Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0689

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Lulju 2024.
    Margrete Auken et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Aċċess għad-dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Kuntratti ta’ xiri bil-quddiem u kuntratti ta’ xiri konklużi bejn il-Kummissjoni u kumpanniji farmaċewtiċi għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eżistenza ta’ riskju prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju għall-interess invokat – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Libertà ta’ espressjoni.
    Kawża T-689/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:476

    Kawża T‑689/21

    Margrete Auken
    u
    Tilly Metz
    u
    Jutta Paulus
    u
    Emilie Mosnier, fil-kwalità ta’ eredi ta’ Michèle Rivasi
    u
    Kimberly van Sparrentak

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea,

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas‑17 ta’ Lulju 2024

    “Aċċess għad-dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Kuntratti ta’ xiri bil-quddiem u kuntratti ta’ xiri konklużi bejn il-Kummissjoni u kumpanniji farmaċewtiċi għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eżistenza ta’ riskju prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju għall-interess invokat – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Libertà ta’ espressjoni”

    1. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Rifjut ta’ aċċess – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2))

      (ara l-punti 30, 31, 34 sa 36, 42, 45, 68, 77 sa 79, 81 sa 83, 86, 87, 106, 107, 109, 111, 118, 119, 142, 143, 147 sa 149, 160, 161, 165, 166, 168, 169, 176, 177, 183, 186, 200, 202, 210, 217)

    2. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Informazzjoni dwar il-post tas-siti ta’ produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID‑19 – Inklużjoni – Pubblikazzjoni ta’ mappa interattiva li turi l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ vaċċini fl-Unjoni – Assenza ta’ effett

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2))

      (ara l-punti 33, 59 sa 61, 63 sa 65, 67)

    3. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Portata – Rifjut ta’ żvelar ta’ ċerti definizzjonijiet, tad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens u d-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fil-kuntratti ta’ xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19 – Inammissibbiltà

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2))

      (ara l-punti 46, 156 sa 170, 187)

    4. Rikors għal annullament – Stħarriġ tal-legalità – Kriterji – Teħid inkunsiderazzjoni biss tal-fatti u tal-informazzjoni disponibbli fid-data ta’ adozzjoni tal-att ikkontestat

      (Artikolu 263 TFUE)

      (ara l-punti 56, 117)

    5. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Portata – Fondi pubbliċi – Dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet akkont jew il-ħlasijiet bil-quddiem – Inklużjoni – Żvelar mhux awtorizzat tal-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-vaċċini – Assenza ta’ effett

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2))

      (ara l-punti 112 sa 115, 118)

    6. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Portata – Interess li jiġu evitati azzjonijiet għall-kumpens – Esklużjoni

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2))

      (ara l-punt 159)

    7. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Portata – Preġudizzju possibbli għar-reputazzjoni ta’ impriża – Inklużjoni

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2))

      (ara l-punt 167)

    8. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Invokazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza – Neċessità li jiġu invokati kunsiderazzjonijiet partikolari b’rabta mal-każ inkwistjoni

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

      (ara l-punti 212 sa 214, 220 sa 223, 229, 230)

    9. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratti ta’ xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19 – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Assenza – Applikazzjoni tal-eċċezzjoni limitata ratione temporis

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2) u (7))

      (ara l-punt 231)

    Sunt

    F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors għal annullament ippreżentat minn diversi Membri tal-Parlament Ewropew kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tat biss aċċess parzjali għall-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem u għall-kuntratti ta’ xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19 ( 1 ).

    Fil-bidu tas-sena 2021, sitt Membri tal-Parlament kienu talbu aċċess ( 2 ) għad-diversi kuntratti konklużi bejn il-Kummissjoni u l-kumpanniji farmaċewtiċi għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19, inklużi dawk li setgħu ġew konklużi wara d-data tat-talba għal aċċess (iktar ’il quddiem it-“talba inizjali”). Il-Kummissjoni kienet tat aċċess parzjali għal disa’ dokumenti billi indikat li l-verżjonijiet redatti tal-imsemmija dokumenti kienu ġew ippubblikati fuq il-paġna internet tal-Kummissjoni u li s-siltiet kienu ġew oskurati abbażi tal-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet ( 3 ).

