Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0377

Sommarju tas-sentenza

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Jannar 2009.
Finanzamt Speyer-Germersheim vs STEKO Industriemontage GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Taxxa fuq il-kumpanniji - Dispożizzjonijiet tranżitorji - Tnaqqis tad-deprezzament ta’ ishma f’kumpanniji mhux residenti.
Kawża C-377/07.

Keywords
Summary

Keywords

Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il‑kumpanniji

(Artikolu 56 KE)

Summary

F’ċirkustanzi fejn kumpannija b’kapital azzjonarju residenti għandha sehem ta’ inqas minn 10 % f’kumpannija b’kapital azzjonarju oħra u tbati minn tnaqqis ta’ profitti minħabba deprezzament parzjali tal-holdings tagħha f’din l-aħħar kumpannija, l-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li projbizzjoni milli jitnaqqas it-tnaqqis ta’ profitti marbut ma’ dan il-holding tidħol fis-seħħ iktar kmieni għall-holding f’kumpannija mhux residenti milli għall-holding f’kumpannija residenti.

Fill-fatt, tali trattament differenti skont il-post fejn ġie investit il-kapital jista’ jiddiswadi azzjonist milli jinvesti l-kapital tiegħu f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u li jipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra billi jikkostitwixxi, fil-konfront tagħhom, ostakolu għall-ġbir ta’ kapital fl-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, il-fatt li wieħed ikun jaf li l-possibbiltà li jitnaqqas l-ammont tal-profitti taxxabbli permezz ta’ deprezzamenti parzjali tiskadi iktar kmieni fir-rigward ta’ holdings f’kumpannija mhux residenti milli fir-rigward ta’ holdings f’kumpannija residenti jista’ jiddiswadi l-kumpannija kkonċernata milli żżomm holdings f’kumpannija mhux residenti u tħajjarha teħles minnhom iktar malajr milli kieku kienet tagħmel għal holdings f’kumpanniji residenti. F’dan ir-rigward, mhuwiex rilevanti wisq il-fatt li t-trattament differenti eżista biss għal perijodu limitat fiż-żmien, peress li din is-sempliċi ċirkustanza ma tipprekludix lit-trattament differenti milli jipproduċi effetti importanti u li, għaldaqstant, ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tkun reali.

Fir-rigward tal-possibbiltà li kumpannija residenti tnaqqas, mid-dħul taxxabbli tagħha, it-tnaqqis fil-profitti dovut għal deprezzament parzjali fil-holdings tagħha, skont jekk dawn il-holdings humiex f’kumpannija residenti jew f’kumpannija mhux residenti, din id-differenza fit-trattament mhijiex ibbażata fuq differenza oġġettiva ta’ sitwazzjonijiet.

Tali trattament differenti mhuwiex ġustifikat mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l‑Istati Membri fl-implementazzjoni ta’ sistema tranżitorja bil-għan li jistabbilixxu l‑kompatibbiltà tas-sistema nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq il-kumpanniji mad-dritt Komunitarju u jabolixxu eventwali diskriminazzjonijiet. Fil-fatt, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa dejjem limitat mill-osservanza tal-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital. Anki jekk din is-sistema tranżitorja, tista’ tkun ġustifikata minħabba preokkupazzjoni leġittima li tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr problemi mis-sistema preċedenti lejn is-sistema l-ġdida u filwaqt li jeżistu argumenti li jippermettu li tiġi spjegata r-raġuni li għaliha l-leġiżlazzjoni l-ġdida ġiet introdotta iktar tard għall-kumpanniji li jippossjedu holdings f’kumpanniji residenti, dawn l-argumenti ma jistgħux jiġġustifikaw dan it-trattament differenti b’detriment tal-kumpanniji li jipposjedu holdings f’kumpanniji mhux residenti.

Dan it-trattament differenti lanqas ma huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali ġaladarba l-fatt li, iktar ’il quddiem, ikun possibbli li tinkiseb eżenzjoni fuq profitt kapitali magħmul fil-każ ta’ trasferiment, fil-każ fejn ikun hemm profitt ta’ livell suffiċjenti, mhuwiex kunsiderazzjoni ta’ koerenza fiskali li tista’ tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ tnaqqis immedjat ta’ telf subit mill-kumpanniji li għandhom holdings f’kumpanniji mhux residenti.

Fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effiċjenza tal-verifiki fiskali, tali raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali hija f’kull każ irrilevanti ladarba d-deprezzament tal-valur tal-holdings f’kumpanniji mhux residenti jirriżulta mill-waqa’ tal-prezzijiet fil-Borża.

(ara l-punti 27-29, 35, 49, 50, 54-56 u d-dispożittiv)

Top