Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TJ0297

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2023.
    BB Services GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ figurina ta’ ġugarell bi stud fuq ir-ras – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Sinjal ikkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott – Sinjal kompost esklużivament mill-forma tal-prodott li huwa neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku – Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament (UE) 2017/1001].
    Kawża T-297/22.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:780

    Kawża T‑297/22

    BB Services GmbH

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2023

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ figurina ta’ ġugarell bi stud fuq ir-ras – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Sinjal ikkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott – Sinjal kompost esklużivament mill-forma tal-prodott li huwa neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku – Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”

    1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott – Identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(e)(i) u 51(1)(a))

      (ara l-punti 36 sa 40, 66 sa 68)

    2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott – Evalwazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali fir-rigward tan-natura tal-prodott

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(e)(i) u 51(1)(a))

      (ara l-punti 41 sa 45, 82 sa 84)

    3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott – Trade mark tridimensjonali kkostitwita mill-forma ta’ figurina ta’ ġugarell bi stud fuq ir-ras

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(e)(i) u 51(1)(a))

      (ara l-punti 60, 61, 69, 70, 75, 77, 89, 93)

    4. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott li huwa neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku – Identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(e)(ii) u 51(1)(a))

      (ara l-punti 102 sa 109, 141, 142)

    5. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott li huwa neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku – Evalwazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali fir-rigward tal-funzjoni teknika tal-prodott

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(e)(ii) u 51(1)(a))

      (ara l-punti 110 sa 114, 117 sa 122, 127, 154 sa 156)

    6. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott li huwa neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku – Trade mark tridimensjonali kkostitwita mill-forma ta’ figurina ta’ ġugarell bi stud fuq ir-ras

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(e)(ii) u 51(1)(a))

      (ara l-punti 131, 138, 148 sa 150, 160, 169 sa 171)

    Sunt

    Lego Juris A/S, intervenjenti f’din il-kawża, hija l-proprjetarja tat-trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta figurina-ġugarell bi stud fuq ir-ras, irreġistrata mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) ( 1 ).

    BB Services GmbH, ir-rikorrenti, ippreżentat quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark minħabba li din tikkonsisti esklużivament, minn naħa, f’forma imposta min-natura stess tal-prodott u, min-naħa l-oħra, f’forma neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku ( 2 ).

    L-EUIPO ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

    Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti. Hija tippreċiża l-kriterji ta’ evalwazzjoni tas-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma naturali jew funzjonali tal-prodott fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 40/94, billi tapplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata magħhom.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fir-rigward tal-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94, li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni tas-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott, il-Qorti Ġenerali tapplika, b’analoġija, il-ġurisprudenza dwar il-paragrafu 1(e)(ii) ta’ dan l-artikolu ( 3 ). Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni, jistgħu jintużaw elementi ta’ informazzjoni differenti mir-rappreżentazzjoni grafika biss, bħall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti. Ir-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax tapplika meta teżisti tal-inqas karatteristika essenzjali tal-forma li ma hijiex imposta min-natura stess tal-prodott, b’tali mod li t-trade mark ma hijiex ikkostitwita “esklużivament” mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott.

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prodott ikkonċernat jaqax taħt din il-kategorija ta’ sinjali, il-Qorti Ġenerali tosserva, qabel kollox, li dan jikkonsisti f’“figurina-ġugarell li tingħaqad” b’żewġ għanijiet, jiġifieri dak li wieħed jilgħab bih, li huwa ta’ natura mhux teknika, u dak li jippermetti l-assemblaġġ jew l-interkonnessjoni, li huwa ta’ natura teknika. Għaldaqstant, l-EUIPO ġustament qies li n-natura ta’ dan il-prodott kienet taqa’ fil-kategorija tal-figurini-ġugarelli. Min-naħa l-oħra, hija naqset milli tqis li n-natura tiegħu kienet taqa’ wkoll taħt il-kategorija tal-figurini ta’ kostruzzjoni li jingħaqdu.

