This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0045
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Settembru 2022.
Banka Slovenije vs Državni zbor Republike Slovenije.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema Ewropea ta’ banek ċentrali – Bank Ċentrali nazzjonali – Direttiva 2001/24/KE – Riorganizzazzjoni u stralċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni – Artikolu 123 TFUE u Artikolu 21.1 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Projbizzjoni tal-finanzjament monetarju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro – Artikolu 130 TFUE u Artikolu 7 ta’ dan il-protokoll – Indipendenza – Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali.
Kawża C-45/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Settembru 2022.
Banka Slovenije vs Državni zbor Republike Slovenije.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema Ewropea ta’ banek ċentrali – Bank Ċentrali nazzjonali – Direttiva 2001/24/KE – Riorganizzazzjoni u stralċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni – Artikolu 123 TFUE u Artikolu 21.1 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Projbizzjoni tal-finanzjament monetarju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro – Artikolu 130 TFUE u Artikolu 7 ta’ dan il-protokoll – Indipendenza – Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali.
Kawża C-45/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:670
Kawża C‑45/21
Banka Slovenije
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Ustavno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja))
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑13 ta’ Settembru 2022
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema Ewropea ta’ banek ċentrali – Bank Ċentrali nazzjonali – Direttiva 2001/24/KE – Riorganizzazzjoni u stralċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni – Artikolu 123 TFUE u Artikolu 21.1 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Projbizzjoni tal-finanzjament monetarju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro – Artikolu 130 TFUE u Artikolu 7 ta’ dan il-protokoll – Indipendenza – Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali”
Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sistema Ewropea ta’ banek ċentrali – Projbizzjoni tal-finanzjament monetarju – Tħassir ta’ strumenti finanzjarji minn bank ċentrali nazzjonali skont miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Responsabbiltà ta’ dan il-bank ċentrali, bil-fondi tiegħu stess, minħabba l-ksur tar-regoli imposti fuqu fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjoni
(Artikolu 123(1) TFUE; Protokoll Nru 4 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikoli 14.4, 21.1 u 35.3; Regolament tal-Kunsill Nru 3603/93, Artikolu 1(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/24)
(ara l-punti 47, 52 sa 57, 61, 67, 68, 71 sa 75, 79, u d-dispożittiv 1)
Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sistema Ewropea ta’ banek ċentrali – Projbizzjoni tal-finanzjament monetarju – Tħassir ta’ strumenti finanzjarji minn bank ċentrali nazzjonali skont miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Responsabbiltà ta’ dan il-bank ċentrali, bil-fondi tiegħu stess, għad-danni subiti minn ċerti detenturi preċedenti li kellhom strumenti finanzjarji mill-fatt biss ta’ dan it-tħassir – Inammissibbiltà – Limitu tar-responsabbiltà – Assenza ta’ effett
(Artikolu 123(1) TFUE; Protokoll Nru 4 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikolu 21.1; Regolament tal-Kunsill Nru 3603/93, Artikolu 1(1))
(ara l-punti 84 sa 86, u d-dispożittiv 2)
Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Sistema Ewropea ta’ banek ċentrali – Indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali – Tħassir ta’ strumenti finanzjarji minn bank ċentrali nazzjonali skont miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Responsabbiltà ta’ dan il-bank ċentrali għad-danni kkawżati minn dan it-tħassir għal ammont li jista’ jaffettwa l-kapaċità tiegħu li jissodisfa b’mod effikaċi l-kompiti tiegħu – Inammissibbiltà
(Artikoli 127(2), 130 u 282(3) TFUE; Protokoll Nru 4 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikoli 3.1, 7 u 14.4)
(ara l-punti 95 sa 101, 104, 106, u d-dispożittiv 3)
Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Istituzzjonijiet ta’ kreditu – Riorganizzazzjoni u stralċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Direttiva 2001/24 – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Obbligu ta’ sigriet professjonali – Portata – Informazzjoni miksuba jew iġġenerata waqt l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u li ma kinitx is-suġġett ta’ proċeduri ta’ informazzjoni jew ta’ konsultazzjoni – Esklużjoni
(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/24, Artikolu 33, 2006/48, Artikoli 44 sa 52, u 2013/36, Artikoli 53 sa 62)
(ara l-punti 116, 118, 122 sa 24, u d-dispożittiv 4)
Sunt
Wara l-kriżi finanzjarja dinjija, dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali awtorizzaw lill-Banka Slovenije (il-Bank Ċentrali tas-Slovenja) li jħassar ċerti strumenti finanzjarji meta ż-żamma tagħhom toħloq riskju ta’ falliment għal istituzzjoni ta’ kreditu u thedded is-sistema finanzjarja fl-intier tagħha ( 1 ). Sussegwentement, liġi stabbilixxiet żewġ sistemi ta’ responsabbiltà distinti u alternattivi ta’ dan il-bank ċentrali għal danni kkawżati lid-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji mħassra.
