Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0290

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Appell — Aggravji — Aggravju bbażat fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ diliġenza tal-istituzzjonijiet — Kwistjoni ta’ liġi

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

4. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Eżami diliġenti u imparzjali

(Artikolu 88(2) KE)

5. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni tal-legalità skont l-elementi ta’ informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

Summary

1. Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali tistax tikkonkludi, fuq il-bażi tal-fatti ppreżentati quddiemha, li l-istituzzjonijiet Komunitarji naqsux jew le mid-dmir tagħhom tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

(ara l-punt 62)

2. Fir-rigward tal-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika valutazzjonijiet ta’ natura ekonomika li għandhom iseħħu fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni minn stħarriġ tal-interpretazzjoni li saret mill-Kummissjoni tad-data ta’ natura ekonomika.

Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha.

Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha b’dik tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li jillimita ruħu għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 64-66)

3. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ ta’ art minn awtorità pubblika lil persuna privata jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tapplika l-kriterju ta’ investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq, sabiex jiġi vverifikat jekk il-prezz imħallas mill-benefiċjarju preżunt tal-għajnuna jikkorrispondix mal-prezz li investitur privat, li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, seta’ jiffissa. Inġenerali, l-użu ta’ dan il-kriterju jimplika minn naħa tal-Kummissjoni evalwazzjoni ekonomika komplessa.

F’każ bħal dan, il-Qorti Ġenerali tkun eċċediet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, jekk hija tkun sempliċement illimitat ruħha li tiddeċiedi li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza mingħajr ma wriet li l-elementi b’hekk injorati setgħu jwasslu għal evalwazzjoni differenti fir-rigward tal-valutazzjoni tal-ammont tal-għajnuna u jekk hija tonqos milli turi li billi tagħmel dan, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 68-72)

4. Il-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat, li twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-informazzjoni l-iktar kompluta u affidabbli possibbli għal dan il-għan.

Il-Kummissjoni mhix obbligata la li tikkunsidra d-dokumenti li ma ġewx fornuti lilha fil-proċedura amministrattiva, iżda li waslu għandha fi ħdan terminu estiż eċċezzjonalment, anki fit-tmiem tiegħu, u li, b’hekk, jikkontjenu biss affermazzjonijiet vagi, u lanqas li terġa’ tiftaħ il-proċedura ta’ eżami.

(ara l-punti 90, 95)

5. Il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha.

(ara l-punt 91)

Top