EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0168

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Disinni — Direttiva 98/71 — Prinċipju ta’ akkumulazzjoni tal-protezzjoni tad-disinni ma’ dik tad-drittijiet tal-awtur (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/71, Artikolu 17; Direttiva tal-Kunsill 93/98, Artikoli 1(1) u 10(2))

2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Disinni — Direttiva 98/71 — Prinċipju ta’ akkumulazzjoni tal-protezzjoni tad-disinni ma’ dik tad-drittijiet tal-awtur

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/71, Artikolu 17)

Summary

1. L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji [disinni], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan l-Istat Membru d-disinni li jkunu ġew irreġistrati fi Stat Membru jew għal Stat Membru u li kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, minkejja li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni.

Mill-kliem tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari mill-użu tat-terminu “wkoll” li jidher fl-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu, jirriżulta ċar li l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għandha tingħata lil kull disinn li jkun ġie rreġistrat fl-Istat Membru jew għall-Istat Membru kkonċernat.

Ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti din il-protezzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 8 tad-Direttiva 98/71 li tistipula, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-awtur, il-prinċipju tal-akkumulazzjoni tal-protezzjoni speċifika tad-disinni permezz tar-reġistrazzjoni u tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur.

Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddeterminaw il-portata u l-kundizzjonijiet għall-ksib tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur lanqas ma tista’ tikkonċerna t-tul ta’ żmien ta’ din il-protezzjoni, billi dan diġà ġie armonizzat fil-livell tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 93/98, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/98 jipprevedi l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol letterarju jew artistiku, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi, għal tul il-ħajja kollha tal-awtur ta’ dan ix-xogħol u għal 70 sena wara mewtu. L-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva jipprovdi li dan it-tul ta’ żmien japplika għax-xogħlijiet u għall-oġġetti kollha li, fl-1 ta’ Lulju 1995, kienu protetti tal-inqas fi Stat Membru wieħed permezz tad-drittijiet tal-awtur.

Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71, id-disinni li kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru jew għal Stat Membru u li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ksib tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur previsti mill-Istati Membri, partikolarment dik li tirrigwarda l-grad ta’ oriġinalità, u li għalihom il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/98, moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tagħha, ma kienx għadu ntemm, kellhom jibbenefikaw mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan l-Istat Membru.

F’dan ir-rigward, jirriżulta ċar mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 93/98 li l-applikazzjoni tal-perijodi ta’ protezzjoni previsti minnha jista’ jkollha l-konsegwenza, fl-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni kienet tipprevedi perijodu ta’ protezzjoni iqsar, li tipproteġi mill-ġdid xogħlijiet jew oġġetti li jaqgħu fid-dominju pubbliku. Din il-konsegwenza tirriżulta mir-rieda espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni u din is-soluzzjoni saret bl-iskop li tilħaq kemm jista’ jkun malajr l-għan ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-perijodi ta’ protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, stipulat, b’mod partikolari, fil-premessa 2 tal-istess direttiva, u sabiex jiġi evitat li ċerti drittijiet jiskadu f’ċerti Stati Membri filwaqt li jkunu protetti f’oħrajn.

Għandu jiġi kkunsidrat li dan ir-raġunament għandu japplika wkoll fir-rigward tal-ħolqien mill-ġdid tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni preċedentement protetti minn dritt ieħor ta’ proprjetà intellettwali.

(ara l-punti 37-44, u d-dispożittiv 1)

2. L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71, dwar il-protezzjoni legali ta’ disnji [disinni], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi, permezz ta’ perijodu sostanzjali ta’ għaxar snin, jew totalment, il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni li, minkejja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni, kienu jaqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, fil-konfront ta’ kull terz li mmanifattura jew ikkummerċjalizza fit-territorju nazzjonali prodotti skont dawn id-disinni, u dan indipendentement mid-data li fiha saru dawn l-atti.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ miżura leġiżlattiva li tipprevedi perijodu tranżitorju għal kategorija determinata ta’ terzi għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tagħhom, mill-prinċipji tar-rispett tad-drittijiet miksuba u mill-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jirriżulta li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 ma jipprekludix dispożizzjoni bħal din, sakemm din ma għandhiex l-effett li tiddifferixxi għal perijodu sostanzjali l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġdida ta’ protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni b’mod li timpedixxiha milli tkun applikabbli fid-data prevista minn din id-direttiva.

F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tat-tul ta’ dan il-perijodu tranżitorju kif ukoll tal-kategorija ta’ terzi previsti mill-imsemmija miżura leġiżlattiva għandha ssir fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Għalhekk, il-miżura leġiżlattiva adottata mill-Istat Membru kkonċernat għandha tkun xierqa sabiex tilħaq l-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u neċessarja għal dan il-għan, jiġifieri li tiggarantixxi l-osservanza tal-bilanċ bejn, minn naħa, id-drittijiet miksuba u l-aspettattivi leġittimi ta’ terzi previsti kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura dan il-bilanċ.

Għal dan l-għan, l-imsemmija miżura tista’ biss tiġi kkunsidrata li hija xierqa kemm-il darba din tipprevedi kategorija ta’ terzi li jistgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jiġifieri persuni li jkunu diġà wettqu atti ta’ użu ta’ disinni li kienu jappartjenu għad-dominju pubbliku fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi fid-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71.

Barra minn hekk, tali miżura leġiżlattiva għandha tillimita ruħha għall-perijodu tal-użu tal-imsemmija disinni minn dawn it-terzi li huwa neċessarju għal dawn tal-aħħar minħabba waqfien gradwali tal-attività inkwantu din hija bbażata fuq l-użu preċedenti ta’ dawn id-disinni jew minħabba tnaqqis tal-istokk. Il-miżura ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-bilanċ ta’ dawn id-drittijiet jekk din ma tiddifferixxix il-benefiċċju tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għal perijodu sostanzjali.

Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ miżura leġiżlattiva li tħassar il-perijodu moratorju u li tistabbilixxi n-nuqqas ta’ infurzabbiltà mingħajr limitu tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għall-prodotti magħmula qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 98/71, jirriżulta mill-premess li tali miżura tirrendi l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva mingħajr is-sustanza tiegħu, inkwantu din għandha l-konsegwenza li timpedixxi, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tal-protezzjoni l-ġdida, jiġifieri dik marbuta mad-drittijiet tal-awtur. Din il-miżura lanqas ma hija intiża sabiex tillimita l-kategorija ta’ terzi li jistgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għall-kuntrarju, din testendi l-applikazzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tad-drittijiet tal-awtur inkwantu, skont din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju li terz ikun beda l-użu tal-imsemmija disinni qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva

(ara l-punti 55-60, 64, 65, u d-dispożittiv 2)

Top