Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TJ0145

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2023.
    CEDC International sp. z o.o. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea tridimensjonali – Forma ta’ werqa ħaxixa fi flixkun – Trade marks nazzjonali preċedenti – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Kunċett ta’ ‘aġent’ jew ta’ ‘rappreżentant’ – Rekwiżit ta’ ftehim kuntrattwali dirett.
    Kawża T-145/22.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:365

    Kawża T‑145/22

    CEDC International sp. z o.o.

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat‑28 ta’ Ġunju 2023

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea tridimensjonali – Forma ta’ werqa ħaxixa fi flixkun – Trade marks nazzjonali preċedenti – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Kunċett ta’ ‘aġent’ jew ta’ ‘rappreżentant’ – Rekwiżit ta’ ftehim kuntrattwali dirett”

    1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Assenza ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għar-reġistrazzjoni mitluba minn aġent jew minn rappreżentant f’ismu stess – Kundizzjoni – Sjieda tat-trade mark preċedenti mill-opponent – Kunċett

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(3))

      (ara l-punti 39, 42 sa 46)

    2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Assenza ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għar-reġistrazzjoni mitluba minn aġent jew minn rappreżentant f’ismu stess – Aġent jew rappreżentant – Kunċett – Portata – Eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali ta’ kooperazzjoni kummerċjali direttament bejn il-partijiet

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(3))

      (ara l-punti 51 sa 56)

    Sunt

    Fl‑1996, Underberg AG (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti”) ippreżentat, quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tridimensjonali, ikkostitwita mill-forma ta’ werqa ħaxixa fi flixkun, għal spirti u likuri ( 1 ). Fl‑2003, il-predeċessur legali tal-kumpannija rikorrenti CEDC International sp. z o.o. ressqet oppożizzjoni għal din l-applikazzjoni ( 2 ) abbażi ta’ diversi sinjali preċedenti mitluba, b’mod partikolari, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u, sussegwentement, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħdu l-oppożizzjoni u l-appell rispettivament.

    Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014 ( 3 ), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell u bagħtet lura l-kawża quddiem dan tal-aħħar li, peress li qies li l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex juru n-natura tal-użu tat-trade marks preċedenti invokati, ċaħad l-appell. Din id-deċiżjoni ġiet parzjalment annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat‑23 ta’ Settembru 2020 ( 4 ), minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. Wara assenjazzjoni mill-ġdid, il-Ħames Bord tal-Appell ċaħad ukoll l-appell għar-raġuni li, minn naħa, l-intervenjenti ma setgħetx titqies li aġixxiet bħala aġent jew rappreżentant tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, l-użu tat-trade mark mhux irreġistrata invokata ma kienx ġie pprovat.

    Adita b’rikors, il-Qorti Ġenerali teżamina l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 ( 5 ), dwar ir-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark meta din tintalab mill-aġent jew mir-rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark, f’ismu stess u mingħajr il-kunsens tal-imsemmi proprjetarju, u tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar l-oriġini tat-trade mark preċedenti, dwar il-kunċett ta’ aġent jew ta’ rappreżentant u dwar ir-rekwiżit ta’ ftehim kuntrattwali dirett.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-kundizzjoni li tgħid li, sabiex oppożizzjoni tirnexxi abbażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, l-opponent għandu jkun il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. F’dan ir-rigward, hija tirrileva, qabelxejn, li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“proprjetarju tat-trade mark”, mingħajr ma tippreċiża t-tip ta’ trade mark imsemmija. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “trade mark” fis-sens tal-istess dispożizzjoni jkopri, minbarra t-trade marks irreġistrati, dawk li ma humiex, sa fejn il-liġi tal-pajjiż ta’ oriġini tirrikonoxxi drittijiet ta’ dan it-tip. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, jekk id-drittijiet relatati mat-trade mark preċedenti japplikawx jew le fl-Unjoni Ewropea, peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment għat-“territorju” kkonċernat. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li l-prinċipju li jgħid li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għat-trade marks irreġistrati fi Stat Membru jew li jipproduċu effetti f’dan l-Istat diġà ġie adottat fis-sentenza Adamowski vs UASI - Fagumit (FAGUMIT) ( 6 ), dwar żewġ talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fl-aħħar nett, it-terminu “proprjetarju” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6f tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ( 7 ), li jirrigwarda r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks imwettqa mill-aġent jew mir-rappreżentant tal-proprjetarju mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, b’tali mod li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li tkun ġiet irreġistrata f’wieħed mill-Istati partijiet għall-Konvenzjoni jista’ jinvoka wkoll l-protezzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, jekk l-aġent tiegħu jew ir-rappreżentant tiegħu jitlob ir-reġistrazzjoni tat-trade mark fl-Unjoni Ewropea mingħajr il-kunsens tiegħu.