    Sussegwentement, l-imsemmija Membri ppreżentaw talba konfermattiva intiża għall-iżvelar sħiħ tad-disa’ dokumenti identifikati, bl-esklużjoni tas-siltiet li jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu (iktar ’il quddiem it-“talba konfermattiva”).

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, wara eżami ġdid tat-tweġiba mogħtija għat-talba inizjali, tlettax-il dokument kien ġie identifikat bħala li jaqa’ taħt it-talba għal aċċess għad-dokumenti (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kuntratti inkwistjoni”). Hija tat aċċess usa’ għad-disa’ dokumenti inizjalment identifikati u aċċess parzjali għall-erba’ dokumenti l-oħra li kienu għadhom ma ġewx żvelati pubblikament. Hija invokat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu u dik dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati sabiex tiġġustifika l-aċċess parzjali biss għall-kuntratti inkwistjoni.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment il-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati sa fejn dan jirrigwarda l-oskurament tad-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” u “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” fi tlieta mill-kuntratti inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li s-sempliċi qari tal-kuntratti inkwistjoni kien juri li, għalkemm ċerti definizzjonijiet kienu identiċi, oħrajn kienu s-suġġett ta’ negozjati individwali u speċifiċi. Għaldaqstant, it-tfassil speċifiku tagħhom ma setax jitqies, fil-każijiet kollha, li kien ġenerali u komuni.

    Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, sussegwentement, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx turi b’mod espress, anki jekk fil-qosor, ir-raġunijiet għaliex id-definizzjonijiet tal-espressjonijiet imsemmija kienu ġew oskurati. Anki jekk il-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, dawn ma kinux ġew invokati fid-deċiżjoni kkontestata u ma setgħux jiġu dedotti minnha. Issa, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet addizzjonali pprovduti biss fil-mori tal-kawża mill-awtur tal-att inkwistjoni sabiex tevalwa l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux jippermettu lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet speċifiċi li wasslu għal dan it-tħassir, u lanqas lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tiegħu. Billi ma pprovdietx spjegazzjonijiet suffiċjenti sabiex ikun magħruf kif l-aċċess għall-imsemmija definizzjonijiet seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-impriżi inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment il-motiv li kkritika l-mod kif il-Kummissjoni kienet applikat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali sabiex tneħħi ċerta informazzjoni mill-kuntratti inkwistjoni.

    Hija ċaħdet bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrenti li qal li l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-post tas-siti ta’ produzzjoni u tas-subkuntratturi tal-impriżi kkonċernati ma setax jippreġudika l-interessi kummerċjali attwali tagħhom. F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha ssir fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u tal-fatti eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess. Barra minn hekk, hija kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-informazzjoni oskurata kienet taqa’ taħt ir-relazzjonijiet kummerċjali u l-istrateġija industrijali u kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

    F’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-proprjetà intellettwali kif ukoll dawk dwar il-ħlasijiet akkont jew il-ħlasijiet bil-quddiem u dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali, u l-iskedi ta’ kunsinna, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-iżvelar sħiħ tagħhom kienu fondati.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma qablitx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rifjut li jingħata aċċess iktar wiesa’ għad-dispożizzjonijiet relatati mal-kumpens. F’dan il-kuntest, hija rrimarkat, minn naħa, li l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-impriżi kkonċernati mill-Istati Membri previst mill-kuntratti inkwistjoni bl-ebda mod ma kien jaffettwa s-sistema tar-responsabbiltà ġuridika tal-imsemmija impriżi skont id-Direttiva 85/374 ( 4 ). Fil-fatt, skont din id-direttiva, il-produttur huwa responsabbli għad-dannu kkawżat minn difett fil-prodott tiegħu u r-responsabbiltà tiegħu ma tistax tiġi limitata jew eskluża fil-konfront tal-vittma permezz ta’ klawżola limitattiva jew eżoneratorja ta’ responsabbiltà. Min-naħa l-oħra, hija osservat li l-informazzjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ kumpens kienet diġà taqa’ taħt id-dominju pubbliku meta tressqet it-talba inizjali u meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata ( 5 ).

    Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għalkemm il-kuntratti inkwistjoni kollha kienu jinkludu dispożizzjoni dwar il-kumpens, il-kontenut iddettaljat tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma kienx identiku.

