Välj vilka experimentfunktioner du vill testa

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 62016CJ0273

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2017.
    Agenzia delle Entrate vs Federal Express Europe Inc.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Is-Sitt Direttiva 77/388/KEE – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjoni mill-VAT – Artikolu 86(1)(b) u Artikolu 144 – Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija ta’ valur negliġibbli jew mingħajr natura kummerċjali – Eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi relatati mal-importazzjoni ta’ oġġetti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għall-VAT l-ispejjeż ta’ trasport ta’ dokumenti u ta’ oġġetti ta’ valur negliġibbli minkejja n-natura anċillari tagħhom għal oġġetti mhux taxxabbli.
    Kawża C-273/16.

    Rättsfallssamlingen – allmänna delen

    Kawża C-273/16

    Agenzia delle Entrate

    vs

    Federal Express Europe Inc.

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Is-Sitt Direttiva 77/388/KEE – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjoni mill-VAT – Artikolu 86(1)(b) u Artikolu 144 – Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija ta’ valur negliġibbli jew mingħajr natura kummerċjali – Eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi relatati mal-importazzjoni ta’ oġġetti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għall-VAT l-ispejjeż ta’ trasport ta’ dokumenti u ta’ oġġetti ta’ valur negliġibbli minkejja n-natura anċillari tagħhom għal oġġetti mhux taxxabbli”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2017

    Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjonijiet fuq l-importazzjoni – Eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi relatati mal-importazzjoni ta’ oġġetti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud l-ispejjeż ta’ trasport ta’ dokumenti u ta’ oġġetti ta’ valur negliġibbli minkejja n-natura anċillari tagħhom għal oġġetti mhux taxxabbli – Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112 Artikoli 144, u 86(1)(b))

    L-Artikolu 144 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-Artikolu 86(1)(b) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud għas-servizzi anċillari, inkluż għas-servizzi ta’ trasport, mhux biss li l-valur tagħhom ikun inkluż fil-valur taxxabbli, iżda wkoll li dawn is-servizzi jkunu ġew effettivament suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud fid-dwana meta ġew importati.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 86(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT jiżgura li l-intaxxar tas-servizzi anċillari jsegwi l-intaxxar tas-servizz prinċipali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 144 ta’ din id-direttiva, minn naħa, it-tranżazzjoni prinċipali eżentata tikkorrispondi għal dik tal-importazzjoni tal-oġġetti u, min-naħa l-oħra, is-servizzi anċillari huma s-servizzi elenkati fl-Artikolu 86(1)(b) tal-imsemmija direttiva, u dawn għandhom, inkwantu tali, isegwu t-trattament fiskali tas-servizz prinċipali, bil-kundizzjoni li l-valur tagħhom ikun inkluż fil-valur taxxabbli.

    Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikolu 86(1)(b) u tal-Artikolu 144 tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li, sa fejn l-ispejjeż ta’ trasport huma inklużi fil-valur taxxabbli tal-operazzjoni ta’ importazzjoni eżentata, il-provvista ta’ servizzi anċillari għandha wkoll tkun eżentata mill-VAT.

    Ir-rekwiżit li din il-provvista ta’ servizzi tkun ġiet effettivament suġġetta għall-VAT fid-dwana, hekk kif previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrendi ineffettiva l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 144 tad-Direttiva tal-VAT, peress li l-effett ta’ tali rekwiżit ikun li l-imsemmija eżenzjoni qatt ma tkun applikabbli fil-każ ta’ importazzjonijiet ta’ spedizzjonijiet ta’ merkanzija ta’ valur negliġibbli jew mingħajr natura kummerċjali, filwaqt li dawn tal-aħħar għandhom jiġu eżentati mill-VAT abbażi tal-Artikolu 143(b) ta’ din id-direttiva.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ eżenzjonijiet mid-dazji fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija ta’ valur negliġibbli, li dawn huma intiżi għal simplifikazzjoni amministrattiva tal-proċeduri doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, Har Vaessen Douane Service,C‑7/08, EU:C:2009:417, punt 33).

    Minn dan isegwi li l-ispejjeż ta’ trasport relatati mal-importazzjoni finali ta’ oġġetti għandhom ikunu eżentati mill-VAT, sakemm il-valur tagħhom ikun inkluż fil-valur taxxabbli, anki jekk dawn ma ġewx suġġetti għall-VAT fid-dwana meta ġew importati.

    (ara l-punti 39-41, 44, 46, 47, u d-dispożittiv)

    Upp