EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0137

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Artikolu 11 – Direttiva 2010/75/UE – Emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis) – Artikolu 25 – Aċċess għall-ġustizzja – Leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali mhux konformi.
Kawża C-137/14.

Court reports – general

Kawża C‑137/14

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2011/92/UE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Artikolu 11 — Direttiva 2010/75/UE — Emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis) — Artikolu 25 — Aċċess għall-ġustizzja — Leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali mhux konformi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2015

  1. Proċedura ġudizzjarja — Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali — Talba intiża sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar il-punti ta’ liġi invokati mill-Avukat Ġenerali — Kundizzjonijiet għal ftuħ mill-ġdid

    (It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 252, TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

  2. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 2011/92 — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2010/75 — Dritt għal azzjoni legali tal-membri tal-pubbliku kkonċernat — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-annullament tal-atti amministrattivi illegali għall-kundizzjoni ta’ ksur ta’ dritt suġġettiv għar-rikorrenti — Kompatibbiltà

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/75, Artikoli 25(1), u 2011/92, Artikolu 11(1))

  3. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 2011/92 — Dritt għal azzjoni legali tal-membri tal-pubbliku kkonċernat — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita dan id-dritt għal kontestazzjonijiet ibbażati fuq l-ommissjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u li jeskluduh f’każ ta’ evalwazzjoni mwettqa iżda irregolari — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikolu 11(1))

  4. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 2011/92 — Dritt għal azzjoni legali tal-membri tal-pubbliku kkonċernat — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Ħsara għal dritt — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi rabta kawżali bejn id-difett proċedurali invokat u s-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata — Limitazzjoni tal-istħarriġ dwar il-mertu — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikolu 11(1))

  5. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 2011/92 — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2010/75 — Dritt għal azzjoni legali tal-membri tal-pubbliku kkonċernat — Leġiżlazzjonijiet nazzjonali li tillimita l-locus standi u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju għal oġġezzjonijiet li diġà ġew prodotti fit-terminu stabbilit matul il-proċedura amministrattiva — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/75, Artikoli 25(1) u (4), u 2011/92, Artikolu 11(1) u (4))

  6. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 2011/92 — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2010/75 — Dritt għal azzjoni legali tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi tal-protezzjoni tal-ambjent — Portata — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tirrikonoxxix dan id-dritt favur l-imsemmija organizzazzjonijiet fir-rigward tal-ksur ta’ regoli li jipproteġu biss l-interessi tal-kollettività — Effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li tipprovdi għal dan id-dritt

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/75, Artikoli 25(3), u 2011/92, Artikolu 11(3))

  7. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 2011/92 — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2010/75 — Dritt għal azzjoni legali tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi tal-protezzjoni tal-ambjent — Applikazzjoni ratione temporis — Applikazzjoni immedjata tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-locus standi u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-proċeduri mibdija qabel din id-data — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/75, Artikolu 25, u 2011/92, Artikolu 11)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 21-23)

  2.  Sa fejn, konformement mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, u mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), il-membri tal-pubbliku kkonċernat għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw rikors ġudizzjarju sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet suġġetti għal dawn id-direttivi, dispożizzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li skontha l-annullament ta’ att amministrattiv illegali jirrikjedi li l-illegalità kkonstatata mill-qorti timplika wkoll il-ksur ta’ dritt suġġettiv tar-rikorrent ma tistax tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttivi.

    Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet msemmija iktar ’il fuq tad-Direttivi 2011/92 u 2010/75, jissuġġettaw l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ppreżentati minn individwi kontra d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal‑aħħar għal kundizzjonijiet, bħar-rekwiżit ta’ ksur ta’ dritt suġġettiv, dawn l-Istati huma wkoll awtorizzati li jipprovdu għall-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva mill-qorti kompetenti li tirrikjedi l-ksur ta’ dritt suġġettiv fir-rigward tar-rikorrent. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur jista’ b’mod partikolari jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu partikolari fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra waħda mid-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 għal drittijiet suġġettivi biss. Tali limitazzjoni ma tistax madankollu tapplika bħala tali għal assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent.