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tliet motivi invokati mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta aċċess iktar wiesa’ għall-imsemmija dispożizzjonijiet ma kinux juru l-eżistenza ta’ riskju prevedibbli u mhux purament ipotetiku għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

    L-ewwel, fir-rigward tal-motiv li għarfien preċiż tal-limiti tar-responsabbiltà tal-impriża kkonċernata jista’ jesponiha għal diversi azzjonijiet għal kumpens, il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-dritt ta’ terzi eventwalment leżi minn vaċċin difettuż li jippreżentaw rikorsi għad-danni huwa bbażat fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 85/374. Huwa għalhekk indipendenti mill-eżistenza u mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens. Barra minn hekk, l-interess tal-impriżi kkonċernati li jevitaw tali azzjonijiet għal kumpens u spejjeż relatati ma’ dawn il-proċeduri ma setax jiġi kklassifikat bħala interess kummerċjali u ma kienx jikkostitwixxi interess denju ta’ protezzjoni taħt ir-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma kienet tinkludi ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-iżvelar iktar wiesa’ tal-imsemmija dispożizzjonijiet seta’ jkun l-oriġini ta’ tali rikorsi.

    It-tieni, fir-rigward tal-motiv li żvelar sħiħ ikun jiżvela inevitabbilment lill-kompetituri tal-impriża kkonċernata l-“punti dgħajfa” tal-kopertura tar-responsabbiltà tagħhom u b’hekk jipprovdilhom vantaġġ kompetittiv li huma jkunu jistgħu jużaw, pereżempju, f’reklami, il-Qorti Ġenerali fakkret li r-raġuni għalfejn dawn id-dispożizzjonijiet ġew integrati fil-kuntratti inkwistjoni, jiġifieri li jiġu kkumpensati r-riskji marbuta mat-tqassir tat-terminu għall-iżvilupp tal-vaċċini, kienet taqa’ taħt id-dominju pubbliku qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-impriżi kollha kkonċernati kienu jibbenefikaw minn dispożizzjoni dwar il-kumpens.

    It-tielet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, għall-istess raġunijiet, il-motiv li żvelar sħiħ kien ikollu riperkussjonijiet fuq ir-reputazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati.

    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-argument tar-rikorrenti dwar l-oskurament tad-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid. Hija osservat li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx turi b’mod espress, anki jekk fil-qosor, ir-raġunijiet għal dan l-oskurament. Billi ma pprovdietx spjegazzjonijiet suffiċjenti sabiex ikun magħruf kif l-aċċess għal dawn id-dispożizzjonijiet seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-impriżi, il-Kummissjoni kisret l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tar-rikorrenti li permezz tiegħu huma kkritikaw lill-Kummissjoni li oskurat b’mod inkoerenti ċerti dispożizzjonijiet u informazzjoni tal-istess natura, jew saħansitra identiċi, f’uħud mill-kuntratti inkwistjoni. Hija fakkret li fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terz, għalkemm il-konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar hija, ċertament, obbligatorja, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa r-riskji li jistgħu jirriżultaw mill-iżvelar tagħhom. F’dan il-każ, kull kuntratt kien jikkostitwixxi dokument awtonomu u r-rikorrenti ma pprovdew ebda prova ta’ natura li tikkonfuta l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li hija bbażat ruħha fuq analiżi tal-kontenut speċifiku ta’ kull kuntratt inkwistjoni u tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata.

    Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tar-rikorrenti li kkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba. Hija kkonstatat li kunsiderazzjonijiet daqstant ġenerali bħal dawk invokati mir-rikorrenti, jiġifieri n-neċessità li tiġi stabbilita l-fiduċja tal-pubbliku fl-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ix-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 u fil-vaċċini stess, ma setgħux jistabbilixxu li l-interess marbut mat-trasparenza kien ta’ importanza partikolari li setgħet tipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tal-partijiet oskurati tal-kuntratti inkwistjoni. Hija fakkret ukoll li l-kuntratti inkwistjoni kienu jaqgħu fil-kuntest ta’ attività amministrattiva, u mhux leġiżlattiva.


    ( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 1038 final tal‑15 ta’ Frar 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    ( 2 ) Skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    ( 3 ) Eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) kif ukoll fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, rispettivament.

    ( 4 ) Skont l-Artikoli 1 u 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257).

    ( 5 ) Ara, b’mod partikolari, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Ftehim tas‑16 ta’ Ġunju 2020 dwar ix-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2020, intitolata “Strateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID‑19” (COM(2020) 245 final).

    Top