Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0464

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Effett tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni

    (Artikolu 87(3) KE)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE — Għajnuna għall-investiment fis-settur agrikolu

    (Artikolu 33 KE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 KE u Artikolu 87(3)(ċ) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2000/C 28/02)

    Summary

    1. Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kumplessi, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. Meta tadotta regoli ta’ kondotta u meta tiddikjara, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha awtomatikament fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali msemmija u ma tistax twarrab dawn ir‑regoli taħt il-piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħat-trattament ugwali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Minn dan isegwi li, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida u bil-komunikazzjonijiet li tadotta, sa fejn jew sakemm dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat.

    (ara l-punti 46, 47)

    2. Il‑Kummissjoni tista’ tikkunsidra bħala inkompatibbli mas-suq komuni miżura intiża għall-iżvilupp ta’ reġjun jew ta’ attività meta din tingħata f’settur, bħal dak tal-ipproċessar ta’ prodott agrikolu, li fih kull żieda tal‑produzzjoni fin-nuqqas ta’ ftuħ normali tista’ tbiddel il-kummerċ intrakomunitarju sal-punt li tmur kontra l-interess komuni, irrispettivament mill-effetti pożittivi fir-reġjun tal-attività kkonċernata.

    Fil-fatt, l-Artikolu 87(3)(ċ) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, meta għajnuna tingħata f’suq li fih hemm kapaċità produttiva ogħla minn dak li hu meħtieġ, din l-għajnuna tkun ta’ natura li tbiddel il‑kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tmur kontra l-interess komuni.

    Il-fatt li għajnuna jkollha wkoll effetti pożittivi għar-reġjun jew għas‑settur ekonomiku kkonċernat ma jimplikax neċessarjament li din għandha tiġi kkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, mill-Artikolu 87(3)(ċ) KE jirriżulta li, meta l-miżura ta’ għajnuna tbiddel il‑kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li din tmur kontra l-interess komuni, hija ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, irrispettivament mill-effetti pożittivi li hija tipproduċi. Madankollu, fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kummerċ, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull karatteristika tal-miżura u tas-suq ikkonċernati.

    Din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju tapplika wkoll għall-għajnuna fis-settur agrikolu. Fil-fatt, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 KE, li jirrikonoxxi s-supremazija tal-politika agrikola fuq l-għanijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni, jirriżulta li l-applikazzjoni eventwali f’dan il‑qasam tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat hija suġġetta għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 33 KE, jiġifieri l‑għanijiet tal-politika agrikola komuni. Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija f’dan is-settur, il‑Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi ta’ din il‑politika li jikkorrispondu għal dawk tas-suq komuni fit-totalità tiegħu. Fost dawn l‑eżiġenzi jinsab il-kontroll tal-produzzjoni.

    Minn dan isegwi li r-regoli ta’ kondotta li jinsabu fil-punt 4.2.5 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra inkompatibbli mas-suq komuni għajnuna għall-investiment marbuta mal-ipproċċessar u l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli mogħtija fin-nuqqas ta’ ftuħ normali, huma konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u b’mod partikolari mal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, applikat b’osservanza tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni.

    (ara l-punti 48-53)

    Top