EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0088

Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill

Kawża C‑88/14

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Parlament Ewropew

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Regolament (UE) Nru 1289/2013 — Artikolu 1(1) u (4) — Regolament (KE) Nru 539/2001 — Artikolu 1(4)(f) — Artikolu 290 TFUE — Sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża — Inklużjoni ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna — Emenda tal-att leġiżlattiv”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Lulju 2015

  1. Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Elaborazzjoni ta’ motiv indikat preċedentement – Ammissibbiltà

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 127(1))

  2. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni għall-adozzjoni tal-atti ddelegati jew tal-atti ta’ implementazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni – Limiti – Kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 290 TFUE u 291TFUE.

    (Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE)

  3. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni għall-adozzjoni tal-atti ddelegati – Emenda ta’ att leġiżlattiv – Portata – Regolament Nru 539/2001 – Introduzzjoni mill-ġdid ta’ ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li preċedentement kienu eżentati minnha – Introduzzjoni ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna fl-anness tar-regolament li tindika s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża – Inklużjoni

    (Artikoli 290(1) TFUE u 291(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 539/2001, Artikoli 1(2) u 4(f), u Annessi I u II)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 13)

  2.  Il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali meta jiddeċiedi li jagħti lill-Kummissjoni setgħa ddelegata skont l-Artikolu 290(1) TFUE jew setgħa ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 291(2) TFUE. Madankollu, din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata bl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE.

    Fir-rigward tal-għoti ta’ setgħa ddelegata, mill-Artikolu 290(1) TFUE jirriżulta li l-għoti ta’ setgħa ddelegata huwa intiż għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit mill-att leġiżlattiv bażiku.

    Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lilha, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tispeċifika l-kontenut ta’ att leġiżlattiv, sabiex tiżgura l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni, meta teżerċita setgħa ta’ implementazzjoni, kuntrarjament għas-setgħat li hija għandha fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa ddelegata, la tista’ temenda u lanqas tissupplimenta l-att leġiżlattiv, anki fir-rigward tal-elementi mhux essenzjali tiegħu.

    La l-eżistenza u lanqas il-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni mill-att leġiżlattiv ma huma rilevanti għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk l-att li għandu jiġi adottat jaqax taħt l-Artikolu 290 TFUE jew taħt l-Artikolu 291 TFUE. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 290(1) TFUE jirriżulta li l-legalità tal-għażla mwettqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti setgħa ddelegata lill-Kummissjoni tiddependi biss fuq il-kwistjonijiet ta’ jekk l-atti li din l-istituzzjoni tintalab tadotta abbażi ta’ dan l-għoti humiex ta’ portata ġenerali u jekk huma jissupplimentawx jew jemendawx elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv.

    (ara l-punti 28-32)

  3.  Il-leġiżlatur tal-Unjoni ta lill-Kummissjoni s-setgħa li temenda, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, l-Anness II tar-Regolament Nru 539/2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa. Din l-emenda tista’ biss titwettaq fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE u mhux setgħa ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE.

    Fil-fatt, att adottat abbażi tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-Regolament Nru 1289/2013, għandu l-effett li jintroduċi mill-ġdid, għal perijodu ta’ tnax-il xahar jew ta’ tmintax-il xahar, ħtieġa ta’ viża fir-rigward taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fil-lista tal-Anness II ta’ dan ir-regolament, għas-soġġorni li, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, huma eżentati minn tali ħtieġa. Għal dawn iċ-ċittadini kollha, l-att adottat abbażi tal-Artikolu 1(4)(f) tal‑istess regolament għaldaqstant għandu l-effett li jemenda, anki jekk temporanjament, il-kontenut normattiv tal-att leġiżlattiv meqjus. Fil-fatt, b’eċċezzjoni għan-natura temporanja tagħhom, l-effetti tal-att adottat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni huma identiċi, fuq il-punti kollha, għal dawk li jirriżultaw mit-trasferiment formali tat-tismija tal-pajjiż terz inkwistjoni mill-Anness II tal-imsemmi regolament għall-Anness I tiegħu. L-introduzzjoni, fl-Anness II tal-imsemmi regolament, ta’ nota’ ta’ qiegħ il-paġna ħdejn isem il-pajjiż terz ikkonċernat, prevista mill-imsemmija dispożizzjoni, tikkonferma r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jdaħħal l-att adottat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni fit-test stess tar-Regolament Nru 539/2001.

    (ara l-punti 31, 37, 42-44, 46)

Top