Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0157

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Identifikazzjoni tal-punti ta’ liġi tal-Unjoni rilevanti

(Artikolu 267 TFUE)

2. Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Żvantaġġi li jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali tal-Istati Membri — Ammissibbiltà —Kundizzjoni — Assenza ta’ diskriminazzjoni

(Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE)

3. Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Sistema ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika fuq id-dħul, miġbura taħt forma ta’ interessi, miksuba fi Stat Membru ieħor

(Trattat KEE, Artikolu 67 (li sar l-Artikolu 67 tat-Trattat KE, imħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam); Artikolu 63 TFUE u 65 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 88/361, Artikolu 1)

Summary

1. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali istitwita mill-Artikolu 267 TFUE, hija kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domanda li ġiet sottomessa lilha. Bl-istess mod, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li minnha toriġina domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha bżonn tieħu inkunsiderazzjoni regoli ta’ dritt tal-Unjoni li għalihom ma jkunx sar riferiment mill-qorti nazzjonali fid-domandi preliminari tagħha.

(ara l-punti 18, 19)

2. Fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqa’ jkollhom il-kompetenza sabiex jiddeterminaw, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom, sabiex, b’mod partikolari, tiġi eliminata t-taxxa doppja. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja, billi japplikaw, b’mod partikolari, il-kriterji segwiti fil-prassi fiskali internazzjonali. L-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali tal-Istati Membri differenti, sakemm dan l-eżerċizzju ma jkunx diskriminatorju, ma humiex restrizzjonijiet tal-moviment liberu. B’hekk, għalkemm l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jadattaw is-sistema fiskali tagħhom għas-sistemi differenti ta’ taxxa tal-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari bil-għan li jeliminaw it-taxxi doppji, a fortiori dawn l-Istati ma għandhomx l-obbligu li jadattaw il-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom sabiex jippermettu lil persuna taxxabbli tibbenefika minn benefiċċju fiskali mogħti minn Stat Membru ieħor fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi fiskali tiegħu, sa fejn il-leġiżlazzjoni tagħhom ma hijiex diskriminatorja.

(ara l-punti 31, 38, 39)

3. L-Artikolu 67 tat-Trattat KEE u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 88/361, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam], ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest tat-taxxa fuq il-kumpanniji u fost ir-regoli intiżi għal ħelsien minn taxxa doppja, tipprojbixxi li jitnaqqas l-ammont tat-taxxa dovuta fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea fuq dħul magħmul fit-territorju tagħhom u li jaqa’ taħt din it-taxxa meta, minkejja li huma dovuti, dawn l-ammonti ma jitħallsux, minħabba eżenzjoni, jew tnaqqis, jew minħabba benefiċċju fiskali ieħor, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tkunx diskriminatorja meta mqabbla mat-trattament li għaliha huma suġġetti l-interessi miksuba fl-imsemmi Stat Membru, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

(ara l-punt 46 u d-dispożittiv)

Top