    (ara l-punti 28, 29, 32-34, 63-65)

  3.  L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, jipprekludi li l-Istati Membri jillimitaw l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tal-imsemmi artikolu għall-każ fejn il-legalità ta’ deċiżjoni hija kkontestata minħabba li l-evalwazzjoni ambjentali tħalliet barra, mingħajr ma jestendi l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal każ fejn tali evalwazzjoni tkun twettqet iżda twettqet fi tmiem proċedura vvizzjata. Konsegwentement, dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni li tistabbilixxi li l-awtorizzazzjoni amministrattiva tista’ tiġi annullata biss jekk din tal-aħħar ma ngħatatx abbażi ta’ evalwazzjoni jew ta’ eżami minn tal-effetti fuq l-ambjent u bi proċedura regolari għandha tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mal-imsemmi Artikolu 11.

    F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li dispożizzjoni nazzjonali oħra tipprovdi għall-possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja f’każ li l-evalwazzjoni jew eżami minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent twettqu iżda huma vvizzjati b’difett proċedurali, filwaqt li timponi, madankollu hija stess, limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ rikorsi skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, ma tistax telimina l-imsemmija inkompatibbiltà. Fil-fatt, l-Istat Membru li japplikaw għalih dawn id-dispożizzjonijiet ma jissodisfax l-obbligu tiegħu li jimplementa d-dispożizzjonijiet tad-direttiva b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali.

    (ara l-punti 36, 49-52)

  4.  Ikun qiegħed jonqos mill-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, Stat Membru li jillimita l-annullament tad-deċiżjonijiet għal difetti proċedurali għall-assenza tal-evalwazzjoni jew tal-eżami minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent u għall-każijiet li fihom ir-rikorrent stabbilixxa li d-difett proċedurali għandu rabta kawżali mar-riżultat tad-deċiżjoni. Tali limitazzjoni tirrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rikors imsemmi fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva u tippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva sabiex tipprovdi “lill-membri tal-pubbliku kkonċernat” aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. Fil-fatt, ir-rifjut tal-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva adottata bi ksur ta’ regola proċedurali għas-sempliċi raġuni li r-rikorrent baqa’ ma stabbilixxiex l-effett ta’ dan id-difett fuq il-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni jċaħħad din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-effettività kollha tagħha, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità tal-proċeduri inkwistjoni jew tal-element tekniku tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

    B’hekk, ksur ta’ dritt, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, ma jistax jiġi eskluż ħlief jekk il-qorti jew il-korp previst taħt dan l-artikolu huma f’pożizzjoni li jikkunsidraw, mingħajr ma jtaqqlu bl-ebda mod fuq l-applikant l-oneru tal-prova tar-rabta kawżali bejn id-difett proċedurali u r-riżultat tad-deċiżjoni kontestata, iżda fid-dawl, skont il-każ, tal-provi prodotti mill-iżviluppatur tal-proġett jew mill-awtoritajiet kontraenti, u b’mod iktar ġenerali, mill-atti kollha tal-proċess sottomessi lilhom, li l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx tkun differenti fl-assenza tad-difett proċedurali invokat minn dan l-applikant.

    Fl-aħħar, għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet jirrigwardaw waħda mill-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja, dawn jibqgħu rilevanti fir-rigward ta’ kundizzjoni stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali li għandha l-effett li tillimita l-istħarriġ ġudizzjarju fil-mertu.

    (ara l-punti 56, 57, 59-61, 104 u d-dispożittiv 1)

  5.  L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), jipprekludi, skont dispożizzjoni nazzjonali, il-limitazzjoni tal-locus standi u l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju għall-oġġezzjonijiet li diġà ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni suġġetta għal dan ir-rikors.

