This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0350
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-350/07
Kattner Stahlbau GmbH
vs
Maschinenbau- und Metall- Berufsgenossenschaft
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sächsisches Landessozialgericht)
“Kompetizzjoni — Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE — Affiljazzjoni obbligatorja ma’ korp li jipprovdi assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol — Kunċett ta’ ‘impriża’ — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 49 KE u 50 KE — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Riskju ta’ ħsara serja għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fit-18 ta’ Novembru 2008 I ‐ 1516
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Marzu 2009 I ‐ 1538
Sommarju tas-sentenza
Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Impriża – Kunċett – Korp li jipprovdi assigurazzjoni obbligatorja kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol
(Artikoli 81 KE u 82 KE)
Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol – Ġustifikazzjoni minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali – Bilanċ finanzjarju ta’ qasam tas-sigurtà soċjali
(Artikoli 49 KE u 50 KE)
Assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni, li l-impriżi ta’ qasam ta’ attività u ta’ territorju speċifiku għandhom l-obbligu li jkunu affiljati magħha skont l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, ma tikkostitwixxix impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, iżda għandha funzjoni ta’ natura esklużivament soċjali b’mod li din taħdem fil-kuntest ta’ sistema li timplementa l-prinċipju tas-solidarjetà u li din is-sistema hija suġġetta għall-kontroll tal-Istat. Iċ-ċirkustanza li, l-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni tipprovdi direttament is-servizzi ta’ assigurazzjoni mhijiex, bħala tali, ta’ natura li taffettwa n-natura purament soċjali ta’ din il-funzjoni, sa fejn din ma taffettwax la n-natura ta’ solidarjetà ta’ din is-sistema u lanqas il-kontroll imwettaq mill-Istat fuq din.
Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura ta’ solidarjetà ta’ din is-sistema ta’ assigurazzjoni, din hija sodisfatta billi hija ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet li r-rata tagħhom mhijiex sistematikament proporzjonata mar-riskju assigurat u li l-valur tas-servizzi pprovduti mhuwiex bilfors proporzjonali għar-remunerazzjoni tal-assigurat. Mhumiex ta’ natura li jqiegħdu lura fid-diskussjoni n-natura ta’ solidarjetà li għandu l-finanzjament la l-fatt li din is-sistema hija implementata mhux biss minn korp wieħed, iżda minn numru fuq bażi settorjali u/jew ġeografika, u fl-aħħar nett, lanqas mill-fatt li dawn il-korpi jistgħu jiddeċiedu li jiffissaw kontribuzzjoni minima uniformi.
F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar il-kontroll eżerċitat mill-Istat, il-fatt li jingħata marġni ta’ manuvra lil assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni fil-kuntest ta’ sistema mmexxija minnhom stess, sabiex jistabbilixxu elementi li jiddeterminaw l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ servizzi mhijiex, suxxettibbli li temenda n-natura tal-attività mwettqa minn dawn l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni, sa fejn din il-marġni ta’ manuvra hija prevista u strettament irregolata mil-liġi, u sa fejn dawn tal-aħħar huma taħt is-sorveljanza tal-Istat.
(ara l-punti 44, 50-55, 61, 62, 64-68 u d-dispożittiv 1)
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, li għandha għan soċjali, u li topera skont sistema li timplementa l-prinċipju tas-solidarjetà u li hija suġġetta għall-kontroll tal-Istat, hija suxxettibbli li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi tostakola jew tagħmel inqas attraenti, jew ukoll twaqqaf, direttament jew indirettament, l-eżerċizzju ta’ din il-libertà, mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jixtiequ jipproponu kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru riskji bħal dawn fl-Istat Membru kkonċernat, u minn impriżi suġġetti għal din is-sistema milli jindirizzaw lil fornituri bħal dawn. Madankollu, leġiżlazzjoni bħal din tirriżulta minħabba f’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bil-għan illi tassigura l-bilanċ finanzjarju ta’ qasam tas-sigurtà soċjali, billi l-obbligu ta’ affiljazzjoni, li jassigura r-raggruppament flimkien tal-impriżi taħt is-sistema kkonċernata fil-komunità tar-riskji, jippermetti l-implementazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikoli 49 KE u 50 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni bħal din, sakemm din is-sistema ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jassigura bilanċ finanzjarju ta’ qasam tas-sigurtà soċjali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.
F’dan ir-rigward, il-fatt li s-sistema toffri kopertura minima, b’mod li, minkejja l-obbligu tagħha ta’ affiljazzjoni, huwa possibbli għall-impriżi li jikkompletaw din il-kopertura billi jidħlu f’assigurazzjonijiet supplimentari, dejjem jekk dawn ikunu disponibbli fuq is-suq, tikkostitwixxi fattur favur il-proporzjonalità.
(ara l-punti 77, 82-89 u d-dispożittiv 2)