Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0029

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal-24 ta’ Ottubru 2018.
    RQ vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Servizz pubbliku – Uffiċjali – Direttur Ġenerali tal-OLAF – Deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent – Lis alibi pendens – Att li jikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dmirijiet ta’ assistenza u ta’ premura – Aspettattivi leġittimi – Drittijiet tad-difiża.
    Kawża T-29/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawża T-29/17

    RQ

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Servizz pubbliku – Uffiċjali – Direttur Ġenerali tal-OLAF – Deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent – Lis alibi pendens – Att li jikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dmirijiet ta’ assistenza u ta’ premura – Aspettattivi leġittimi – Drittijiet tad-difiża”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal-24 ta’ Ottubru 2018

    1. Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni li tneħħi l-immunità ta’ uffiċjal jew ta’ aġent – Inklużjoni

      (Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 11; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90 u 91)

    2. Drittijiet fundamentali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Dritt għal smigħ – Deċiżjoni li tneħħi l-immunità ta’ uffiċjal – Sigriet istruttorju invokat mill-awtoritajiet nazzjonali – Ibbilanċjar tr-rekwiżiti marbuta mas-sigriet tal-investigazzjoni ma’ dawk marbuta mad-dritt għal smigħ

      [Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a)]

      L-immunità ġudizzjarja prevista mill-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7 tipproteġi lill-uffiċjali u membri tal-persunal kontra l-proċeduri tal-awtoritajiet tal-Istati Membri minħabba atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali tagħhom. Għaldaqstant, deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal tbiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu, bis-sempliċi effett tat-tneħħija ta’ din il-protezzjoni, billi tistabbilixxi mill-ġdid l-istatus tiegħu ta’ persuna suġġetta għad-dritt komuni tal-Istati Membri u billi b’hekk tesponih, mingħajr ma tkun neċessarja xi regola intermedjarja, għal miżuri, b’mod partikolari ta’ detenzjoni u ta’ proċeduri legali, stabbiliti minn dan id-dritt komuni.

      Minn dak li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni li biha l-istituzzjoni neħħiet l-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent tikkostitwixxi att li kkawżalu preġudizzju.

      (ara l-punti 38-40)

    1.  B’mod konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza tad-dritt fundamentali inkwistjoni. Barra minn hekk, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni.

      Fl-Istati Membri fejn huwa previst, is-sigriet istruttorju huwa prinċipju ta’ ordni pubbliku li għandu l-għan mhux biss li jipproteġi l-investigazzjonijiet, biex jiġu evitati diskussjonijiet frodulenti u t-tentattivi ta’ ħabi ta’ provi u ta’ indizji, iżda wkoll li jipproteġi lill-persuni suspettati jew akkużati li jkunu għadhom ma nstabux ħatja. B’hekk, in-nuqqas ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata jista’ jkun oġġettivament iġġustifikat bis-sigriet istruttorju, li d-dettalji tiegħu huma previsti mil-liġi, u sa fejn dan huwa meħtieġ u proporzjonat għall-objettiv li jrid jintlaħaq, jiġifieri l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura kriminali.

      Fil-fatt, peress li l-istituzzjoni hija marbuta li tosserva d-dritt għal smigħ meta tadotta att li jikkawża preġudizzju, hija għandha tqis bl-akbar attenzjoni kif tista’ tirrikonċilja r-rispett tal-imsemmi dritt tal-persuna interessata u l-kunsiderazzjonijiet leġittimi invokati mill-awtoritajiet nazzjonali. Dan l-ibbilanċjar jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jagħti lill-uffiċjali u lill-aġenti tal-Unjoni u, għaldaqstant, tal-interessi tal-Unjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7, u tal-iżvolġiment effiċjenti u mingħajr xkiel tal-proċeduri kriminali nazzjonali, b’rispett tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

      Fil-każ odjern, in-nuqqas ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat is-sigriet istruttorju u, għaldaqstant, ma jirrispettax l-essenza tad-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

      (ara l-punti 56, 59, 60, 67, 74)

    Top