’ ‘informazzjoni’.
Kawża C-487/21.

Zbiór orzeczeń – ogólne

Identyfikator ECLI: ECLI:EU:C:2023:369

Kawża C‑487/21

F.F.

vs

Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (l-Awstrija))

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal‑4 ta’ Mejju 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Dritt ta’ aċċess mill-persuna kkonċernata għall-ipproċessar tad-data personali – Artikolu 15(3) – Fornitura ta’ kopja tad-data – Kunċett ta’ ‘kopja’ – Kunċett ta’ ‘informazzjoni’”

  1. Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Ir-Regolament 2016/679 – Dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata għad-data tagħha li kien is-suġġett ta’ pproċessar – Provvista ta’ kopja tad-data – Kunċett ta’ kopja – Konsenja lis-suġġett tad-data ta’ riproduzzjoni fidila u li tinftiehem ta’ din id-data – Kopja ta’ estratti ta’ dokumenti saħansitra ta’ dokumenti sħaħ jew ukoll ta’ estratti minn databases li jinkludu, fost oħrajn, l-imsemmija data – Inklużjoni – Kundizzjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, premessi 58 u 60 u Artikoli 12(1) u 15(1) u l-ewwel sentenza ta’ (3))

    (ara l-punti 21, 28, 32, 36 sa 45, u d-dispożittiv 1)

  2. Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Ir-Regolament 2016/679 – Dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata għad-data tagħha li kien is-suġġett ta’ pproċessar – Provvista ta’ kopja tad-data – Kunċett ta’ informazzjoni – Data personali li għandha tiġi pprovduta fil-forma ta’ kopja mill-kontrollur – Inklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3))

    (ara l-punti 48 sa 53, u d-dispożittiv 2)

Sunt

RĠPD: id-dritt li tinkiseb “kopja” tad-data personali jimplika li tintbagħat lill-persuna kkonċernata riproduzzjoni fidila u li tinftiehem tad-data kollha

Dan id-dritt jimplika li tinkiseb kopja ta ’ estratti ta ’ dokumenti, saħansitra dokumenti sħaħ, jew anki estratti ta ’ databases li jinkludu l-imsemmija data, jekk din hija indispensabbli biex tippermetti lill-persuna kkonċernata li teżerċita effettivament id-drittijiet mogħtija lilha minn dan ir-regolament

CRIF kienet aġenzija ta’ informazzjoni kummerċjali li tipprovdi, fuq domanda tal-klijenti tagħha, informazzjoni dwar is-solvenza ta’ terzi. Għal dan il-għan, hija pproċessat id-data personali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, individwu. Dan tal-aħħar talab lil CRIF, abbażi tar-regolament ġenerali fuq il-protezzjoni tad-data ( 1 ), li jkollu aċċess għad-data personali li tikkonċernah. Barra minn hekk, huwa talab il-provvista ta’ kopja ta’ dokumenti, jiġifieri l-ittri elettroniċi u l-estratti ta’ databases, li kienu jinkludu, fost oħrajn, id-data tiegħu “f’format tekniku standard”.

B’risposta għal din it-talba, CRIF ittrażmettiet lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, taħt forma sintetika, il-lista tad-data personali tiegħu li hija s-suġġett ta’ pproċessar. Jekk wieħed iqis li CRIF kien imissha ttrażmettietlu kopja tad-dokumenti kollha li jinkludu d-data tiegħu, bħall-ittri elettroniċi u l-estratti ta’ databases, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq ilment quddiem l Österreichische Datenschutzbehörde (l-Awtorità Awstrijaka tal-protezzjoni tad-data). Din l-awtorità ċaħdet dan l-ilment, billi kkunsidrat li CRIF ma wettqet ebda ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), adita bir-rikors tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda adottata minn din l-awtorità, saqsiet dwar il-portata tal-obbligu previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD li tipprovdi lill-persuna kkonċernata “kopja” tad-data personali tagħha li kienet s-suġġett ta’ pproċessar. Din il-qorti staqsiet, b’mod partikolari, jekk dan l-obbligu kienx ssodisfatt meta l-kontrollur ittrażmetta d-data personali taħt il-forma ta’ tabella sintetika jew jekk hija implikat wkoll li tittrażmetti estratti ta’ dokumenti, saħansitra dokumenti sħaħ, kif ukoll estratti ta’ databases, li fihom din id-data kienet riprodotta. Il-qorti tar-rinviju talbet, barra minn hekk, preċiżazzjonijiet fuq dak li jkopri preċiżament il-kunċett ta’ “informazzjoni” li kien jidher fit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD ( 2 ).

