Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0455

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Lulju 2021.
    Naser Bateni vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran – Lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Preskrizzjoni – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.
    Kawża T-455/17.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:411

    (Kawża T-45/17)

    Naser Bateni

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Lulju 2021

    “Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran – Lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Preskrizzjoni – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

    1. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Rikors għad-danni – Rikors intiż li jikseb kumpens għad-dannu subit minħabba l-inklużjoni żbaljata fuq il-lista ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi u tal-implimentazzjoni tal-imsemmija miżuri – Inklużjoni

      (Artikolu 340 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/783 u 2013/661; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1245/2011, Nru 267/2012 u Nru 1154/2013)

      (ara l-punti 48 sa 51)

    2. Rikors għad-danni – Terminu ta' preskrizzjoni – Bidu tad-dekorrenza – Responsabbiltà għal att individwali – Dannu morali – Data li fiha jidhru l-effetti dannużi tal-att

      (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 46 u 53, paragrafu 1; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1245/2011, Nru 267/2012 u Nru 1154/2013)

      (ara l-punti 61 sa 63, 69 sa 71)

    3. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Marġni ta' diskrezzjoni tal-istituzzjoni fl-adozzjoni tal-att – Evalwazzjoni tal-illegalità tal-att jew tal-aġir tal-istituzzjoni

      (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1245/2011, Nru 267/2012 u Nru 1154/2013)

      (ara l-punti 83, 86, 87, 89 sa 93, 114, 115, 119 sa 121, 123, 124, 128, 129)

    4. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet u korpi rrikonoxxuti mill-Kunsill bħala parteċipanti fil-proliferazzjoni nukleari – Obbligu li din il-miżura tiġi estiża għal entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minn tali entità –Kunċett ta’ entità miżmuma jew ikkontrollata – Kapaċità ta’ influwenza, mill-entitajiet jew mill-korpi rrikonoxxuti mill-Kunsill bħala parteċipanti fil-proliferazzjoni nukleari, fuq l-għażliet tal-entità miżmuma jew ikkontrollata – Inklużjoni fil-listi ta’ tali persuni jew entitajiet sabiex tiġi evitata l-evażjoni tal-miżuri restrittivi – Inklużjoni

      (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1245/2011, Nru 267/2012 u Nru 1154/2013)

      (ara l-punt 94)

    5. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, mill-istituzzjonijiet, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħhom – Miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi – Evalwazzjoni tal-legalità tal-agir tal-istituzzjonijiet – Prova – Sorsi ta’ informazzjoni ta’ natura pubblika – Ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni fil-listi kkontestati – Assenza

      (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1245/2011, Nru 267/2012 u Nru 1154/2013)

      (ara l-punti 97 sa 107, 110 sa 113, 125 sa 127, 130)

    6. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Apoġġ għall-attivitajiet nukleari tal-Iran ta’ natura sensittiva fir-rigward tal-proliferazzjoni – Kunċett – Persuni u entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ assigurazzjoni jew servizzi essenzjali oħra lill-kumpannija ta’ trasport marittimu tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran jew lil entitajiet li jappartjenu lilha, jinsabu taħt il-kontroll tagħha jew jaġixxu f’isimha – Portata

      (Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni 2013/497/PESK; Artikolu 20(1)(b); Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012, kif emendat bir-Regolamenti Nru 971/2013, Artikolu 2392)(e), u Nru 1154/2013)

      (ara l-punti 116, 117)

    7. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali li wassal għal sentenza għal annullament – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ksur – Assenza

      (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

      (ara l-punti 131, 132)

    Sunt

    Wara l-adozzjoni, mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ta’ diversi riżoluzzjonijiet li jirrigwardaw il-programm ta’ proliferazzjoni nukleari żviluppat mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ( 1 ) u li jitolbu, b’mod partikolari, lill-Istati Membri sabiex jiffriżaw, minħabba l-attivitajiet marittimi tagħha, l-assi tal-kumpannija Islamic Republic of Iran Shipping Lines (iktar’ il quddiem “IRISL”) u persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jkunu marbuta magħha, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien adotta miżuri restrittivi kontra IRISL, kontra l-kumpannija HTTS Hanatisec Trade Trust (iktar ’il quddiem “HTTS”) ( 2 ), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li teżerċita attivitajiet ta’ aġent marittimu u ta’ amministratur tekniku ta’ bastimenti kontra N. Bateni ( 3 ). Il-Kunsill sussegwentement estenda dawn il-miżuri f'diversi okkażjonijiet.

