Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0492

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi

    (Artikoli 96 u 98(2), u punt 15 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112)

    Summary

    Stat Membru li japplika rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud għas-servizzi pprovduti mill-avukati, mill-avukati tal-Conseil d’État u tal-Cour de cassation u mill-prokuraturi legali, li għalihom jitħallsu totalment jew parzjalment mill-Istat fil-kuntest tal-għajnuna legali, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 96 u 98(2) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

    Fil-fatt, il-punt 15 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, li għalih jirreferi l-Artikolu 98(2) ta’ din l-istess direttiva, jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud mhux għas-servizzi kollha pprovduti li jkunu ta’ natura soċjali, iżda biss għal dawk ipprovduti minn organizzazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżit doppju li jkunu huma stess dedikati għall-benesseri soċjali u li jkunu impenjati f’xogħol ta’ assistenza u ta’ sigurtà soċjali. Għaldaqstant, sabiex jiġu osservati l-kliem tal-imsemmi punt 15, Stat Membru ma jistax japplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvista ta’ servizzi minn entitajiet privati bi skop ta’ lukru biss abbażi tal-evalwazzjoni tan-natura ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għanijiet ta’ dawn l-entitajiet ikkunsidrati fil-globalità tagħhom u l-istabbiltà tal-impenn soċjali tagħhom.

    Fid-dawl tal-għanijiet globali tagħha u tan-nuqqas ta’ stabbiltà ta’ impenn soċjali eventwali, il-kategorija professjonali tal-avukati u tal-prokuraturi legali b’mod ġenerali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ddedikata għall-benesseri soċjali. B’hekk, li kieku kellu jitqies li s-servizzi pprovduti minn dawn l-avukati u prokuraturi legali fil-kuntest tal-għajnuna legali għandhom natura soċjali u jistgħu jiġu kkwalifikati bħala impenn “fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali”, din iċ-ċirkustanza ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż, f’dan il-każ, li l-imsemmija avukati u prokuraturi legali jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala dedikati għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali” fis-sens tal-punt 15 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112.

    (ara l-punti 43, 45-47, 49 u d-dispożittiv)

    Top