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet dwar il-kontenut u l-portata tad-dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata għad-data personali tagħha li kienet is-suġġett tal-ipproċessar. F’dan ir-rigward, hija qieset li d-dritt li jinkiseb min-naħa tal-kontrollur “kopja” tad-data personali li tkun is-suġġett ta’ pproċessar skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD kien jimplika li huwa ta lill-persuna kkonċernata riproduzzjoni fidila u li tinftiehem ta’ din id-data kollha. Dan id-dritt kien jippreżupponi li tinkiseb kopja ta’ estratti ta’ dokumenti jew ta’ dokumenti sħaħ jew anki ta’ estratti ta’ databases li kienu jinkludu, fost oħrajn, l-imsemmija data, jekk il-provvista ta’ tali kopja kienet indispensabbli sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata teżerċita effettivament id-drittijiet mogħtija lilha mir-RĠPD, filwaqt li ġie enfasizzat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “informazzjoni” imsemmi fit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD kien jirrigwarda esklużivament id-data personali li l-kontrollur tad-data tagħha kellu jipprovdi kopja tagħha skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod litterali, sistematiku u teleoloġiku l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, li kienet tipprevedi id-dritt tal-persuna kkonċernata li tikseb kopja tad-data personali tagħha li kienet is-suġġett ta’ pproċessar.

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, għalkemm din id-dispożizzjoni ma kinitx tinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “kopja”, kellu jittieħed inkonsiderazzjoni s-sens abitwali ta’ din il-kelma, li tindika r-riproduzzjoni jew it-traskrizzjoni fidila ta’ oriġinal, b’mod li deskrizzjoni purament ġenerali tad-data li kienet is-suġġett ta’ pproċessar jew ta’ rinviju għal kategoriji ta’ data personali jidher li ma tikkorrispondix għal din id-definizzjoni. Barra minn hekk, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kien jirriżulta li l-obbligu ta’ komunikazzjoni kien jorbot mad-data personali li kienet is-suġġett tal-ipproċessar inkwistjoni. Wara li wieħed wasal għal analiżi testwali tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ikkunsidrat li din kienet tagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tikseb riproduzzjoni fidila tad-data personali tagħha, mifhum f’sens wiesa’, li kienet is-suġġett ta’ operazzjonijiet li kellhom jiġu kkwalifikati bħala pproċessar imwettaq mill-kontrollur.

Fir-rigward il-kuntest li fih kienet tidħol l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 15 tar-RĠPD kien jiddefinixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, is-suġġett ta’ kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess rikonoxxut lill-persuna kkonċernata. L-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jippreċiża l-modalitajiet prattiċi ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li kien jaqa’ fuq il-kontrollur, billi speċifika b’mod partikolari fl-ewwel sentenza tiegħu l-forma li fiha dan il-kontrollur kellu jipprovdi d-data personali li kienet is-suġġett ta’ pproċessar, jiġifieri fil-forma ta’ “kopja”. Konsegwentement, l-Artikolu 15 tar-RĠPD ma setax jiġi interpretat bħala li kien jistabbilixxi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 tiegħu, dritt li kien distint minn dak previst fil-paragrafu 1 tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kelma “kopja” ma kinitx tirrelata ma’ dokument bħala tali, iżda għad-data personali li kienet tinkludi u li kellha tiġi kkompletata. Il-kopja kellha għalhekk tinkludi d-data personali kollha li kienet is-suġġett ta’ pproċessar.

