Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0546

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
    Montte SL vs Musikene.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kwalità ta’ qorti tal-korp ta’ rinviju – Direttiva 2014/24/UE – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Proċedura miftuħa – Kriterji ta’ għoti – Evalwazzjoni teknika – Limitu minimu ta’ punti – Evalwazzjoni bbażata fuq il-prezz.
    Kawża C-546/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawża C-546/16

    Montte SL

    vs

    Musikene

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kwalità ta’ qorti tal-korp ta’ rinviju – Direttiva 2014/24/UE – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Proċedura miftuħa – Kriterji ta’ għoti – Evalwazzjoni teknika – Limitu minimu ta’ punti – Evalwazzjoni bbażata fuq il-prezz”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal‑20 ta’ Settembru 2018

    1. Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – Kunċett – Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (il-Korp Amministrattiv tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask għall-Appelli fil-qasam tal-Kuntratti Pubbliċi) – Inklużjoni

      (Artikolu 267 TFUE)

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24 – Għoti ta’ kuntratti – Proċedura miftuħa – Kriterji ta’ għoti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jeskludu b’mod inizjali offerti li ma jilħqux il-minimu ta’ punti meħtieġa fl-ispeċifikazzjonijiet bħala parti mill-evalwazzjoni teknika – Ammissibbiltà

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/24, Artikolu 67)

    3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24 – Għoti ta’ kuntratti – Proċedura miftuħa – Kriterji ta’ għoti – Possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tnaqqas in-numru ta’ offerti li għandhom jiġu nnegozjati jew ta’ soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jeskludu b’mod inizjali offerti li ma jilħqux il-minimu ta’ punti meħtieġa fl-ispeċifikazzjonijiet bħala parti mill-evalwazzjoni teknika – Ammissibbiltà

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/24, Artikoli 29(6), 30(4), u 66)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 21-25)

    2.  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-jedd li jimponu, fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt skont proċedura miftuħa, rekwiżiti minimi fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika, b’tali mod li l-offerti sottomessi li ma jiksbux limitu minimu ta’ punti predeterminat fi tmiem din l-evalwazzjoni jiġu esklużi mill-evalwazzjoni ulterjuri bbażata kemm fuq kriterji tekniċi kif ukoll fuq il-prezz.

      F’dan is-sens, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24 ma jipprekludix il-possibbiltà, fl-istadju tal-għoti tal-kuntratt, li inizjalment jeskludi offerti sottomessi li ma jiksbux il-limitu massimu ta’ punti predeterminat fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika. F’dan ir-rigward, jidher li offerta li ma tiksibx tali limitu, bħala prinċipju, ma tikkorrispondix mal-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti u ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża. Għaldaqstant l-awtorità kontraenti, f’tali każ, ma hijiex obbligata tiddetermina jekk il-prezz ta’ tali offerta huwiex inqas minn dawk tal-offerti mhux eliminati li jiksbu l-imsemmi limitu u li għalhekk jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat ulterjorment li, jekk għoti ta’ kuntratt isir wara l-evalwazzjoni teknika, l-awtorità kontraenti jkollha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-prezz tal-offerti li jiksbu limitu minimu mill-perspettiva teknika.

      (ara l-punti 32, 33, 39, u d-dispożittiv 1)

    3.  L-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-jedd li jimponu, fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt skont proċedura miftuħa, rekwiżiti minimi fir-rigward tal-evalwazzjoni teknika, b’tali mod li l-offerti sottomessi li ma jiksbux limitu minimu ta’ punti predeterminat fi tmiem din l-evalwazzjoni jiġu esklużi mill-fażijiet suċċessivi tal-għoti tal-kuntratt, u dan, indipendentement min-numru ta’ offerenti li jkun fadal.

      F’dan ir-rigward, sa fejn, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet magħmula mid-Direttiva 2014/24, b’mod partikolari fl-Artikoli 18 u 67 tagħha, ġew applikati korrettament, jeħtieġ li jiġi ddikjarat li kompetizzjoni effettiva ġiet żgurata mill-awtorità kontraenti. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi ppreċiżat mill-ewwel li anki jekk, wara l-evalwazzjoni teknika, ikun għad fadal biss offerta waħda li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità kontraenti, din tal-aħħar bl-ebda mod ma hi marbuta taċċettaha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1999, Fracasso u Leitschutz, C‑27/98, EU:C:1999:420, punti 32 sa 34). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk l-awtorità kontraenti tqis li l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt hija, fid-dawl tal-partikolaritajiet u tas-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat, ikkaratterizzata minn nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva, ikun possibbli li din il-proċedura tingħalaq u, fil-każ ta’ bżonn, tinbeda proċedura ġdida bi kriterji ta’ għoti differenti.

      Ċertament, skont l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24, l-awtoritajiet kontraenti, meta jirrikorru għall-possibbiltà li jnaqqsu n-numru ta’ offerti li għandhom jiġu nnegozjati, prevista fl-Artikolu 29(6) ta’ din id-direttiva, jew dik li jnaqqsu n-numru ta’ soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi, prevista fl-Artikolu 30(4) tal-imsemmija direttiva, għandhom iwettqu dan it-tnaqqis billi japplikaw il-kriterji ta’ għoti indikati fid-dokumenti tal-kuntratt, b’tali mod li n-numru ta’ offerti meħuda inkunsiderazzjoni fil-fażi finali jippermetti li tiġi żgurata kompetizzjoni reali, sa fejn ikun hemm numru suffiċjenti ta’ offerti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. Madankollu, għar-raġunijiet imfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 29(6) u l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2014/23, b’tali mod li ma taqax taħt l-Artikolu 66 tagħha. Għalhekk, il-ħtieġa li tiġi żgurata kompetizzjoni reali sal-fażi finali tal-proċedura, prevista f’dan l-aħħar artikolu, ma tirrigwardax il-proċeduri miftuħa bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

      (ara l-punti 41-44 u d-dispożittiv 2)

    Top