EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0029

Global Trans Lodzhistik

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014.
Global Trans Lodzhistik OOD vs Nachalnik na Mitnitsa Stolichna.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikoli 243 u 245 – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 181a – Deċiżjoni appellabbli – Ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja mingħajr azzjoni amministrattiva minn qabel – Prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.
Kawżi magħquda C‑29/13 u C‑30/13.

Kawżi magħquda C‑29/13 u C‑30/13

Global Trans Lodzhistik OOD

vs

Nachalnik na Mitnitsa Stolichna

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikoli 243 u 245 — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Artikolu 181a — Deċiżjoni appellabbli — Ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja mingħajr azzjoni amministrattiva minn qabel — Prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014

  1. Unjoni doganali – Applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali – Dritt għal azzjoni legali – Proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali – Att li jista’ jiġi kkontestat – Deċiżjoni li għandha bħala suġġett rettifika tal-valur doganali ta’ merkanzija bil-konsegwenza tan-notifika lill-persuna li għamlet id-dikjarazzjoni ta’ aġġustament fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Inklużjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żewġ rimedji distinti sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikoli 30(2)(b) 243 u 245)

  2. Unjoni doganali – Applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali – Dritt għal azzjoni legali – Proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali – Appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji suġġett jew le għal appell preċedenti quddiem l-awtoritajiet doganali – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 243; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 181(2)(a))

  3. Unjoni doganali – Applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali – Dritt għal azzjoni legali – Proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali – Deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 – Deċiżjoni li għandha titqies li hija definittiva

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 181(2)(a))

  4. Unjoni doganali – Applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali – Dritt għal azzjoni legali – Proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali – Deċiżjoni adottata bi ksur tal-prinċipju relatat mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża – Kompetenza tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fuq l-appell kontra d-deċiżjoni jew li tibgħat lura t-tilwima quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu245; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 181(2)(a))

  1.  Minn naħa, deċiżjoni, li għandha bħala suġġett rettifika, abbażi tal-Artikolu 30(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, tal-valur doganali ta’ merkanzija bil-konsegwenza tan-notifika lill-persuna li għamlet id-dikjarazzjoni ta’ aġġustament fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tikkostitwixxi att appellabbli, fis-sens tal-Artikolu 243 ta’ dan ir-Regolament Nru 2913/92. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali rigward ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-awtorità tar-res judicata, l-Artikolu 245 tal-imsemmi Regolament Nru 2913/92 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi żewġ rimedji distinti sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali, sakemm din il-leġiżlazzjoni la tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas kontra dak ta’ effettività.

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, minn qari flimkien tal-Artikoli 243(1) u 4(5) ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li kull persuna għandha d-dritt tappella minn kull deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet doganali li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u li tikkonċernaha direttament u individwalment. Minbarra dan, mill-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li d-deċiżjonijiet rigward l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali li jkollhom konsegwenzi żvantaġġużi għall-persuni li lilhom huma indirizzati għandhom isemmu l-possibbiltà ta’ appell prevista fl-imsemmi Artikolu 243.

    Fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żewġ rimedji distinti sabiex jiġu appellati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali, id-dispożizzjonijiet relatati mal-implementazzjoni tal-proċedura ta’ appell jiġu adottati mill-Istati Membri.

    Minbarra dan, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom skont id-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa, dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività).

    (ara l-punti 27, 30, 32, 33, 40 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 243 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 ma jissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3254/94, għall-kundizzjoni li l-possibbiltajiet ta’ azzjoni amministrattiva kontra dawn id-deċiżjonijiet ikunu ġew eżawriti qabel.

    Skont l-Artikolu 243(2) tal-Kodiċi Doganali, id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat, inizjalment, quddiem l-awtorità doganali u, fit-tieni stadju, quddiem korp indipendenti li tista’ tkun awtorità ġudizzjarja. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-appell quddiem l-awtorità doganali jikkostitwixxi stadju obbligatorju qabel il-preżentata ta’ appell quddiem il-korp indipendenti. L-Artikolu 243 ta’ dan il-kodiċi għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi jekk l-operaturi għandhomx, inizjalment, jippreżentaw appell quddiem l-awtorità doganali jew jekk jistgħux jadixxu direttament l-awtorità ġudizzjarja indipendenti.

    (ara l-punti 42-45 u d-dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 3254/94, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni adottata abbażi ta’ dan l-artikolu għandha titqies bħala definittiva u tista’ tkun is-suġġett ta’ appell dirett quddiem awtorità ġudizzjarja indipendenti, anki fil-każ li tkun ġiet adottata bi ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ u li tagħmel oġġezzjonijiet.

    L-imsemmi artikolu jipprevedi li, jekk id-dubji tal-awtoritajiet doganali rigward id-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija jibqgħu jeżistu, huma għandhom, qabel ma jieħdu deċiżjoni definittiva, jinformaw lill-persuna kkonċernata bil-motivi li fuqhom huma bbażati dawn id-dubji u jagħtuha opportunità raġonevoli li tagħti risposta. Id-deċiżjoni finali kif ukoll il-motivi relatati magħha għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna kkonċernata bil-miktub. Huwa minnu li, minkejja li dan l-artikolu jipprevedi l-obbligu għall-awtoritajiet doganali, qabel ma jieħdu deċiżjoni definittiva, li jinformaw lill-persuna kkonċernata bil-motivi li fuqhom huma bbażati dawn id-dubji u jagħtuha opportunità raġonevoli li tispjega ruħha, qabel ma jieħdu deċiżjoni definittiva, il-ksur ta’ dan l-obbligu mill-awtoritajiet doganali ma jistax madankollu jkollu effett fuq in-natura definittiva tad-deċiżjoni u lanqas fuq il-klassifikazzjoni tal-att adottat abbażi tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93 bħala deċiżjoni.

    Fil-fatt, dan l-att adottat mill-awtoritajiet doganali jipproduċi, f’kull każ, effetti legali fil-konfront tad-destinatarju tiegħu, sa fejn huwa jwassal għad-determinazzjoni ta’ valur doganali ġdid tal-merkanzija u jikkostitwixxi b’dan il-mod deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 2913/92. Min-naħa l-oħra, il-ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ jivvizzja l-imsemmija deċiżjoni b’illegalità li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell dirett quddiem awtorità ġudizzjarja indipendenti.

    (ara l-punti 47-50 u d-dispożittiv 3)

  4.  Fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ u li tqajjem oġġezzjonijiet previst fl-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 3254/94, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni mressaq quddiemha u fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk, ladarba d-deċiżjoni li tkun ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju relatat mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jkollha tiġi annullata għal din ir-raġuni, hijiex marbuta tiddeċiedi fuq l-appell minn din id-deċiżjoni jew jekk tistax tikkunsidra li tibgħat lura t-tilwima quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti.

    Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli ladarba l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta kontra persuna att li jippreġudikaha. Skont dan il-prinċipju, imfakkar b’mod espliċitu fl-Artikolu 181a(2) tar-Regolament Nru 2454/93, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu l-opinjoni tagħhom rigward l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni beħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha.

    (ara l-punti 57, 61 u d-dispożittivi 4)

Top