Minn naħa, din ir-responsabbiltà tista’ tiġi kkonfermata meta jiġi stabbilit li t-tħassir ta’ strument finanzjarju ma kienx jikkostitwixxi miżura neċessarja jew li l-prinċipju li ebda kreditur ma jista’ jkun iktar żvantaġġat ħlief f’każ ta’ falliment ikun ġie miksur. Il-Bank Ċentrali tas-Slovenja madankollu jista’ jevita r-responsabbiltà tiegħu billi jipprova li huwa jew il-persuni li kien awtorizza jaġixxu f’ismu kienu aġixxew bid-diliġenza meħtieġa. Min-naħa l-oħra, il-persuni fiżiċi detenturi ta’ strument finanzjarju mħassar u li d-dħul annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell jistgħu jiksbu minn dan il-bank ċentrali l-ħlas ta’ kumpens fuq bażi ta’ somma f’daqqa.
Il-liġi tipprevedi li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawn is-sistemi ta’ responsabbiltà jiġu ffinanzjati, qabelxejn, permezz tal-użu ta’ riżervi speċjali li magħhom huma allokati l-profitti magħmula mill-Bank Ċentrali tas-Slovenja mill-1 ta’ Jannar 2019, sussegwentement bl-użu tar-riżervi ġenerali tiegħu, sa 50 % tagħhom, u, fl-aħħar nett, minn self mingħand awtoritajiet Sloveni.
Il-Bank Ċentrali tas-Slovenja ressaq talba għal stħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ din il-liġi quddiem l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja), billi sostna, fost l-oħrajn, l-inkompatibbiltà tas-sistemi ta’ responsabbiltà li din tistabbilixxi mad-dritt tal-Unjoni. Huwa f’dan il-kuntest li din il-qorti ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn is-sistemi ma’ żewġ prinċipji fundamentali li jfasslu l-azzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), jiġifieri l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju ( 2 ) u l-prinċipju ta’ indipendenza tal-banek ċentrali ( 3 ).
