Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0205

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-205/07

    Proċeduri kriminali

    kontra

    Lodewijk Gysbrechts

    u

    Santurel Inter BVBA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Gent)

    “Artikoli 28 KE sa 30 KE — Direttiva 97/7/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod — Terminu għall-irtirar mill-kuntratt — Projbizzjoni li jintalab mingħand il-konsumatur ħlas akkont jew pagament qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2008   I ‐ 9949

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 9979

    Sommarju tas-sentenza

    Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Kunċett

    (Artikolu 29 KE; Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 97/7, Artikolu 6)

    L-Artikolu 29 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-fornitur, fil-kuntest ta’ bejgħ mill-bogħod transkonfinali, li jitlob ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor mingħand il-konsumatur qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar, iżda jipprekludi li, b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, ikun ipprojbit, qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu, li jintalab in-numru tal-karta ta’ kreditu tal-konsumatur.

    Fil-fatt, tali projbizzjoni magħmula lill-fornitur, anki jekk dan jintrabat li ma jużax il-karta ta’ kreditu qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu sabiex jiġbed il-pagament, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni. Ġeneralment, din il-projbizzjoni għandha konsegwenzi iktar sinjifikattivi fil-bejgħ transkonfinali li jsir direttament lill-konsumatur, b’mod partikolari, fil-bejgħ magħmul permezz tal-Internet, u dan b’mod partikolari minħabba l-ostakoli għal proċedimenti legali fi Stat Membru ieħor kontra konsumaturi li ma jħallsux, iktar u iktar fil-każ ta’ bejgħ li jirrigwarda ammonti relattivament żgħar. Din il-projbizzjoni, anki jekk applikabbli għall-operaturi kollha attivi fit-territorju nazzjonali, madankollu taffettwa iktar il-prodotti ħerġin mis-suq tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni milli l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq domestiku tal-imsemmi Stat Membru.

    Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ tali miżura bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi, il-projbizzjoni li jintalab ħlas akkont tal-prezz tidher xierqa u proporzjonata sabiex tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ rtirar. F’dan ir-rigward, minn naħa, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fir-rispett tad-dritt Kommunitarju, kif għandu jinqasam bejn il-fornitur u l-konsumatur ir-riskju ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni li jeżisti fil-kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod minħabba d-diskrepanza bejn l-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali ta’ kull waħda mill-partijiet. Min-naħa l-oħra, anki jekk, il-projbizzjoni li jintalab ħlas matul it-terminu għall-irtirar iżżid l-inċertezza tal-fornituri fir-rigward tal-ħlas tal-prezz tal-merkanzija mibgħuta, tidher madankollu neċessarja sabiex tiżgura livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur. Fil-fatt, il-konsumatur li jkun ħallas minn qabel lill-fornitur ikun inqas lest li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar, anki jekk il-prodotti mibgħuta ma jissodisfawx kompletament l-eżiġenzi tiegħu.

    Min-naħa l-oħra, l-uniku effett tal-projbizzjoni li jitlob in-numru tal-karta ta’ kreditu lill-konsumatur huwa li jiġi evitat ir-riskju li l-fornitur jiġbed il-prezz qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar. Issa, jekk dan ir-riskju jimmaterjalizza, l-aġir tal-fornitur fih innifsu jikser il-projbizzjoni li jitlob ħlas qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar, b’tali mod li l-projbizzjoni imposta fuq il-fornitur li jitlob in-numru tal-karta ta’ kreditu tal-konsumatur tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

    (ara l-punti 42, 43, 52, 54-56, 60-62 u d-dispożittiv)

    Top