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-konklużjonijiet tal-EUIPO li jgħidu li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark huma kkostitwiti mill-forma tal-figurina, li għandha dehra umana, u mill-elementi ornamentali u ta’ fantażija tagħha, jiġifieri l-forma ċilindrika tar-ras, il-forma qasira u rettangolari tal-għonq u l-forma trapeżojdali tat-torso (iktar ’il quddiem il-“karatteristiċi ornamentali u ta’ fantażija”). Madankollu, l-EUIPO naqas milli jqis bħala essenzjali l-karatteristiċi “tekniċi”, jiġifieri l-istud fuq ir-ras, il-ganċijiet f’idejh u t-toqob taħt is-saqajn tiegħu u fuq in-naħa ta’ wara tas-saqajn tiegħu (iktar ’il quddiem il-“karatteristiċi tekniċi”). B’dan il-mod, l-EUIPO ħa inkunsiderazzjoni biss ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark u naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni elementi utli oħra relatati man-natura tal-prodott konkret, b’mod partikolari l-għarfien mill-pubbliku tas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-EUIPO ġustament qies li l-karatteristiċi ornamentali u ta’ fantasija jistgħu jiġu mmodifikati u kkonfigurati, bħala prinċipju, b’“libertà wiesgħa ta’ konċezzjoni”, b’tali mod li tal-inqas karatteristika essenzjali tal-prodott inkwistjoni ma hijiex inerenti għall-funzjoni ġenerika tiegħu ta’ figurina-ġugarell jew għal dik ta’ figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad. Minn dan hija tikkonkludi li, minkejja l-iżbalji ta’ evalwazzjoni ċċitati iktar ’il fuq, l-EUIPO ġustament ikkonferma l-kapaċità tat-trade mark ikkontestata li tiġi rreġistrata fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94.

    Fir-rigward tat-tieni aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni tas-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li dan l-artikolu ma japplikax peress li jeżisti element mhux funzjonali maġġuri, bħal element ornamentali jew ta’ fantasija, li jikkostitwixxi karatteristika essenzjali tas-sinjal inkwistjoni, iżda li ma huwiex neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku li għalih huwa intiż il-prodott ikkonċernat.

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabel kollox, li l-EUIPO ġustament qies li r-riżultat mhux tekniku tal-prodott kien jikkonsisti fil-kapaċità tal-logħob u fl-evokazzjoni ta’ “raġel” permezz ta’ karatteristiċi umani. Madankollu, hija naqset milli tqis li r-riżultat tekniku tal-imsemmi prodott kien jinkludi wkoll in-natura li tingħaqad tiegħu u l-modularità tiegħu.

    Sussegwentement, għalkemm l-EUIPO qies sew li l-karatteristiċi “mhux tekniċi” kienu karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, min-naħa l-oħra, huwa naqas milli jqis bħala essenzjali l-karatteristiċi tekniċi.

    Fl-aħħar nett, għalkemm l-għan tekniku marbut mal-karattru li jingħaqad u mal-modularità tat-trade mark huwa miksub minn ċerti karatteristiċi essenzjali, jeżistu wkoll karatteristiċi essenzjali oħra li, fid-dawl tan-natura ornamentali u fantażjuża tagħhom li jirriżultaw mil-libertà tad-disinjatur, ma humiex neċessarji sabiex jintlaħaq għan tekniku. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, minkejja l-iżbalji ta’ evalwazzjoni kkonstatati, l-EUIPO ġustament ikkonferma l-kapaċità tat-trade mark ikkontestata li tiġi rreġistrata wkoll fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.


    ( 1 ) It-trade mark ġiet irreġistrata għall-prodotti fil-klassijiet 9, 25 u 28.

    ( 2 ) Fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1994, Vol. 11, p. 1), kif emendat, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) (a) tal-imsemmi regolament.

    ( 3 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C-337/12 P sa C-340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129), u tat-23 ta’ April 2020, Gömböc (C-237/19, EU:C:2020:296).

    Top