Permezz tas-sentenza tagħha, mogħtija fl-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju ma tipprekludix sistema ta’ responsabbiltà marbuta mal-ksur, minn bank ċentrali, ta’ regoli li jfasslu l-eżerċizzju ta’ funzjoni li kienet ġiet attribwita lilu mid-dritt nazzjonali, sa fejn dan il-bank ċentrali jitqies responabbli biss meta huwa stess jew il-persuni li jkun awtorizza li jaġixxu f’ismu jkunu aġixxew bi ksur serju tal-obbligu ta’ diliġenza tagħhom. Min-naħa l-oħra, din il-projbizzjoni tipprekludi sistema li fiha r-responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali tittieħed unikament minħabba t-tħassir ta’ strumenti finanzjarji. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ indipendenza jipprekludi sistema ta’ responsabbiltà li tista’ timplika li bank ċentrali nazzjonali jinżamm responsabbli għal ammont li jista’ jaffettwa l-kapaċità tiegħu li jissodisfa b’mod effikaċi l-kompiti tiegħu u li huwa ffinanzjat skont il-modalitajiet imsemmija iktar ’il fuq.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kompatibbiltà ta’ sistemi ta’ responsabbiltà bħal dawk imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata qabelxejn li l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, fis-sens tad-Direttiva 2001/24 ma tikkostitwixxix kompitu li jaqa’ fuq is-SEBĊ, b’mod ġenerali, jew fuq il-banek ċentrali nazzjonali, b’mod partikolari. Fil-fatt, is-SEBĊ tirrappreżenta, fid-dritt tal-Unjoni, kostruzzjoni ġuridika oriġinali li tassoċja u toħloq kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali, jiġifieri l-banek ċentrali nazzjonali, kif ukoll istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew. F’din is-sistema integrata ħafna, fejn dawn jikkostitwixxu kemm awtoritajiet nazzjonali kif ukoll awtoritajiet li jaġixxu fil-kuntest tas-SEBĊ, il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jeżerċitaw funzjonijiet differenti minn dawk li huma speċifikati fil-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE ( 4 ). Madankollu tali funzjonijiet huma eżerċitati taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess, billi l-modalitajiet konkreti għat-teħid ta’ din ir-responsabbiltà huma stabbiliti skont id-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà tal-bank ċentrali tiegħu tista’ tiġi kkonfermata minħabba l-implimentazzjoni, minnu, ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, fil-każ fejn dan il-bank ċentrali jkun ġie maħtur bħala l-awtorità kompetenti sabiex timplimenta tali miżura. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.
F’dan ir-rigward, id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi lill-banek ċentrali nazzjonali milli jiffinanzjaw kwalunkwe obbligu tas-settur pubbliku fir-rigward ta’ terzi. Issa, ma jistax jiġi eskluż li t-teħid tar-responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali, bil-fondi tiegħu stess, minħabba l-eżerċizzju ta’ funzjoni li kienet ġiet attribwita lilu mid-dritt nazzjonali jista’ jitqies bħala li jwassal għal tali finanzjament. Madankollu, it-teħid ta’ tali responsabbiltà ma jistax jitqies li jikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi kollha, tali finanzjament.
Għalhekk, it-teħid tar-responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali meta dan ikun kiser ir-regoli li jfasslu l-eżerċizzju ta’ funzjoni li kienet ġiet attribwita lilu mid-dritt nazzjonali ma jistax, bħala prinċipju, jitqies bħala li jimplika finanzjament ta’ obbligi tas-settur pubbliku fir-rigward ta’ terzi. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, il-kumpens ta’ terzi leżi jikkostitwixxi l-konsegwenza ta’ aġir ta’ dan il-bank ċentrali u mhux it-teħid ta’ responsabbiltà għal obbligu preeżistenti fir-rigward ta’ terzi li jaqa’ fuq l-awtoritajiet pubbliċi l-oħra. Barra minn hekk, tali finanzjament normalment ma jirriżultax direttament minn miżuri stabbiliti minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi l-oħra u għalhekk bħala prinċipju ma jippermettix lil dawn tal-aħħar li jwettqu nfiq billi jevitaw it-tħeġġiġ għall-osservanza ta’ politika baġitarja b’saħħitha ( 5 ). Fid-dawl ta’ dan, fir-rigward tal-livell għoli ta’ kumplessità u ta’ urġenza li jikkaratterizza l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/24, tali responsabbiltà ma tistax tiġi applikata mingħajr ma jkun meħtieġ li l-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza li l-bank ċentrali ikun akkużat bih ikun serju.