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali ta’ aġent jew ta’ rappreżentant. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li t-twettiq tal-għan li jiġi evitat l-użu ħażin tat-trade mark preċedenti mill-aġent jew mir-rappreżentant tal-proprjetarju tagħha jeħtieġ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti ta’ “aġent” u ta’ “rappreżentant”, sabiex ikunu koperti l-forom kollha ta’ relazzjonijiet ibbażati fuq ftehim kuntrattwali li jipprovdi li waħda mill-partijiet tirrappreżenta l-interessi tal-oħra, u dan indipendentement mill-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni stabbilita. Għalhekk huwa biżżejjed li bejn il-partijiet ikun hemm ftehim ta’ kooperazzjoni kummerċjali ta’ natura li joħloq relazzjoni ta’ fiduċja, imsejħa “fiduċjarja”, billi jimponi fuq l-applikant, espressament jew impliċitament, obbligu ġenerali ta’ fiduċja u ta’ lealtà fir-rigward tal-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.

    Il-Qorti Ġenerali tippreċiża, madankollu, li jeħtieġ li jkun hemm ftehim kuntrattwali, kemm jekk bil-miktub kif ukoll jekk le, stabbilit direttament bejn il-partijiet, u mhux permezz ta’ terzi. Għaldaqstant, il-fatt li relazzjoni “impliċita” tista’ tkun biżżejjed ifisser biss li l-kriterju deċiżiv għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 jinsab fl-eżistenza u fin-natura ta’ ftehim kuntrattwali ta’ kooperazzjoni kummerċjali stabbilit fis-sustanza, u mhux fil-klassifikazzjoni formali tiegħu. Barra minn hekk, l-eżistenza tar-relazzjoni kuntrattwali ma tistax tintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi konkreti u oġġettivi. Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-ftehim konkluż bejn il-partijiet ikun għadu fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, bil-kundizzjoni, madankollu, li t-terminu li jkun għadda jkun tali li jista’ jiġi leġittimament preżunt li l-obbligu ta’ fiduċja u ta’ kunfidenzjalità kien għadu jeżisti fil-mument ta’ tali preżentata.

    F’dan il-każ, peress li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali ta’ aġenzija jew ta’ rappreżentazzjoni jaqa’ fuq l-opponent, jiġifieri l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, hija r-rikorrenti li għandha turi li tali ftehim kuntrattwali ta’ kooperazzjoni kummerċjali kien jeżisti direttament bejnha u bejn l-intervenjenti fid-data tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabelxejn, li ma kien jeżisti ebda ftehim kuntrattwali formalment konkluż bejn ir-rikorrenti (jew il-predeċessur tagħha) u l-intervenjenti (jew il-predeċessur tagħha). Hija tfakkar sussegwentement li l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali bejn l-intervenjenti u kumpannija terza ma tistax turi li l-intervenjenti kienet l-aġent jew ir-rappreżentant tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, hija tqis li l-eżistenza ta’ relazzjoni kummerċjali “impliċita” jew “de facto” bejn ir-rikorrenti (jew il-predeċessur tagħha) u l-intervenjenti (jew il-predeċessur tagħha) ma hijiex sostnuta mill-provi prodotti mir-rikorrenti. Għaldaqstant, ebda ftehim kuntrattwali dirett, anki impliċitu jew de facto, ta’ kooperazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ partijiet ma ntwera, b’tali mod li ebda obbligu ta’ fiduċja u ta’ lealtà min-naħa tal-intervenjenti (jew tal-predeċessur tagħha) fil-konfront tar-rikorrenti (jew tal-predeċessur tagħha) ma ġie stabbilit.

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tivvalida l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jgħidu li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali fiduċjarja bejnha u bejn l-intervenjenti, li hija ma kinitx issodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali dirett ta’ aġent jew ta’ rappreżentant u li, għalhekk, hija ma kinitx weriet li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 kienet issodisfatta. Peress li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali ta’ aġent jew ta’ rappreżentant ma hijiex issodisfatta, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94.


    ( 1 ) Prodotti li jaqgħu fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

    ( 2 ) Ibbażata fuq l-Artikolu 8(1)(a) u (b), (3) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), moqri flimkien mal-Artikolu 42 tal-imsemmi regolament.

    ( 3 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, CEDC International vs UASI - Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun) (T‑235/12, EU:T:2014:1058).

    ( 4 ) Sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, CEDC International vs EUIPO - Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa fi flixkun) (T‑796/16, EU:T:2020:439).

    ( 5 ) Li sar l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

    ( 6 ) Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012, Adamowski vs UASI - Fagumit (FAGUMIT), T‑537/10 u T‑538/10, EU:T:2012:634, punt 19).

    ( 7 ) Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, tal‑20 ta’ Marzu 1883, kif irriveduta u emendata.

    Top