This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0582
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Rimbors tat-taxxa lill-persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni
(Direttivi tal-Kunsill 86/560, Artikolu 2(1), u 2006/112, Artikoli 169(ċ), 170 u 171)
Ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 169 sa 171 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, u taħt l-Artikolu 2(1) tat-Tlettax-il Direttiva 86/560, fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus, Stat Membru li jeskludi r-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u tat-tranżazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 169(ċ) tad-Direttiva 2006/112, imwettqa minn persuni taxxabbli li ma jkunux stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni.
Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tat-Tlettax-il Direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tagħha, li ma jagħmilx riferiment għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 169(ċ) tad-Direttiva 2006/112, għandhom jiġu kkunsidrati bħala lex specialis fil-konfront tal-Artikoli 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112, b’tali mod li jipprekludu li d-dritt għar-rimbors stabbilit f’termini ġenerali fl-imsemmi Artikolu 170 jista’ jipprevali fuq il-formulazzjoni ċara u preċiża tal-Artikolu 2(1) tat-Tlettax-il Direttiva.
Jekk jitqies li n-nuqqas ta’ riferiment għall-Aritkolu 169(ċ) tad-Direttiva 2006/112 huwa żball min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti interpretazzjoni intiża li tikkoreġi l-Artikolu 2(1) imsemmi iktar ’il fuq. Barra minn hekk, Stat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu tkun konformi mal-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ dan l-Artikolu 2(1), ma jistax jiġi kkritikat li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt, preċiżament, din id-dispożizzjoni minħabba li naqas milli jagħmel interpretazzjoni intiża li tikkoreġi din id-dispożizzjoni bil-għan li tkun konformi mal-loġika ġenerali tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u bil-għan li jiġi rrimedjat żball tal-leġiżlatur Komunitarju. F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’ċertezza l-portata tal-obbligi li timponilhom. L-individwi għandhom effettivament jistgħu jkunu jafu, mingħajr ambigwità, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-passi tagħhom fid-dawl ta’ dawn id-drittijiet u obbligi. Dan il-prinċipju huwa rilevanti wkoll fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttiva li tikkonċerna l-qasam fiskali. Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara u preċiża tal-Artikolu 2(1) imsemmi iktar ’il fuq, ma tistax tingħata interpretazzjoni li tkun intiża sabiex tiġi kkoreġuta din id-dispożizzjoni u sabiex b’hekk jiġu estiżi l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minnha.
(ara l-punti 35, 46, 48-51)