Għal dak li kienu għanijiet imfittxija mill-Artikolu 15 tar-RĠPD, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-dritt ta’ aċċess previst minn dan l-artikolu kellu jippermetti lill-persuna kkonċernata li tiżgura li d-data personali li kienet tikkonċernaha kienet eżatta u li kienet pproċessata b’mod legali.

Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mir-RĠPD ( 3 ) jirriżulta li l-kontrollur huwa obbligat jieħu l-miżuri xierqa biex jagħti lill-persuna kkonċernata kull informazzjoni relatata, b’mod konċiż, trasparenti, li jinftiehem u faċilment aċċessibbli, fi kliem ċar u sempliċi, u li l-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub jew b’mezzi oħra, inkluż, meta jkun xieraq, b’mezz elettroniku, sakemm il-persuna kkonċernata ma titlobx li din tingħata bil-fomm. Minn dan jirriżulta li l-kopja tad-data personali li tkun is-suġġett ta’ pproċessar, li l-kontrollur kellu jipprovdi, kellu jkollu l-karatteristiċi kollha li jippermettu lill-persuna kkonċernata teżerċita effettivament id-drittijiet tagħha skont ir-RĠPD u kellha, konsegwentement, tirriproduċi bis-sħiħ u b’mod fidil din id-data. Konsegwentement, jirriproduċi b’mod sħiħ u preċiż din id-data.

B’hekk, sabiex tiggarantixxi li l-informazzjoni b’hekk mogħtija tinftiehem faċilment, ir-riproduzzjoni ta’ estratti ta’ dokumenti, saħansitra dokumenti sħaħ, jew ukoll estratti ta’ databases li jinkludu, fost oħrajn, id-data personali li kienet is-suġġett ta’ pproċessar seta’ jirriżulta indispensabbli. B’mod partikolari, meta data personali ġiet iġġenerata minn data oħra jew meta tali data tirriżulta minn oqsma ħielsa, jiġifieri assenza ta’ indikazzjoni li tagħti informazzjoni fuq il-persuna kkonċernata, il-kuntest li fih din id-data tkun is-suġġett ta’ pproċessar kien element indispensabbli sabiex jippermetti lill-persuna kkonċernata jkollha aċċess trasparenti u preżentazzjoni li tinftiehem ta’ din id-data.

Fil-każ ta’ kunflitt bejn, minn naħa, l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ aċċess sħiħ u komplet għad-data personali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet jew libertajiet ta’ ħaddieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien hemm lok li jitqiegħdu f’bilanċ id-drittijiet u l-libertajiet inkwistjoni. Sa fejn possibbli, għandhom jintgħażlu l-modalitajiet ta’ komunikazzjoni tad-data personali li ma jippreġudikawx id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ ħaddieħor, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx iwasslu biex tiċċaħħad kull komunikazzjoni ta’ informazzjoni lil persuna kkonċernata.

Wara dan kollu, il-Qorti tal-Ġustizzja iddur għall-kwistjoni li jsir magħruf xi jkopri l-kunċett ta’ “informazzjoni” msemmi fit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD. Għalkemm din id-dispożizzjoni ma kinitx tippreċiża dak li jinftiehem bil-kelma “informazzjoni”, mill-kuntest tagħha jirriżulta li l-“informazzjoni” li hija ssemmi tikkorrispondi neċessarjament mad-data personali li tagħha l-kontrollur kellu jipprovdi kopja konformement mal-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.


( 1 ) Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

( 2 ) Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, meta l-persuna kkonċernata ressqet it-talba tagħha permezz ta’ mezzi elettroniċi, l-informazzjoni kienet ipprovduta taħt forma elettronika b’użu kurrenti, sakemm il-persuna kkonċernata ma talbietx b’mod ieħor.

( 3 ) Iktar preċiżament il-premessi 58 u 60 u l-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament.

Góra