    HTTS kienet ġiet inkluża mill-ġdid fil-25 ta’ Ottubru 2010 fil-lista ta’ persuni u entitajiet koperti minn dawn il-miżuri minħabba li hija kienet taħt il-kontroll jew aġixxiet f’isem IRISL ( 4 ), u wkoll fit-23 ta’ Jannar 2012, għar-raġuni li hija kienet irreġistrata fil-Ġermanja fl-istess indirizz bħal IRISL Europe GmbH u peress li Naser Bateni, id-direttur tagħha, kien preċedentement impjegat minn IRISL ( 5 ). Min-naħa tiegħu, dan tal-aħħar kien ġie inkluż fil-lista inkwistjoni fl-1 ta’ Diċembru 2011 minħabba li kien l-ex direttur legali ta’ IRISL u direttur ta’ HTTS, issanzjonat mill-Unjoni. Wara li l-Kunsill adatta l-kriterji għall-inklużjoni billi ffoka direttament fuq il-“persuni u entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ assigurazzjoni jew servizzi oħra essenzjali lil IRISL jew lil entitajiet li huma taħt il-kontroll [tagħha] jew li jaġixxu f’isimhom” ( 6 ), Naser Bateni inżamm fil-lista minħabba li kien aġixxa għan-nom ta’ IRISL, li hu kien id-direttur tagħha sal-2008, u sussegwentement direttur ġenerali Direttur Ġenerali ta’ IRISL Europe u li kien id-direttur tal-HTTS li, bħala aġent ġenerali, ipprovdiet servizzi essenzjali lil SAPID u HDSL, it-tnejn huma nnominati bħala entitajiet li jaġixxu f’isem IRISL ( 7 ).

    HTTS u Naser Bateni (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti”), kif ukoll il-kumpannija IRISL, ikkontestaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-parti l-kbira tal-miżuri suċċessivi adottati kontrihom mill-Kunsill u kisbu l-annullament tagħhom ( 8 ). F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti talbu, abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE applikabbli fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-kumpens għad-danni rispettivi tagħhom allegatament subiti minħabba l-inklużjonijiet tagħhom fil-listi kontenzjużi. Huma sostnew b’mod partikolari li l-inklużjonijiet tagħhom fil-listi kkonċernati kienu jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi ( 9 ).

    F’dawn iż-żewġ kawżi, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikorsi għad-danni tar-rikorrenti u tfakkar, b’mod partikolari, li l-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku tal-Unjoni ma hijiex biżżejjed, bħala tali, sabiex jitqies li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha marbuta mal-illegalità tal-aġir ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha hija, minħabba f’hekk, awtomatikament stabbilita.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Il-Qorti Ġenerali teżamina, fiż-żewġ kawżi, jekk l-elementi mressqa mill-appellanti jippermettux li jintwera li l-inklużjonijiet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, kif teżiġi l-ġurisprudenza fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar, fl-imsemmija kawżi, li l-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi għandhom kollha jirreferu għad-data li fiha d-deċiżjoni jew l-aġir ikunu ġew adottati mill-istituzzjoni kkonċernata. Huwa jfakkar ukoll li l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni bħala motiv imressaq insostenn ta’ rikors għal annullament għandu jiġi distint mill-ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali invokata sabiex jiġi kkonstatat tali ksur fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

    Issa l-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kunsill kellu diversi elementi li jikkostitwixxu wkoll indizji ta’ rabtiet bejn IRISL, HTTS u Naser Bateni.

