EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0070

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Lulju 2016.
Emmanuel Lebek vs Janusz Domino.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 34(2) — Konvenut li ma jidhirx għall-proċeduri — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Motivi tar-rifjut — Assenza ta’ notifika fi żmien xieraq tal-att promotur lill-konvenut kontumaċi — Kunċett ta’ ‘proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza’ — Talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 19(4) — Notifika tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Terminu li fih it-talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza hija ammissibbli.
Kawża C-70/15.

Court reports – general

Kawża C‑70/15

Emmanuel Lebek

vs

Janusz Domino

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 34(2) — Konvenut li ma jidhirx għall-proċeduri — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Motivi tar-rifjut — Assenza ta’ notifika fi żmien xieraq tal-att promotur lill-konvenut kontumaċi — Kunċett ta’ ‘proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza’ — Talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 19(4) — Notifika tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Terminu li fih it-talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza hija ammissibbli”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Lulju 2016

  1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi tar-rifjut – Assenza ta’ notifika fi żmien xieraq tal-att promotur lill-konvenut kontumaċi – Kunċett ta’ ‘proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza’ li jistgħu jitressqu kontra d-deċiżjoni li tagħha tintalab l-eżekuzzjoni – Talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1393/2007, Artikolu 19(4); Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 34(2))

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji – Regolament Nru 1393/2007 – Konvenut kontumaċi – Talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza mressqa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ammissibbiltà previst għat-tressiq tagħha – Inammissibbiltà – Inapplikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet iktar wiesgħa tad-dritt nazzjonali

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1393/2007, Artikolu 19(4))

  1.  Il-kunċett ta’ proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza, li jinsab fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi ukoll it-talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, meta t-terminu sabiex jiġi ppreżentat appell ordinarju jkun skada.

    Fil-fatt, l-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-regolament ma jimplikax li l-konvenut huwa marbut li jieħu passi ġodda li jmorru lil hinn minn diliġenza normali fid-difiża tad-drittijiet tiegħu, bħal pereżempju li jinforma ruħu dwar il-kontenut ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru iehor. Għal dak li jirrigwarda iktar speċifikament it-talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, din hija intiża sabiex tiżgura r-rispett effettiv, fir-rigward ta’ konvenuti kontumaċi, tad-drittijiet tad-difiża. F’dan il-kuntest, sa fejn il-konvenut, mingħajr ma jkun hemm nuqqas min-naħa tiegħu, ma kienx jaf dwar l-att ikkonċernat fi żmien xieraq sabiex jibda proċedimenti biex jiddisputa l-att, il-motivi tiegħu ma jidhrux totalment infondati u t-talba tiegħu intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza tkun tressqet fi żmien raġonevoli, jiġifieri sa fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, huma ssodisfatti, it-tressiq ta’ talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza ma tistax titqies bħala pass addizzjonali li jmur lil hinn minn diliġenza normali fid-difiża tad-drittijiet tal-konvenut kontumaċi.

    Jekk dan tal-aħħar ma użax id-dritt tiegħu li jitlob l-eżenzjoni mid-dekadenza, minkejja li seta’ jagħmel dan, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007 huma ssodisfatti, ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija kontrih fil-kontumaċja ma jistax jiġi rrifjutat abbażi tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

    Min-naħa l-oħra, sentenza mogħtija fil-kontumaċja ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk il-konvenut kontumaċji, mingħajr ma jkun hemm nuqqas min-naħa tiegħu, ikun ressaq talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, li sussegwentement ġiet miċħuda, minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007 kienu ssodisfatti.

    (ara l-punti 40, 42-47, 49 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-aħħar sentenza tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament Nru 1348/2000, għandha tiġi interpretata fis-sens li din teskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar it-talbiet intiżi għall-eżenzjoni mid-dekadenza, meta t-terminu ta’ ammissibbiltà għat-tressiq ta’ tali talbiet, kif speċifikat fil-komunikazzjoni ta’ Stat Membru li għaliha tirreferi l-imsemmija dispożizzjoni, jkun skada.

    Fil-fatt, interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu li tgħid li tali talba tista’ xorta waħda titressaq f’terminu previst mid-dritt nazzjonali, minkejja li din ma tkunx għadha ammissibbli skont dispożizzjoni vinkolanti u direttament applikabbli tal-imsemmi regolament, tkun tikser kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll is-saħħa vinkolanti marbuta mar-regolamenti tal-Unjoni.

    (ara l-punti 57, 58 u d-dispożittiv 2)

Top