Min-naħa l-oħra, sistema ta’ responsabbiltà li tapplika biss minħabba l-fatt li l-bank ċentrali nazzjonali eżerċita funzjoni attribwita lilu mid-dritt nazzjonali, anki jekk huwa kkonforma ruħu b’mod sħiħ mar-regoli imposti fuqu, timplika l-finanzjament ta’ obbligu tas-settur pubbliku fir-rigward ta’ terzi. Fil-fatt, għalkemm il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jiggarantixxi kumpens għall-konsegwenzi inevitabbli tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bank ċentrali tiegħu b’mod konformi mal-għażliet magħmula minn dan il-leġiżlatur, għandu jiġi kkonstatat li b’hekk huwa jistabbilixxi obbligu ta’ ħlas li jirriżulta direttament mill-għażliet politiċi tiegħu, u mhux mill-mod li bih il-bank ċentrali jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Il-ħlas, bil-fondi tiegħu stess, ta’ tali kumpens mill-bank ċentrali nazzjonali għandu, għaldaqstant, jitqies bħala li jwassal lil dan tal-aħħar li jieħu responsabbiltà, minflok awtoritajiet pubbliċi oħra, mill-finanzjament ta’ obbligi li jaqgħu fuq is-settur pubbliku skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ħaġa li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-portata tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali fil-każ tat-teħid tar-responsabbiltà tagħhom għal ammont li jista’ jaffettwa l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw b’mod effikaċi l-kompiti tagħhom. Ċertament, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ funzjoni li kienet ġiet attribwita lilhom mid-dritt nazzjonali ma huwiex, fih innifisu, inkompatibbli mal-indipendenza tal-banek ċentrali. Madankollu, ir-regoli nazzjonali stabbiliti għal dan il-għan ma jistgħux iqiegħdu lill-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat f’sitwazzjoni li tikkomprometti, bi kwalunkwe mod, il-kapaċità tiegħu li jwettaq b’mod indipendenti kompitu li jaqa’ taħt is-SEBĊ.
Issa, sabiex ikun hemm parteċipazzjoni f’wieħed mill-kompiti fundamentali tas-SEBĊ, jiġifieri l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, il-kostituzzjoni ta’ riżervi mill-banek ċentrali nazzjonali tidher indispensabbli. F’dan il-kuntest, imposta fuq ir-riżervi ġenerali ta’ bank ċentrali nazzjonali, ta’ ammont li jista’ jaffettwa l-kapaċità tiegħu li jissodisfa b’mod effikaċi l-kompiti tiegħu skont is-SEBĊ, flimkien ma’ inkapaċità li jirrikostitwixxi dawn ir-riżervi b’mod awtonomu, minħabba allokazzjoni sistematika tal-profitti kollha tiegħu għar-rimbors tad-dannu li huwa kkawża, hija ta’ natura li tqiegħed lil dan il-bank ċentrali f’sitwazzjoni ta’ dipendenza fir-rigward tal-awtoritajiet politiċi, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Dan japplika b’mod partikolari meta bank ċentrali nazzjonali jkun legalment marbut li li jieħu self mingħand awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istat Membru li jaqa’ taħtu, meta sorsi ta’ finanzjament marbuta ma’ riżervi jkunu eżawriti.
Peress li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha preċiżament dawn il-karatteristiċi, hija tesponi potenzjalment lill-bank ċentrali għal pressjonijiet politiċi, filwaqt li l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE huma intiżi, għall-kuntrarju, sabiex iħarsu lis-SEBĊ minn kull pressjoni politika sabiex tkun tista’ ssegwi b’mod effettiv l-għanijiet assenjati għall-kompiti tagħha, permezz tal-eżerċizzju indipendenti tas-setgħat speċifiċi li hija għandha għal dan il-għan skont id-dritt primarju.
( 1 ) Dawn huma miżuri ta’ riorganizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni darbtejn f’kuntest relatat ma’ dawn il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni Sloveni u l-implimentazzjoni tagħhom, iżda dwar kwistjonijiet differenti ħafna minn dawk inkwistjoni f’din il-kawża (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030)).
( 2 ) Stabbilit fl-Artikolu 123 TFUE u fl-Artikolu 21 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE”).
( 3 ) Jirriżulta mill-Artikolu 130 TFUE u mill-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE
( 4 ) Konformement mal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE.
( 5 ) Kuntrarjament għall-għan tal-Artikolu 123(1) TFUE.