Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0266

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-27 ta’ Frar 2018.
    Western Sahara Campaign UK vs Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs u Secretary of State for Environment, Food and Rural Affairs.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk fis-settur tas-sajd – Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd previsti minn dan il-ftehim – Atti li japprovaw il-konklużjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll – Regolamenti li jallokaw l-opportunitajiet ta’ sajd stabbiliti mill-Protokoll bejn l-Istati Membri – Ġurisdizzjoni – Interpretazzjoni – Validità fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE u tad-dritt internazzjonali – Applikabbiltà tal-imsemmi ftehim u tal-imsemmi protokoll għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu magħha.
    Kawża C-266/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawża C‑266/16

    Western Sahara Campaign UK

    vs

    Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
    u
    Secretary of State for Environment, Food and Rural Affairs

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk fis-settur tas-sajd – Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd previsti minn dan il-ftehim – Atti li japprovaw il-konklużjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll – Regolamenti li jallokaw l-opportunitajiet ta’ sajd stabbiliti mill-Protokoll bejn l-Istati Membri – Ġurisdizzjoni – Interpretazzjoni – Validità fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE u tad-dritt internazzjonali – Applikabbiltà tal-imsemmi ftehim u tal-imsemmi protokoll għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu magħha”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-27 ta’ Frar 2018

    1. Domandi preliminari–Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja–Azzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet–Talba għal eżami tal-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni–Ammissibbiltà

      (Artikolu 19(3)(b) TUE; il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE)

    2. Ftehimiet internazzjonali–Ftehimiet tal-Unjoni–Ftehim ta’ Sħubija Komunità-Marokk–Interpretazzjoni–Applikazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali

      (Ftehim ta’ Sħubija KE-Marokk, Artikoli 2(a), 5 u 11)

    3. Ftehimiet internazzjonali–Ftehimiet tal-Unjoni–Ftehim ta’ Sħubija Komunità-Marokk–Kamp ta’ applikazzjoni territorjali–Territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent lil hinn mis-sovranità tal-partijiet–Esklużjoni

      (Ftehim ta’ Sħubija KE-Marokk, Artikolu 11)

    4. Ftehimiet internazzjonali–Ftehimiet tal-Unjoni–Ftehim ta’ Sħubija Komunità-Marokk–Kamp ta’ applikazzjoni territorjali–Ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent–Esklużjoni–Assenza ta’ kontestazzjoni tal-atti tal-Unjoni relatati mal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll fil-qasam tas-sajd

      (Artikolu 3(5) TUE; Ftehim ta’ Sħubija KE-Marokk, Artikoli 2(a) u 16, u Protokoll tal-2013, Artikolu 1; Regolamenti tal-Kunsill Nru 764/2006 u Nru 1270/2013; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/785)

    1.  F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19(3)(b) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267(b) TFUE jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C-322/88, EU:C:1989:646, punt 8, u tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C-258/14, EU:C:2017:448, punt 30). Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati jikkostitwixxu, fir-rigward tagħha, atti tal-istituzzjonijiet tagħha (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C-162/96, EU:C:1998:293, punt 41, u tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C-386/08, EU:C:2010:91, punt 39).

      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, kemm fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kif ukoll f’dak ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex twettaq evalwazzjoni dwar jekk ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni huwiex kompatibbli mat-Trattati (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/75 (Arranġament OECD – Standard ta’ Spiża Lokali), tal-11 ta’ Novembru 1975, EU:C:1975:145, p. 1361) u mar-regoli tad-dritt internazzjonali li, f’konformità magħhom, jorbtu lill-Unjoni. Għandu jingħad ukoll li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu mhux biss lill-istituzzjonijiet tagħha, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, iżda wkoll lill-Istati terzi li huma partijiet għal dawn il-ftehimiet. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, din it-talba għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi l-att li bih l-Unjoni kkonkludiet tali ftehim internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C-327/91, EU:C:1994:305, punt 17, u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punti 286 u 289).

      Fid-dawl tal-obbligi tal-Unjoni indikati fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, l-istħarriġ ta’ validità li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha twettaq f’tali kuntest jista’ madankollu jirrigwarda l-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tal-kontenut stess tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punt 289 u l-ġurisprudenza ċċitata).

      (ara l-punti 43-45, 48-51)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 58)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 62-64)

    4.  Peress li la l-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk, u lanqas il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, ma japplikaw għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent, l-eżami tal-ewwel domanda preliminari ma żvela l-ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/785/UE tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni ta’ dan il-protokoll, u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1270/2013 tal-15 ta’ Novembru 2013, dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt l-imsemmi protokoll, fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE.

      Fit-tieni lok, il-Ftehim ta’ Sħubija ma japplikax biss għat-territorju tar-Renju tal-Marokk, iżda japplika wkoll għall-“ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni” ta’ dan l-Istat, kif indikat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. Min-naħa tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jużax tali espressjoni. Issa, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tal-imsemmija espressjoni, għandu jsir riferiment għall-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, kif indikat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(1) tal-imsemmija konvenjoni jirriżulta li s-sovranità tal-Istat kostali testendi, lil hinn mit-territorju ta’ dan tal-aħħar u mill-ilmijiet interni tiegħu, għal żona ta’ baħar kontigwa, deskritta bl-isem ta’ “baħar territorjali”. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 55 u 56 tagħha, l-Istat kostali għandu ġurisdizzjoni flimkien ma’ ċerti drittijiet f’żona li tinsab lil hinn mill-baħar territorjali tiegħu u li tmiss miegħu, indikata bl-isem ta’ “żona ekonomika esklussiva”. Minn dan jirriżulta li l-ibħra li fuqhom l-Istat kostali għandu sovranità jew ġurisdizzjoni, skont il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, huma limitati għall-ibħra li jmissu mat-territorju tiegħu u li jaqgħu fil-baħar territorjali tiegħu jew fiż-żona ekonomika esklużiva. Konsegwentement, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li t-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jifformax parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk, kif tfakkar fil-punti 62 sa 64 ta’ din is-sentenza, l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jaqgħux fiż-żona ta’ sajd Marokkina msemmija fl-Artikolu 2(a) tal-Ftehim ta’ Sħubija.

      B’differenza għall-Ftehim ta’ Sħubija, il-Protokoll tal-2013 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika li tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu. Madankollu, diversi dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll jużaw l-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini”. Issa, din l-espressjoni hija identika għal dik li tinsab fl-Artikolu 2(a) tal-Ftehim ta’ Sħubija, li jipprovdi, minn naħa, li għandha tinftiehem li tirreferi għall-“ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”, u, min-naħa l-oħra, li tali definizzjoni tapplika mhux biss għal dan il-ftehim, iżda wkoll għall-protokoll tiegħu flimkien mal-anness. Barra minn hekk, mill-Artikolu 16 tal-Ftehim ta’ Sħubija u mill-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-2013 jirriżulta li dan il-protokoll, l-anness tiegħu u l-appendiċijiet tiegħu jifformaw parti integrali mill-imsemmi ftehim. Minn dan isegwi li l-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini”, użata kemm fil-Ftehim ta’ Sħubija kif ukoll fil-Protokoll tal-2013, li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu, għandha tinftiehem li tirreferi għall-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk. Konsegwentement, u skont l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini”, fis-sens tal-imsemmi protokoll, ma tinkludix l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

      (ara l-punti 65-69, 75-79, 85 u d-dispożittiv)

    Top