EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0115

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-17 ta’ Novembru 2015.
RegioPost GmbH & Co. KG vs Stadt Landau in der Pfalz.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Direttiva 96/71/KE – Artikolu 3(1) – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 26 – Kuntratti pubbliċi – Servizzi postali – Leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru li timponi fuq l-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu li jħallsu paga minima lill-persunal li jkun qed jeżegwixxi s-servizzi fil-mira ta’ kuntratt pubbliku.
Kawża C-115/14.

Court reports – general

Kawża C-115/14

RegioPost GmbH & Co. KG

vs

Stadt Landau in der Pfalz

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Direttiva 96/71/KE — Artikolu 3(1) — Direttiva 2004/18/KE — Artikolu 26 — Kuntratti pubbliċi — Servizzi postali — Leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru li timponi fuq l-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu li jħallsu paga minima lill-persunal li jkun qed jeżegwixxi s-servizzi fil-mira ta’ kuntratt pubbliku”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Novembru 2015

  1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Domanda magħmula fuq tilwima li qamet fi Stat Membru wieħed biss — Domanda dwar kuntratt pubbliku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Inklużjoni fid-dawl tal-interess transkonfinali ċert tal-kuntratt

    (Artikolu 267 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18)

  2. Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, l-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 3(1), u 2004/18, kif emendata bir-Regolament Nru 1251/2011, Artikolu 26)

  3. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ servizzi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-offerenti li jintrabtu li jħallsu paga minima lill-persuni li jkunu qed jeżegwixxi s-servizzi — Ammissibbiltà

    (Artikolu 56 KE; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/761), l-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 3(1), u 2004/18, kif emendata bir-Regolament Nru 1251/2011, Artikolu 26)

  4. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Għoti ta’ kuntratti — Kawżi ta’ esklużjoni tal-parteċipazzjoni f’kuntratt — Rifjut ta’ offerent li jintrabat li jħallas paga minima lill-persunal li jkun qed jeżegwixxi s-servizzi — Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, l-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 3(1), u 2004/18, kif emendata bir-Regolament Nru 1251/2011, Artikolu 26)

  1.  Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat formalment domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, sew jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha toħroġ, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima.

    F’dan ir-rigward, peress li hija domanda ta’ interpretazzjoni dwar waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], tali domanda hija ammissibbli, anki jekk titqajjem fil-kuntest ta’ tilwima fejn l-elementi kollha huma ristretti għal Stat Membru wieħed, ladarba l-valur tas-suq rilevanti jaqbeż b’mod ċar il-limitu rilevanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 u li dan il-kuntratt għandu interess transkonfinali ċert.

    (ara l-punti 46, 49, 51)

  2.  L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], kif emendat bir-Regolament Nru 1251/2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru li tobbliga lill-offerenti u lis-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu, b’dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tinhemeż mal-offerta tagħhom, li jħallsu lill-persunal inkarigat bl-eżekuzzjoni tas-servizzi li huma fil-mira tal-kuntratt pubbliku meqjus paga minima stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni.

    Fil-fatt, l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mad-Direttiva 96/71, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, jippermetti lill-Istat Membru ospitanti li jipprevedi, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, regola imperattiva ta’ protezzjoni minima li tinsab fl-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, li timponi l-osservanza mill-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra ta’ rata ta’ paga minima għall-benefiċċju tal-ħaddiema tagħhom ikkollokati fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt pubbliku. Issa, tali regola tagħmel parti mil-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi ggarantit lill-imsemmija ħaddiema.

    (ara l-punti 66, 77 u d-dispożittiv 1)

  3.  L-impożizzjoni, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ remunerazzjoni minima fuq l-offerenti u s-subappaltaturi eventwali tagħhom stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-awtorità kontraenti u li fih ir-rati ta’ paga minima jkunu iktar baxxi, tikkostitwixxi piż ekonomiku addizzjonali li jista’ jipprojbixxi, ifixkel jew jirrendi inqas attraenti l-eżekuzzjoni tas-servizzi tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. Madankollu, din tista’ bħala regola ġenerali tkun iġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema. Dan jgħodd ukoll fir-rigward ta’ rata ta’ paga minima stabbilita minn dispożizzjoni leġiżlattiva li, bħala regola imperattiva ta’ protezzjoni minima, tapplika, fil-prinċipju, b’mod ġenerali għall-għoti ta’ kwalunkwe kuntratt pubbliku fl-Istat ikkonċernat, ikun xi jkun il-qasam ikkonċernat, u li tagħti protezzjoni soċjali minima ladarba ebda leġiżlazzjoni nazzjonali oħra ma timponi, għall-qasam ikkonċernat, paga minima ta’ livell iktar baxx.

    (ara l-punti 69, 70, 75, 76)

  4.  L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], kif emendata bir-Regolament Nru 1251/2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, li tipprovdi għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ offerenti u tas-subappaltaturi tagħhom li jirrifjutaw li jintrabtu, b’dikjarazzjoni li tiġu mehmuża mal-offerta tagħhom, li jħallsu lill-persunal inkarigat li jeżegwixxi s-servizzi fil-mira ta’ kuntratt pubbliku meqjus paga minima stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni.

    F’dan ir-rigward, l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’dan il-kuntratt ma tistax tiġi kklassifikata bħala sanzjoni. Hija biss il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ rekwiżit fl-avviż ta’ kompetizzjoni u intiż li qabel kollox jenfasizza l-importanza tal-osservanza ta’ regola imperattiva għal protezzjoni minima espressament awtorizzata fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18. Tali esklużjoni għandha natura xierqa u proporzjonata, ladarba ma tapplikax jekk, wara li jkun intalab jikkompleta l-offerta tiegħu u jiżdied miegħu l-imsemmi impenn, l-operatur ikkonċernat jirrifjuta li jikkonforma ruħu.

    (ara l-punti 83, 87, 88 u d-dispożittiv 2)

Top