Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0005

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-30 ta’ Marzu 2023.
    Green Network SpA vs SF et.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 37 – Anness I – Funzjonijiet u kompetenzi tal-awtorità regolatorja nazzjonali – Protezzjoni tal-konsumaturi – Spejjeż amministrattivi ta’ ġestjoni – Setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tordna r-rimbors tas-somom imħallsa mill-klijenti finali skont klawżoli kuntrattwali ssanzjonati minn din l-awtorità.
    Kawża C-5/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:273

    Kawża C‑5/22

    Green Network SpA

    vs

    SF
    u
    YB
    u
    Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA)

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat‑30 ta’ Marzu 2023

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 37 – Anness I – Funzjonijiet u kompetenzi tal-awtorità regolatorja nazzjonali – Protezzjoni tal-konsumaturi – Spejjeż amministrattivi ta’ ġestjoni – Setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tordna r-rimbors tas-somom imħallsa mill-klijenti finali skont klawżoli kuntrattwali ssanzjonati minn din l-awtorità”

    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku – Direttiva 2009/72 – Awtoritajiet regolatorji – Funzjonijiet u kompetenzi – Setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tordna r-rimbors tas-somom imħallsa mill-klijenti finali skont klawżoli kuntrattwali ssanzjonati minn din l-awtorità – Ordni għal rimbors ibbażata fuq il-ksur ta’ obbligi ta’ trasparenza tariffarja – Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/72, Artikoli 36(g) u 37(1)(i) u (n), (3), (4)(d) u (6) u l-Anness I)

    (ara l-punti 22, 24 sa 26, 28, 30 u d-dispożittiv)

    Sunt

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-enerġija jista’ jkollhom is-setgħa li jobbligaw lill-impriżi tal-elettriku li jħallsu lura s-somom miġbura bi ksur tar-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi

    Il‑protezzjoni tal‑konsumaturi taqa’, fil‑fatt, taħt il‑funzjonijiet ta’ dawn l‑awtoritajiet

    Fl-2019, l-Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (l-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija, tan-Networks u tal-Ambjent, l-Italja) imponiet fuq Green Network, kumpannija Taljana ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali, sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ EUR 655000 talli kisret obbligi ta’ trasparenza tariffarja. Din l-awtorità ordnatilha wkoll tħallas lura lill-klijenti finali tagħha l-ammont ta’ EUR 13 987 495.22, iffatturat lilhom bħala spejjeż ta’ ġestjoni amministrattiva skont klawżola kuntrattwali meqjusa li kienet illegali minn din l-awtorità.

    Wara li kkontestat din id-deċiżjoni mingħajr suċċess quddiem qorti amministrattiva, Green Network ippreżentat appell quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), fejn sostniet li s-setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali li timponi l-ħlas lura ta’ somom iffatturati lill-klijenti, prevista fid-dritt Taljan, kienet tmur kontra d-Direttiva 2009/72 ( 1 ).

    F’dan il-kuntest, il-Kunsill tal-Istat għamel żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw l-Artikolu 37(1) u (4) tad-Direttiva 2009/72, dwar is-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji, u l-Anness I tagħha, li jistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri sabiex jipproteġu lill-konsumaturi.

    Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 37(1)(i) u (n) ( 2 ) u (4)(d) ( 3 ) tad-Direttiva 2009/72, kif ukoll l-Anness I tagħha, ma jipprekludux li Stat Membru jagħti lill-awtorità regolatorja nazzjonali s-setgħa li tordna lill-impriżi tal-elettriku jirrimborsaw lill-klijenti finali tagħhom is-somma li tikkorrispondi għall-korrispettiv imħallas minnhom bħala “spejjeż ta’ ġestjoni amministrattiva” skont klawżola kuntrattwali meqjusa illegali minn din l-awtorità. L-istess jgħodd f’dawk il-każijiet fejn din l-ordni għal rimbors ma tkunx ibbażata fuq raġunijiet ta’ kwalità tas-servizz ikkonċernat mogħti minn dawn l-impriżi, iżda fuq il-ksur tal-obbligi ta’ trasparenza tariffarja.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, qabelxejn, li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2009/72, din tal-aħħar teżiġi li l-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom prerogattivi wiesgħa fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq tal-elettriku, sabiex, b’mod partikolari, tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi.

    Hija rrilevat, imbagħad, li l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72, dwar il-funzjonijiet u l-kompetenzi tal-awtorità regolatorja, ma jsemmix il-kompetenza li l-impriżi tal-elettriku jintalbu jirrimborsaw kull somma li jkunu rċevew bħala korrispettiv għal klawżola kuntrattwali meqjusa illegali. Madankollu, l-użu, fl-Artikolu 37(4) tad-Direttiva 2009/72, tal-espressjoni “l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat” jindika li, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37(1), (3) u (6) ta’ din id-direttiva, jistgħu jiġu attribwiti lil awtorità bħal din setgħat oħra minbarra dawk espressament imsemmija f’dan l-Artikolu 37(4).

    Barra minn hekk, il-funzjoni li tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi ta’ trasparenza li għandhom l-impriżi tal-elettriku u dik li jiġu protetti l-konsumaturi jaqgħu taħt il-funzjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 37(1), (3) u (6) tal-imsemmija direttiva.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, għaldaqstant, li Stat Membru jista’ jagħti lil tali awtorità s-setgħa li tobbliga lil dawn l-operaturi jħallsu lura s-somom miġbura minnhom bi ksur tar-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw l-obbligu ta’ trasparenza u l-eżattezza tal-kont.

    Tali interpretazzjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-fatt li l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi, essenzjalment, li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu l-miżuri meħtieġa “f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom”, jew li l-Artikolu 37(1)(n) ta’ din id-direttiva jinkludi l-espressjoni “flimkien ma’ awtoritajiet relevanti oħra”.

    Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma rriżultax li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija biss waħda minn dawn l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra li tista’ tordna li jitħallsu lura s-somom li l-impriżi tal-elettriku jkunu rċevew indebitament mingħand il-klijenti finali. Għall-kuntrarju, l-użu tal-kliem “fejn ikun il-każ” jimplika li tali konsultazzjoni tkun neċessarja biss fejn il-miżura li tkun prevista l-adozzjoni tagħha jista’ jkollha implikazzjonijiet għal awtoritajiet kompetenti oħra.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-osservanza tal-obbligi ta’ trasparenza jaqgħu taħt il-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72, ma kinitx rilevanti r-raġuni eżatta għaliex, sabiex titwettaq waħda minn dawn il-funzjonijiet, tali impriża tiġi ordnata tirrimborsa lill-klijenti tagħha.


    ( 1 ) Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

    ( 2 ) Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, rispettivament, id-dmirijiet tal-awtoritajiet regolatorji fir-rigward tal-osservanza tal-obbligi ta’ trasparenza u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

    ( 3 ) Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-awtoritajiet regolatorji għandhom il-funzjoni li jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi tal-elettriku li ma josservawx l-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva 2009/72 jew kwalunkwe deċiżjoni legalment vinkolanti applikabbli tal-awtorità regolatorja jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi tali sanzjonijiet.

    Top