    F’dan ir-rigward, għalkemm, ċertament, la l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 u lanqas l-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2011/75 ma jeskludu rikors quddiem awtorità amministrattiva li jippreċedi l-azzjoni ġudizzjarja u ma jistakolawx li d-dritt nazzjonali jipprevedi l-obbligu, għar-rikorrent, li jeżawrixxi r-rimedji amministrattivi kollha qabel ma jitħalla jressaq azzjoni ġudizzjarja, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni madankollu ma jippermettux madankollu li jiġu limitati l-mezzi li jistgħu jiġu invokati minn dan ir-rikorrent insostenn ta’ azzjoni ġudizzjarja.

    Barra minn hekk, tali restrizzjoni imposta fuq ir-rikorrent dwar in-natura tal-motivi li huwa permess li jqajjem quddiem il-qorti responsabbli mill-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni amministrattiva li tikkonċernah ma tistax tiġi ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet bbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ma huwa bl-ebda mod stabbilit li stħarriġ ġudizzjarju komplet dwar il-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni jkun tali li jikser dan il-prinċipju.

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-effiċjenza tal-proċeduri amministrattivi, għalkemm il-fatt li jitqajjem motiv għall-ewwel darba bħala parti minn azzjoni ġudizzjarja, jista’ jostakola, f’xi każijiet, l-iżvolġiment tajjeb ta’ din il-proċedura, l-għan stess segwit mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 jikkonsisti mhux biss f’li jiġi żgurat lill-parti fil-kawża l-ikbar aċċess possibbli għall-istħarriġ ġudizzjarju, iżda wkoll sabiex jippermetti li dan l-istħarriġ jikkonċerna l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-mertu jew dwar il-proċedura, fl-intier tagħha.

    Barra minn hekk, huwa permess, għall-leġiżlatur nazzjonali, li jipprevedi regoli proċedurali speċifiċi, bħall-inammissibbiltà ta’ argument ippreżentat b’mod mhux xieraq jew in mala fide, li jikkostitwixxu mekkaniżmi xierqa sabiex jiżguraw l-effettività tal-proċedura legali.

    (ara l-punti 76, 79-81, 104 u d-dispożittiv 1)

  6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 90-92)

  7.  L-Artikolu11 tad-Direttiva 2011/92, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet adottati mil-leġiżlaturi nazzjonali għall-finijiet tat-traspożizzjoni tiegħu fid-dritt intern kellhom ukoll japplikaw għall-proċeduri amministrattivi istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005, data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku matul l-iżvilupp ta’ ċerti pjanijiet u programmi marbuta mal-ambjent, meta dawk il-proċeduri ikunu wasslu għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni wara dik id-data. F’dan ir-rigward, sa fejn, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll tal-Artikolu 25(3), tad-Direttiva 2010/75, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent huma meqjusa li għandhom kemm interess suffiċjenti, kif ukoll drittijiet li jistgħu jinkisru, ikun qiegħed jikser l-obbligi tiegħu skont dawn id-dispożizzjonijiet Stat Membru li jillimita, fil-proċeduri mibdija wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u magħluqa qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-locus standi tal-imsemmija assoċjazzjonijiet kif ukoll il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet għad-dispożizzjonijiet tad-dritt li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi. Dan jgħodd ukoll għad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttivi li jeskludu mid-dominju ta’ applikazzjoni tagħhom il-proċeduri amministrattivi li nbdew qabel il-25 ta’ Ġunju 2005.

    F’dan ir-rigward, minkejja l-importanza li għandu l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata fl-ordinamenti ġuridiċi kemm tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali, l-imsemmi Stat Membru ma jistax jinvoka l-osservanza ta’ dan il-prinċipju meta l-imsemmija limiti ta’ applikabbiltà temporali jikkonċernaw deċiżjonijiet amministrattivi li jkunu kisbu titolu eżekuttiv.

    Barra minn hekk, l-argument ta’ dan l-Istat Membru li l-imsemmija limitazzjonijiet temporali kienu meħtieġa sabiex josservaw il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata dwar il-proċeduri amministrattivi li jistgħu jiġu infurzati jsiru għandu jiġi miċħud meta dawn il-limitazzjonijiet iwasslu sabiex jippermettulu li jagħti perijodu ġdid ta’ traspożizzjoni.

    (ara l-punti 90, 95-99, 104 u d-dispożittiv 1)

Top