    Il-Qorti Ġenerali tirrileva b’mod partikolari li l-kunċett ta’ kumpannija “miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra” kien iħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kunsill u li dan kien ipprovda elementi li huwa kien iqis bħala li jistgħu jistabbilixxu n-natura tar-rabtiet bejn HTTS, IRISL u Naser Bateni. Fil-kawża T-455/17, il-Qorti Ġenerali tikkonstata wkoll li l-inklużjonijiet tar-rikorrent kienu bbażati kemm fuq rabta personali bejnu u bejn IRISL kif ukoll fuq il-fatt li kellu rwol ta’ ġestjoni fi ħdan kumpannija allegatament ikkontrollata jew miżmuma minn IRISL, fosthom HTTS, li kienet tipprovdi servizzi essenzjali lil kumpanniji oħra allegatament ikkontrollati jew miżmuma minn IRISL. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, anki jekk jitqies li, fl-inklużjonijiet kontenzjużi, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward, dan l-iżball ma jistax ikun ta’ natura flagranti u mhux skużabbli u ma jistax jitqies li amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti ma tkunx wettqitu f’ċirkustanzi analogi.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilmenti tar-rikorrenti li l-inklużjonijiet tagħhom, ukoll ibbażati fuq il-parteċipazzjoni tal-kumpanniji tal-kumpannija IRISL, fosthom SAPID u HDSL, fil-proliferazzjoni nukleari, kienu żbaljati minħabba l-annullament, fis-16 ta’ Settembru 2013, tal-miżuri restrittivi adottati kontra IRISL ( 10 ). Il-Qorti Ġenerali tfakkar b’mod partikolari li l-legalità tal-atti kkontestati għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat u tenfasizza li r-realtà materjali tal-ksur minn IRISL tal-embargo fuq l-armi impost min-Nazzjonijiet Uniti ma ġietx ikkontestata u li l-involviment ta’ IRISL fi tliet inċidenti li jikkonċernaw it-trasport ta’ materjal militari kien iżid ir-riskju li din il-kumpannija kienet ukoll involuta f’inċidenti li jikkonċernaw it-trasport ta’ materjal marbut mal-proliferazzjoni nukleari, b’tali mod li l-Kunsill ma wettaqx ksur tal-kundizzjonijiet materjali tar-reġistrazzjoni ta’ natura li jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tiċħad iż-żewġ rikorsi għad-danni fl-intier tagħhom.


    ( 1 ) Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008) u 1929 (2010),

    ( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39) u r-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25).

    ( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK tal- 1 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 319, p. 71) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011 tal- 1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 319, p. 11).

    ( 4 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1)

    ( 5 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK tat-23 ta’ Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 19, p. 22, rettifika fil-ĠU 2012, L 3, p. 7) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2012 tat-23 ta’ Jannar 2012 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 19, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 31, p. 7).

    ( 6 ) Artikolu 20(1)(b) tad- Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39) kif emendata bir-Regolament Nru 497/2013 u l-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta' Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 297, p. 8, fil-ĠU 2014, L 93, p. 85, fil-ĠU 2012, L 332, p. 31) kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 971/2013.

    ( 7 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 18) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 3).

    ( 8 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T-562/10, EU:T:2011:716); Sentenza tas-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T-128/12 u T-182/12, EU:T:2013:312); Sentenza tat-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T-42/12 u T-181/12, EU:T:2013:409); Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T-489/10, EU:T:2013:453); Kif ukoll is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T-45/14, EU:T:2015:650).

    ( 9 ) Fil-kawża HTTS vs Il-Kunsill (T-692/15, EU:T:2017:890), il-Qorti Ġenerali kienet l-ewwel nett ċaħdet, permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, it-talba għal kumpens ta’ HTTS. Din is-sentenza ġiet sussegwentement annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru 2019fil-kawża HTTS vs Il-Kunsill (C-123/18 P, EU:C:2018:694) u l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    ( 10 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T-489/10, EU:T:2013:453).

    Top