Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CO0269

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Lulju 2018.
    Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie vs C u J u S vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(6) u (8) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali manifestament infondata – Dritt għal rimedju effettiv – Awtorizzazzjoni li persuna tibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 2, 3 u 15 – Residenza irregolari – Detenzjoni.
    Kawża C-269/18 PPU.

    Court reports – general

    Kawża C‑269/18 PPU

    Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie
    vs
    C

    u

    J
    u
    S
    vs
    Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

    [talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(6) u (8) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali manifestament infondata – Dritt għal rimedju effettiv – Awtorizzazzjoni li persuna tibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 2, 3 u 15 – Residenza irregolari – Detenzjoni”

    Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Lulju 2018

    1. Domandi preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet – Persuna li titneħħielha l-libertà – Soluzzjoni tat-tilwima li jista’ jkollha effett fuq din it-tneħħija ta’ libertà

      (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23a; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 107)

    2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Applikant għal protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda fl-ewwel istanza – Inklużjoni – Awtorizzazzjoni li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sal-eżitu tar-rikors kontra din iċ-ċaħda – Assenza ta’ effett

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, punt 2 tal-Artikolu 3, u Artikolu 6(4)u (6))

    3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala manifestament infondata – Dritt għal rimedju effettiv – Assenza ta’ effett ta’ sospensjoni awtomatiku – Proċedura intiża sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-possibbiltà għall-applikant li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sal-eżitu tar-rikors tiegħu kontra l-imsemmija ċaħda – Awtorizzazzjoni li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru matul din il-proċedura – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija fis-sens tad-Direttiva 2008/11 – Inammissibbiltà

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 15; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 32(2), u 46(5), (6) u (8))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 36-39)

    2.  Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punti 47 u 49 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C-534/11, EU:C:2013:343), li awtorizzazzjoni li wieħed jibqa’ fit-territorju għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv ta’ rikors kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tipprekludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ppreżenta din l-applikazzjoni sal-eżitu tar-rikors kontra ċ-ċaħda ta’ din (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C-181/16, EU:C:2018:465, punt 43). Madankollu, minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li tali awtorizzazzjoni li persuna tibqa’ tipprojbixxi l-kunsiderazzjoni li, miċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u bla ħsara għall-eżistenza ta’ dritt jew ta’ permess ta’ residenza, ir-residenza tal-persuna kkonċernata ssir irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115. Bil-kontra, sakemm ma jkunx ingħatalu dritt jew permess ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinsab f’residenza irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, miċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli, u dan indipendentement mill-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni li l-persuna tibqa’ sa l-eżitu tar-rikors kontra din iċ-ċaħda (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C-181/16, EU:C:2018:465, punti 44 u 59).

      B’dan il-mod, miċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew b’mod kumulattiv ma’ din fl-istess att amministrattiv, deċiżjoni ta’ ritorn tista’, fil-prinċipju, tiġi adottata kontra l-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 59)

      (ara l-punti 46-48)

    3.  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u d-Direttiva 2013/32/UE Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda, fl-ewwel istanza mill-awtorità amministrattiva kompetenti, bħala manifestament infondata, jitqiegħed f’detenzjoni, sabiex jitneħħa, meta, skont l-Artikolu 46(6) u (8) tad-Direttiva 2013/32, huwa legalment awtorizzat jibqa’ fit-territorju nazzjonali sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tiegħu rigward id-dritt li jibqa’ f’dan it-territorju fl-istennija tal-eżitu tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

      F’dan ir-rigward, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jimplika li l-effetti legali kollha tad-deċiżjoni ta’ ritorn jiġu sospiżi, u dan għandu, b’mod partikolari, bħala konsegwenza li l-persuna kkonċernata ma tistax titqiegħed f’detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 sakemm huwa awtorizzat jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 62). L-istess jgħodd għal ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda bħala manifestament infondata, skont l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32.

      Huwa minnu li mill-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li, f’dan il-każ, il-persuna kkonċernata ma għandhiex ipso jure d-dritt li tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sa l-eżitu tar-rikors tagħha. Madankollu, skont ir-rekwiżiti tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 46(6) ta’ din id-direttiva, dan għandu jkun jista’ jressaq każ quddiem qorti li tiddeċiedi jekk huwa jistax jibqa’ f’dan it-territorju sakemm ir-rikors tiegħu jiġi deċiż fuq il-mertu. L-Artikolu 46(8) tal-istess direttiva jipprevedi li, sa l-eżitu ta’ din il-proċedura intiża sabiex jiġi deċiż jekk il-persuna kkonċernata tistax tibqa’, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtiha l-awtorizzazzjoni li tibqa’ fit-territorju tiegħu.

      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda bħala manifestament infondata ma jistax jitqiegħed f’detenzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 matul il-perijodu li fih jista’ jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda. Jekk tali rikors jiġi ppreżentat, il-persuna kkonċernata lanqas ma tista’ tkun suġġetta għal miżura ta’ detenzjoni abbażi ta’ dan l-artikolu sakemm hija awtorizzata tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 46(8) tad-Direttiva 2013/32.

      (ara l-punti 51-55 u dispożittiv)

    Top